MediaToday

Wenzu Mintoff - 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Palk politiku

Il-politika fiha ħafna mit-teatrin, fiha ħafna ġesti plateali u logħob għall-gallarija. Imma meta taqa’ fil-livell assurd li min imexxi l-pajjiż jibda jaħsbu palk kbir fejn tingħafas buttuna u jinbidel ix-xenarju f’kemm ili ngħidlek, hemmhekk verament l-affarijiet ikunu waslu fit-tarf.
Fi żmien il-ħakma ta’ Benito Mussolini l-lagħqa tiegħu kienu jibnu bl-injam u bl-iscaffolding armar li jagħti l-impressjoni ta’ faċċati ta’ djar ġodda u sbieħ li jagħtu għal fuq it-toroq minn fejn tgħaddi l-ferrovija jew il-karozza tad-Duce. Imma wara dak l-armar kien ikun hemm moħbi l-faqar u l-miżerja, ir-realtà mhux minsusa mill-propaganda tar-reġim faxxista.
Bil-bini tas-sett għall-palk jew għaċ-ċinema tista’ tinħoloq realtà virtwali bħal meta l-Forti Ricasoli, li kien tħalla abbandunat għal dawk is-snin kollha, f’kemm trodd salib kien mibdul f’arena tar-Rumani fejn inħadmet parti sew mill-film kolossali ‘Gladiator’. Ħasra li dan is-sett safa’ meqrud minflok inżamm għall-posterità u nbidel f’sit turistiku bħall-villaġġ ta’ Popeye.
Iktar ma noqorbu lejn l-elezzjoni, bil-mod kif qed imexxi, Gonzi jixbah aktar impresarju jew stage manager milli statista b’rasu fuq għonqu. Pjuttost tard fil-ġurnata Gonzi beda jirrealizza li l-Partit Nazzjonalista kien qed ikollu emoroġija kontinwa ta’ voti minħabba kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-ambjent, minħabba l-għafsa fuq il-klassi tan-nofs, minħabba ż-żieda qawwija tal-prezzijiet, minħabba ġlied intern li kien qed ifeġġ ukoll fil-beraħ, l-aktar minn naħa ta’ John Dalli u xi ftit ukoll minn naħa ta’ Frank Portelli fost l-oħrajn. Gonzi ħaseb li bi skript kemmxejn modifikat u sett u xenarju mibdul f’kemm ili ngħidlek, il-Partit Nazzjonalista seta’ jikkonvinċi lin-nies li r-realtà ma kinitx dik li għexna matul parti sew mis-snin li għaddew imma dik li qed tiġi proġettata b’mod virtwali dan l-aħħar minn fuq il-palk politiku.
Fix-xhur li għaddew kien hawn agħa kbira fost il-pubbliku għal mod imqit u goff kif ġew ittrattati diversi kwistjonijiet ambjentali minn Lawrence Gonzi u sħabu. Fuq ir-riħ ta’ dan il-ferment is-socjetà ċivili qamet fuq saqajha u ħarġet fil-beraħ. Saru diversi protesti kbar fit-toroq tal-Belt u f’inħawi oħra ta’ Malta. L-aktar li spikkaw kienu l-protesta dwar il-korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra, dik dwar il-proġett tal-vilel fil-wied li jagħti għar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex u kien hawn ukoll ferment rigward dak li kien qed jinħema għal Ta’ Ċenċ u għal Ħondoq ir-Rummien, fost l-oħrajn.
Fid-daqqa u l-ħin, taħt xi skuża jew oħra, dawn l-imsiemer kollha materja għall-kampanja Maltija, b’xi mod jew ieħor, kollha taparsi nfaqgħu u tfejqu. Ma jrid xejn li jerġgħu jitfaċċaw taħt xi forma jew oħra hekk kif tkun għaddiet l-elezzjoni ġenerali. Imma raw kif għamlu u biddlu x-xenarju pjuttost katastrofiku li minnu għaddej l-ambjent Malti, b’xenarju ta’ sema kaħlan u xemx tiddi, kullimkien iħaddar u b’nixxigħat kollha ilma u bl-għasafar ipespsu fis-siġar fil-park virtwali li qalu li se jagħmlu fix-Xagħra l-Ħamra mingħajr ma qalu kemm se jiġi jiswa u minfejn se jiġu l-flus.
Naturalment ftit huma dawk il-bħaħen li se jinsew l-għafsiet kollha tal-morsa tat-taxxi fi snin imgħoddija u se jiftakru biss f’meta l-Gvern, għax hekk jaqbillu issa għall-konvenjenza politika, reħa biss ftit idejh mill-għafsa ta’ din il-morsa fil-baġit ta’ din is-sena. Tant kemm in-nies ma belgħetx il-lixka li għaddew xahrejn minn meta sar il-baġit u l-kumpanija teatrali Gonzi & Co. għadha għaddejja bil-lista ta’ reklami banali minn flus il-poplu f’ www.bagit.com...
Inti dħalt biex forsi jkun hemm xi beċċun jitħajjar jidħol f’dawn it-tip ta’ trabokki?
Imma l-ikbar messa in scena tal-kumpanija teatrali Gonzi & Co. lejlet l-elezzjoni kienet proprju l-farsa tal-konferenza stampa ġewwa Kastilja 10 ijiem ilu b’Lawrence Gonzi u John Dalli maġenb xulxin fuq l-istess mejda.
Fit-‘tigrija bejn il-ħbieb’ għall-pożizzjoni ta’ Kapo tal-Partit Nazzjonalista kien tar ħafna xrar u nar u nxtered anki d-demm, dejjem s’intendi f’termini teatrali politiċi.
John Dalli kien saħansitra wasal biex qal li minn ġo ħdan il-Partit Nazzjonalista kienu għamlulu frame-up u li kien hemm min qed jitfgħalu l-istalletti minn ġewwa l-istess partit tiegħu.
Għal għajn in-nies issa kien jeħtieġ li jinbidel ftit il-vestwarju, apparti li jinbidel xi ftit ukoll l-iskript u x-xenarju b’mod artifiċjali għall-aħħar. Bil-konferenza stampa f’Kastilja fejn il-protagonisti dehru spalla ma’ spalla imma skomdi għall-aħħar fil-preżenza ta’ xulxin, din l-akkuża ta’ frame-up baqgħet imdendla u ma ġietx indirizzata.
Ma nagħmlux mod li dawk fi ħdan il-PN li għamlu frame-up fuq Dalli issa spiċċaw ħadu promozzjoni għal waħda tnejn bħalma kien ġara fil-każ ta’ Joseph Psaila? Wara li kienu xebgħu jagħmlu kapital politiku minn fuq ’l hekk imsejħin frame-ups li dan Psaila kien involut fihom qabel Mejju ta’ l-1987, meta telgħu fil-Gvern in-Nazzjonalisti minflok dabbrulu rasu mill-korp lil Psaila laħħquh minn spettur għal Assistent Kummissarju.
Ironikament kellu jkun il-Gvern ta’ Alfred Sant ta’ bejn l-1996 u l-1998 li lil Psaila dabbarlu rasu mill-korp. L-istess kien ġara fil-każ ta’ l-eks Supretendent Charles Cassar ta’ l-SMU li tgħidx kemm kienu jisfruttaw politikament l-aġir tiegħu fil-korp, biex imbagħad spiċċaw tawh l-SAG f’idejh u ippremjawh bi promozzjoni.
Imma dawn huma biss ftit mill-misteri u t-thrillers tal-palk politiku Malti li għad irid jgħaddi iktar żmien minn fuqhom biex xi darba jiġu riżolti u nkunu nafu min eżattament kien l-assassin u min kien il-vera vittma.
F’temp ta’ ftit ġranet rajna mhux biss ir-riabilitazzjoni ta’ John Dalli à la Deng Hsiao Peng, imma anki dik ta’ Caspitina li rajnieh fuq ix-Xarabank tal-kunduttur jippoża ta’ espert tas-sigurtà.
John Dalli llum qed iħossu rivendikat imma proprjament minn xhiex? Meta ġie mġiegħel jirriżenja tliet snin u nofs ilu għad-daqqiet ta’ l-istalletti u l-frame-ups li ġew mill-kamp Nazzjonalista u mill-alleati tagħhom fil-PBS u f’Allied Newspapers, Gonzi mill-ewwel kien ippreċiża li Dalli ma kellux għalfejn jirriżenja minħabba l-każ ta’ l-aġenzija tal-vapuri Iranjana.
Meta ftit tax-xhur wara kien feġġ il-każ tar-rapport falz ta’ Joe Zahra li kien kollaboratur ewlieni fit-tim tal-produzzjoni ta’ Zimbabweplus, Gonzi mill-ewwel kien irribatta l-akkużi li għamel Dalli, li dan ir-rapport falz ta’ Zahra ma kellu x’jaqsam xejn mar-raġunijiet għalfejn kienet ġiet aċċettata r-riżenja ta’ Dalli. Imma meta tqis dan kollu l-mistoqsija tqum waħedha: sewwasew għalfejn kien ġie mġiegħel jirriżenja John Dalli?
Ingħad x’ingħad fil-konferenza stampa f’Kastilja, il-fatti dwar il-każ tal-biljetti ta’ l-ajru mixtrija mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin fi żmien li kien Dalli l-ministru jibqgħu dawk li huma. Kienu nxtraw b’kemm jiswew iktar minn Lm40,000 biljetti ta’ l-ajru mingħand kumpanija li fiha kien hemm involuti qraba diretti ta’ l-istess eks Ministru Dalli. Biex jipprova joħroġ mill-gażiba li daħal fiha Gonzi ipprova jistrieħ fuq rapport mhux iffirmat ta’ l-Awditur Ġenerali li m’għadux iktar Awditur Ġenerali.
Għas-saħħa ta’ l-argument dan ir-‘rapport’ għad jista’ jiġi kontradett mill-Awditur Ġenerali ġdid li għad irid jinħatar. Jgħid x’jgħid dan ir-rapport fuq livell tekniku jekk eventwalment jiġi ikkonfermat, il-fatti jibqgħu dawk li huma, li l-mod kif mexa bih Dalli fix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru għall-ministeru tiegħu kien wieħed politikament ċensurabbli.
Imma għalissa l-konvenjenza politika tiddetta mod ieħor.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075