MediaToday

Il Punt - Hillary Briffa | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59

Id-dinja f’Idejja

Ta’ kuljum fil-gazzetti u fl-aħbarijiet nismgħu kif l-atmosfera qed tisħon. Hu ikkonfermat li llum il-ġurnata l-problema tat-tibdil tal-klima daħlet fil-fond wisq u dan jġiegħelna nistaqsu mistoqsijiet bħal: x’qed jikkawża dan it-tibdil tal-klima? X’inhuma l-konsegwenzi fuq Malta u d-dinja? X’nistgħu nagħmlu aħna stess biex il-klima ma tkomplix tisħon daqshekk malajr?
L-arja hi ffurmata minn diversi gassijiet imħalltin flimkien f’kwantitajiet differenti. Dawn il-gassijiet fl-atmosfera speċjalment dawk bħal carbon dioxide, nitrous oxide, methane u CFC iżommu din l-istess atmosfera f’bilanċ billi jħallu kwantità ta’ radjazzjoni mix-xemx tippenetra u ssaħħan d-dinja u fl-istess waqt taqta’ barra radjazzjoni qerrieda. Bis-sustanzi żejda li qed inħallu joħorġu fl-arja qed inkissru dan il-bilanċ.
Minħabba l-fatt li l-bniedem jaħraq ħafna żjut fl-industrija u fil-mezzi tat-trasport dan kellu riżultati negattivi ħafna fuq l-ambjent ta’ madwarna. Fil-fatt ix-xjenzati huma tal-fehma li l-ħruq tal-fossil fuels (petrol, faħam eċċ) flimkien ma’ bosta proċessi umani oħra jikkawżaw parti kbira miż-żieda fl-ammont tal-gassijiet fl-atmosfera.
Din iż-żieda tissejjaħ global warming għax il-gassijiet jassorbu r-raġgi li suppost kellhom jaħarbu fl-ispazju u b’hekk aktar sħana tinqabad fid-dinja u din tilħaq temperatura wisq għolja. Din tirriżulta f’anqas xita f’xi postijiet u għalhekk l-art agrikola tbati l-konsegwenzi.
Il-possibbiltà ta’ diżastri naturali saret aktar komuni. Spiss nisimgħu b’għargħar, ċikluni u tempesti li jseħħu f’postijiet fejn qatt qabel ma kienu jbatu minn dawn il-fenomeni naturali.
Hu d-dmir tagħna biex nagħmlu ħilitna ħalli nnaqqsu l-gassijiet prodotti mill-ħruq taż-żjut billi nużaw anqas enerġija, naħlu anqas u nagħmlu dak kollu li nistgħu biex insalvaw l-ekosistema. Irridu nistabilizzaw il-livell ta’ gassijiet żejda fl-atmosfera malajr kemm jista’ jkun. Il-poli tad-dinja qed jinħallu jekk l-iżbilanċ fl-atmosfera ma jinbidilx, minbarra dawk il-fenomeni naturali kollha, il-livell tal-baħar se jogħla b’konsegwenzi terribli ħafna.
In-nies li jgħixu f’postijiet baxxi u f’żoni kostali huma l-aktar fil-periklu. Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jogħla l-livell tal-baħar u aktar jiżdied ir-riskju li dawn l-inħawi jispiċċaw jegħrqu. F’pajjiżi bħall-Olanda u bħal Malta l-irħula li għandhom il-baħar bħall-Imsida jistgħu jsofru minħabba dan il-fenomenu.
Il-qerda tal-foresti, barra li tirriżulta f’żieda tal-għaġeb ta’ dijossidu karboniku, taffettwa wkoll il-klima lokali u ċ-ċiklu ta’ l-ilma u b’konsegwenza, il-fertilità tal-ħamrija. Dan ipoġġi ħafna pressjoni fuq foresti, l-annimali u pjanti naturali, kif ukoll il-kwantità ta’ l-ilma u jogħla wkoll ir-riskju ta’ ġuħ li diġà sar realtà f’numru kbir ta’ pajjiżi li qed jiżviluppaw. Hemm miljuni ta’ nies li diġà spiċċaw refuġjati minħabba kawżi ambjentali.
Fortunatment, qed jiġu żviluppati strutturi biex jaħdmu ħalli jipproteġu l-ambjent. Il-Ġnus Magħquda u t-Trattat ta’ Kyoto huma żewġ eżempji ta’ dan. It-Trattat ta’ Kyoto jiffoka speċjalment biex iwaqqaf legalment iż-żieda tal-greenhouse gases. Biex dan iseħħ, iżda, irid jiġi ratifikat minn 55 pajjiż li għandhom jinkludu dawk il-pajjiżi bħaċ-Ċina, bħall-Indja u l-aktar bħall-Istati Uniti li jużaw kwart sħiħ mill-enerġija dinjija. Sfortunatment, l-Istati Uniti mhux qed tagħmel biżżejjed biex tnaqqas l-użu ta’ l-enerġija.
Ħafna mit-tniġġis dinji ġej minn dawk l-industriji kbar li jaħarqu ħafna enerġija. F’Malta qed issir investigazzjoni fuq il-possibiltà li mill-miżbla tal-Magħtab il-gassijiet jinġabru fi bjar biex dawk tossiċi jintremew u l-oħrajn imorru għall-enerġija alternattiva.
Hemm ukoll bosta tipi ta’ enerġija alternattiva oħra. Għal Malta, l-aktar tnejn li nistgħu nisfruttaw huma r-riħ u x-xemx.
Nistgħu niġġeneraw l-elettriku mir-riħ bl-użu ta’ turbini. Dawn huma rdieden imqabbdin ma’ generator ħalli r-riħ idawwar ir-raddiena u jiġġenera l-enerġija. Hemm dawk li jaħsbu li t-turbini huma wisq storbjużi iżda l-ġid li jagħmlu hu ferm aktar mix-xejn.
Billi jridu jinbnew fi spazju kbir se jkun diffiċli ħafna għal Malta li mill-ispazju hi limitata. Għalkemm jistgħu jsiru fuq il-baħar, il-baħar ta’ madwarna jsir fond ħafna ftit metri ’l bogħod mill-kosta. Dan jagħmilha diffiċli ħafna u l-pajjiż għandu bżonn għajnuna finanzjarja kbira biex iwettaq proġett bħal dan.

Iżda l-enerġija tax-xemx tista’ tintuża biex issaħħan l-ilma mingħajr l-użu ta’ l-elettriku. Bl-użu ta’ solar cells u water solar heaters nistgħu nipproduċu enerġija mix-xemx u b’hekk niffrankaw mhux biss mill-kontijiet iżda wkoll mill-ammont ta’ enerġija li jkollha tipproduċi l-power station.
Il-karozzi u t-traffiku huma waħda mill-akbar problemi ta’ tniġġis fl-arja li għandna f’pajjiżna. Għalkemm qed naqilbu fuq il-biofuels baqa’ ferm iżjed xi jsir.
Barra min Malta nistgħu naraw bosta pjanijiet li qed jinħadmu biex titnaqqas l-emissjoni mill-karozzi. Hawn pajjiżi fl-Ewropa li għandhom ġranet fejn il-karozzi jintużaw jum wieħed dawk li għandhom numru biż-żewġ u jum ieħor l-oħrajn bil-fard u b’hekk isir kontroll fuq l-ammont ta’ karozzi li jiċċirkulaw fit-toroq.
F’Malta għandna naraw li nagħmlu servizzi pubbliċi effiċjenti biex inħeġġu n-nies jeħduhom minflok isuqu huma stess. Għandna wkoll nagħmlu inizjattivi biex in-nies jgħinu lil xulxin u ma jsuqux individwalment. B’hekk innaqqsu mill-ħela.
Fl-aħħar, irridu naħsbu fil-ġid u l-importanza tas-siġar. F’ħafna pajjiżi jinqatgħu mhux biss għall-użu iżda wkoll biex l-art tiċċattja u tintuża għal skopijiet oħra. Dan jagħmel ħafna ħsara speċjalment f’foresti bħall-Foresta Amażonika, li hi l-pulmun tad-dinja. Għandhom jitħawlu aktar siġar u nużaw inqas karti biex insawlvaw is-siġar.
Fuq kollox irridu nedukaw lin-nies biex ma nibqgħux għamjin fost dawn il-problemi kollha. Jekk naħdmu flimkien nistgħu ngħixu f’dinja ferm aħjar u isbaħ għalina u t-tfal tagħna!

Hillary Briffa hi studenta mill-iskola San Anton li rebħet il-kategorija tat-tfal bejn 15-il sena u 16 fil-kompetizzjoni ‘Id-dinja f’idejja’ organizzata minn MediaToday. L-istudenti kellhom jiktbu komponiment fuq tema ambjentali billi jiffukaw fuq il-fenomenu tal-global warming. L-għalliema li għenet lil Hillary kienet Doreen Coleiro.
Il-kitbiet bl-Ingliż ta’ żewġ studenti oħra li rebħu l-kategoriji oħra qed jidhru fil-MaltaToday ta’ llum.
L-istudenti rebħu solar water heater kull wieħed offrut minn MB Solco.
Il-kitbiet kienu ġġudikati mill-Prof. Edward Mallia.

Intervista
Elezzjoni touch and go

Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri


Editorijal

Kollox sew


Il Punt
Id-dinja f'Idejja
Hillary Briffa

TONI u PEPPI
Il-logħob ta' l-ażżard: Gvern papà jew awtoregolazzjoni


Emmanuel Micallef
Bidla fil-mentalità


Carmelo Mifsud Bonnici

L-użu tar-raġuni



X'kien Jgħid
Rigal doppju



Wenzu Mintoff

Is-sema pajjiżi

 


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075