MediaToday

X'Kien jgħid? | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Ftit ħafna, tard wisq?

Nistħajjel li l-għajta li Alfred Sant fettillu jpaspar għall-baġit aktar jgħodd għar-rikonċiljazzjoni bejn Lorenzo u John Dalli!
Ta’ l-ewwel għax mill-mistoqsijiet dwar il-kwistjoni oriġinali li għalihom ingħataw tweġibiet sodisfaċenti kienu tassew ftit ħafna; u għax il-pożizzjoni ta’ Dalli bħala ’konsulent’ hi ftit ħafna ħdejn dik ta’ Ministru.
Tat-tieni għax mill-ftit li ntqal hu evidenti li l-kwistjoni karkret bla bżonn u r-rikonċiljazzjoni spiċċat saret tard wisq.
Tibqa’ dejjem il-mistoqsija dwar x’kienu eżatt iċ-ċirkostanzi li ’ġegħlu’ lil John Dalli jirriżenja minn Ministru u lil Lorenzo biex jaħtafa malajr u jaċċettaha, prattikament fl-istess nifs li saret. Jiġifieri din kienet riżenja volontarja jew riżenja li Dalli intalab jagħmel biex ma jkunx uffiċjalment tkeċċa mill-Kabinett?
Il-Prim Minstru kien qal li fil-Kabinett ma jistax ikollu Ministru li jkun qed jiġi investigat. Iżda investigat fuq xhiex? Fuq il-gideb dwar il-kuntratt ta’ l-apparat tal-isptar Mater Dei jew fuq il-ħmerija dwar minn fejn il-Ministeru ta’ Dalli kien qed jixtri l-biljetti ta’ l-ajru? Donnu li ħadd ma jaf.
Tant ħadd ma jaf, li l-istess Joe Saliba waqt programm televiżiv infixel meta intalab jagħti r-raġuni għaliex John Dalli kien irriżenja. Issa Saliba - ħobbu jew obogħodu – ma tantx jitfixkel kif ġib u leħaq mentri f’dik l-okkażjoni tfixkel waħda sew.
Ir-rapport fażżul li kien sar dwar il-kuntratt ta’ l-apparat ta’ l-isptar ilu li nkixef li kien ħlieqa assurda u vili u allura jekk il-kwistjoni kienet din, diffiċli tifhem għaliex karkret daqshekk. Ir-rapport li għamel l-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru għadu mistur għax l-Awditur Ġenerali illum m’hux aktar Awditur Ġenerali, ġaladarba skadilu t-terminu tiegħu u l-Parlament għadu ma jistax jaqbel dwar is-suċċessur tiegħu. Dan in-nuqqas ta’ qbil ġej minn Alfred Sant li baqa’ ma tax risposta lill-gvern dwar il-bniedem suġġerit mill-Prim Ministru għal dik il-ħatra, li trid issir mill-Parlament b’vot ta’ żewġ terzi!
Din is-sitwazzjoni wasslet biex uħud jissuspettaw li Sant qed jilgħab il-logħba li jtawwal l-affarijiet biex il-każi bħal dawk ta’ Dalli jibqgħu imdendlin u ma jkunux riżolti qabel l-elezzjoni. Issa donnu li Lorenzo ra’ r-rapport mhux iffirmat u ħa deċiżjoni - anki jekk dan ir-rapport għadu sigriet u mhux wieħed uffiċjali.
Insomma taħwida kbira li ma ġietx riżolta b’mod eleganti – anzi tħalliet titħawad aktar b’kulħadd jgħid li jrid.
Din is-sitwazzjoni, kienet tiffavorixxi lil Sant. Aktar ma’ l-każ idum ikarkar, aktar dan kien ikollu fuqhiex jattakka – bħalma għamel meta akkuża lil Lorenzo li kien uża żewġ piżijiet u żewġ miżuri meta ipparaguna ir-riżenji ta’ Dalli u ta’ Mugliett.
Biċ-ċiniżmu tipiku tiegħu, Sant kien daqqa jitfa’ d-dellijiet fuq Dalli u daqqa ’jaqbeż’ għalih fil-konfront ta’ Lorenzo – konferma oħra li għalih il-prinċipji ma jeżistux u jimpurtah biss mill-opportuniżmu li jwasslu biex jagħmel l-attakk politiku. Sant saħansitra daħħal dubji fuq iż-żmien meta saret, bl-allegazzjoni illi Lorenzo seta’ kellu f’moħħu li jaħtar lil Dalli Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin li kieku lil Michael Frendo ma daħqux bih u sar Segretarju tal-Commonwealth.
Imma n-Nazzjonalisti ’tat-triq’ kif qed jaħsbuha dwar din il-kwistjoni? Naħseb li huma aktar dawk li jaqblu mad-deċiżjoni li ħa Lorenzo favur ir-rikonċiljazzjoni milli dawk li rieduh iwebbes rasu u jibqa’ jaġixxi bħallikieku Dalli ma jeżistix.
Mhux hekk fil-Grupp Parlamentari tal-PN fejn, kif mistenni, hemm ħafna moħħom biss fil-possibilitajiet tagħhom innfushom, fl-ambizzjonijiet li jimxu ’l quddiem. Bir-’ritorn’ ta’ John Dalli dawn jaħsbu li mtela post ieħor (li seta’ kien tagħhom) fil-Kabinett post-elettorali, dejjem jekk il-PN jirbaħ l-elezzjoni. Naturalment, f’każ ta’ telfa xorta jkun hemm it-taqtiegħa għal postijiet fix-Shadow Cabinet.
Nistħajjel li dawn l-affarijiet kollha għaddew minn moħħ Lorenzo meta kien qed jieħu d-deċiżjoni dwar John Dalli, anki jekk ħafna jaħsbu li Lorenzo ħa d-deċiżjoni li ħa għax kellu l-bżonn li lill-elettorat jippreżentalu partit magħqud.
Jekk id-deċiżjoni li ħa Lorenzo kienitx waħda ta’ konvenjenza jew waħda ta’ prinċipju imnebbħa minn sens ta’ onestà u rġulija jafu hu biss.
Żgur, madankollu, li tibqa’ tidher li kienet deċiżjoni ta’ ftit ħafna u tard wisq.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075