Editorjal | 16 ta’ Diċembru 2007 Nr 59
It-trattat li ffirma Lawrence Gonzi f’Lisbona din il-ġimgħa jixbah ħafna lill-Kostituzzjoni Ewropea li kienet abbandunata għajr xi tibdil legalistiku li jagħmilha iktar faċli għal ċerti pajjiżi biex jirratifikawh permezz ta’ vot fil-parlament minflok b’referendum.
It-tibdil mill-Kostituzzjoni mhux wieħed radikali u fil-kuntest politiku Malti fejn il-Kostituzzjoni Ewropea kienet diġà ratifikata mill-Parlament anki bl-appoġġ tal-Partit Laburista wieħed jista’ jargumenta li mhemm l-ebda ħtieġa li jinfetħu diskussjonijiet kbar dwar it-trattat.
Ma naqblux ma’ din it-teżi għas-sempliċi fatt li kull trattat li jista’ jħalli impatt kbir fuq il-mixja ta’ dan il-pajjiż għandu jinfetaħ għad-dibattitu. Jekk xejn, il-ftuħ mill-ġdid tad-diskussjoni fuq livell Ewropew dwar kif għandha titmexxa l-Unjoni Ewropea seta’ serva biex ikunu iċċarati ċerti riservi li kienu tqajmu f’Malta meta saret id-diskussjoni dwar il-Kostituzzjoni, fosthom in-newtralità u s-sehem ta’ pajjiżna f’missjonijiet militari Ewropej.
It-Trattat ta’ Lisbona kien meħtieġ għax jiffaċilita l-mod ta’ kif jittieħdu ċerti deċiżjonijiet fuq livell Ewropew issa li l-UE kibret għal 27 pajjiż bi fruntieri li jaslu minn Lisbona sal-Baħar l-Iswed.
Iżda lil hinn mill-merti ta’ x’fih jew ma fihx it-trattat konna nistennew li l-partiti politiċi Maltin jixprunaw xi forma ta’ dibattitu li seta’ jwassal ukoll għal titjib fuq dak li kisbet s’issa Malta. L-uniċi sforzi li kien hemm ġew minn Simon Busuttil li organizza konferenza biex jinforma lin-nies, stqarrija minn Azzjoni Nazzjonali u stqarrija oħra mill-għaqda xellugija Żminijietna li talbet għal referendum fuq it-trattat.
Inħossu li għad hemm opportunità li ssir diskussjoni qabel pajjiżna jirratifika t-trattat. Imma bil-Prim Ministru jkun evażiv fuq meta beħsiebu jressaq it-trattat quddiem il-Parlament il-probabbiltà hi li se jipprova jużah bħala lixka ħalli lejlet l-elezzjoni jqajjem il-fervur ta’ l-ewro xettiċi fi ħdan l-MLP.
U b’dan ir-raġunament l-MLP m’għandu l-ebda interess li jqanqal id-diskussjoni għax ma jridx li b’xi mod jidher kontra l-Ewropa.
Dan hu l-faqar politiku li għandna f’dan il-pajjiż. L-aqwa li Malta se jkollha s-sitt siġġu fil-Parlament Ewropew biex forsi ż-żewġ partiti kbar ma joqogħdux jiġġieldu min minnhom rebaħ. Hu tajjeb li pajjiżna ħa siġġu ieħor imma t-Trattat ta’ Lisbona jitkellem fuq ħafna affarijiet oħra ta’ importanza ikbar.
Idealment trattat bħal dan ikun approvat mill-poplu permezz ta’ referendum. Iżda f’sitwazzjoni fejn ħadd ma jimpurtah jgħaddi l-informazzjoni sħiħa qajla jkun jagħmel sens li n-nies tivvota fuq mazz karti mimlijin lingwaġġ legalistiku li ma jinftehimx.
Iċ-ċifri li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika jikkonfermaw dak li ilu jinħass min-nies li l-għafsa tal-prezzijiet qed tħalli impatt negattiv fuq il-but.
F’suq globalizzat fejn il-prezzijiet ħafna drabi jkunu jirriflettu ġrajjiet jew avvenimenti li jiġru f’pajjiżi ’l bogħod minna qajla hemm x’tista’ tagħmel fuq livell lokali biex ittaffi l-għafsa.
Madankollu rridu niżguraw li f’din l-inċertezza globali ma jkunx hawn min jipprova jabbuża u jgħolli iktar minn kemm hu xieraq. Jeħtieġ li f’pajjiżna jkun hawn awtorità regolatorja ta’ stoffa li tissorvelja kif miexi s-suq.
Il-Partit Laburista għandu raġun jitkellem fuq il-ħtieġa ta’ awtorità biex tipproteġi l-konsumatur. Illum l-istituzzjonijiet li għandu l-pajjiż li jirregolaw il-kompetizzjoni ġusta mhumiex jiffunzjonaw b’mod pro-attiv u effettiv. Xogħolhom ma jinħassx.
Forsi awtorità serja mhux se twassal għal roħs fil-prezzijiet kif jixtiequ n-nies imma tallinqas tiżgura li ż-żidiet ikunu ġusti u jirriflettu ċ-ċaqliq fis-suq.
Is-sinjal irid jingħata li l-abbuż mhux aċċettabbli u għalhekk min jinqabad għandu jixxandar. |
|
Kurt Sansone jintervista lil-President tal-PN Victor Scerri
Editorijal
Il Punt
Hillary Briffa
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|