MediaToday

TONI U PEPPI 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika

TONI

Ma nafx għaliex illum qiegħed nikteb fuq dan is-suġġett meta jidhirli li suppost qegħdin niktbu fuq ir-riabilitazzjoni klamorusa ta’ l-eks ministru John Dalli. Waħda minn dawk is-soap operas politiċi, li tal-Where’s Everbody? għandhom ħafna x’jirrakkuntaw dwarha.
Iżda flok ġibt xi skuża biex naħrab mill-argument u ninfurmak li ma rridx nikteb, qimt ir-regola, li l-prerogattiva tal-għazla tas-suġġett hija tiegħek Sur Editur.
Il-programm Xarabank twieled taħt amministrazzjoni Laburista. Hekk ukoll l-ewwel verżjoni Bondi+, meta dan il-preżentatur kien għadu frisk Uffiċjal Propaganda tal-Partit Nazzjonalista! Minbarra dan, dawn iż-żewġ sinjuri jtellgħu l-programmi tagħhom fuq l-istazzjon ta’ l-Istat li jħallsu għalih kemm Nazzjonalisti, Laburisti u ta’ l-Alternattiva Demokratika. Għalhekk stazzjon televiżiv, li igawdi ċerta rispettabilità u kredibbilità aktar minn stazzjonijiet oħra. Li kieku dawn il-programmi jixxandru fuq Net-TV fl-istess format kieku ma għandhomx terz ta’ l-udjenza li għandhom illum.
Bil-mod il-mod dawn iż-żewġ programmi inbidlu fi speċi ta’ dar ta’ produzzjoni nofs triq, bejn Dipartiment ta’ l-Informazzjni tal-Gvern u Uffiċju Propaganda tal-Partit Nazzjonalista. Kemm dan hu minnu jista’ jintgħaraf kemm mill-bias evidenti li għandhom iż-żewġ preżentaturi kif ukoll mill-għażla tas-suġgetti u l-mod kif imexxu l-programm. Kieku ma tkunx midħla tal-politika lokali u tara programm ta’ dawn iż-żewġ sinjuri għall-ewwel darba tgħid li l-Partit Laburista qiegħed fil-Gvern mentri l-PN fl-oppożizzjoni.
Kemm Lou huwa politikament parzjali, vox popoli. Għal dawk li ma jafux sewwa lill-ieħor, minbarra li stqarr kemm-il darba li ma jridx lill-MLP fil-Gvern bl-iskuża għax hemm Alfred Sant, anke meta jikteb f’din il-paġna, il-preġudizzju tiegħu joħroġ ċar. Jekk fiċ-Ċina ma jitlax ross, ma jridx wisq biex ifakkar li dan ġara wara żjara ta’ Alfred Sant f’Beijing. Biex jagħti kredibbilità lilu nnifsu jridna nistrieħu fuq il-kelma tiegħu li fl-1996 ivvota Labour. Jien miegħu ma kontx meta kien qiegħed jixħet il-vot, lanqas ma kont mal-mara ta’ Nicky Sarkozy, meta marret biex tivvota għall-ħatra ta’ President! Darba qrajt x’imkien li Benjamin Franklin kien qal li ġifa dak li fil-pubbliku jiftaħar għal min ivvota aħseb u ara li xxandru ma’ nazzjon sħiħ.
Issa qamet polemika infantili li l-Partit Nazzjonalista jaqbillu ħafna li jkebbes flimkien ma’ dawk li jsejħu lilhom infushom opinjonisti, dwar proposta ta’ Alfred Sant li diskussjonijiet politici sensittivi jsiru taht il-ħarsien ta’ l-Awtorità tax-Xandir. Il-Prim Ministru sa llum ma tax tweġiba u meta tagħsar x’kienet ir-reazzjoni tiegħu tifhem li jħossu aktar komdu f’Xarabank. Nifhmu mija fil mija. Min hu dak l-iblaħ li jitlef iċ-ċans li dejjem jilgħab “home”?
Il-proposta ta’ Alfred Sant, min-naħa l-oħra hi sempliċi u ċara: diskussjoni aktar serena u mingħajr ħadd ma jilgħab “away”. S’issa l-MLP fuq dawn il-programmi dejjem lagħab “away”, jekk mhux ukoll bir-referee jagħzel hu, meta jmur għall-half time jew jagħti xi penalty jekk ma tridux temmnuni staqsu lil Charles Mangion u lil Wenzu Mintoff. Biex inkun fier ma’ dawn iż-żewġ sinjuri dan l-attegġjament juruh anke mal-partiti ż-żgħar: insomma, kulfejn hemm fil-periklu tal-voti tal-PN.
S’issa dawn il-programmi dejjem ġew proġettati bħala xi festa kmandata qishom quddiesa li skont l-almanakk tal-Knisja trid tmur għaliha bilfors jew tidneb. Dan għaliex l-istazzjon ta’ l-Istat, li huwa ikkontrollat tafu minn min ma ħalla l-ebda għazla lill-udjenza. Fi żminijiet meta kulħadd jiftakar li llum il-konsumatur għandu għazla varjata u wiesgħa, fix-xandir ta’ l-Istat biss, għadna fiz zmien taċ-ċikkulata Deserta. Kien hawn minn qal li l-programm Tista’ Tkun Int twarrab bil-pulit għax qabżet lil kulħadd fl-udjenza. Is-Sur Bondi ċċaqlaq mit-Tlieta għat-Tnejn u qalà lil ħaddieħor għax Gizelle waqfilhom. Kumbinazzjoni spiċċa jdoqq l-iskotti, biex sa llum il-Bord Editorjali tal-PBS għadu diformat, bil-kuda iżda minħajr kap.
Minbarra dan, xi ħadd żarma l-kamra ta’ l-aħbarijiet tal-PBS b’mod li llum dawn iż-żewġ sinjuri biss jistgħu “jagħmlu ġurnaliżmu fuq kollox” fl-aqwa ħinijiet tal-gimgħa. Għalhekk mhux biss ġiet elimnata kull kompetizzjoni minn barra d-dar tax-Xandir, iżda anke minn ġewwa. Proprju l-Ħadd li għadda fuq dan il-ġurnal Gejtu Vella tal-UHM kiteb fuq dan il-ġurnal u ma felaħx josserva dan kollu u qal li hekk dwar il-ħaddiema tal-PBS:
“Ma tħalliex ħin biex il-ħaddiema jinvestigaw stejjer ta’ importanti nazzjonali, fil-waqt li spiċċa l-ħin biex ifittxu stejjer ġodda ta’ interess pubbliku”. Iżda dan ma jgħoddx għal dawn iż-żewġ sinjuri li bis-sewwa jew bid-dnewwa, bħal mediċina li ddardrek, iridu bil- fors jinżlu minn ġo griżmejna.
Dan l-atteġjament fil-fehma tiegħi ma jqimx id-dritt tal-għazla tat-telespettatur. Il-proposta ta’ Alfred Sant qegħda tgħid li fi kwistjonijiet li jaħirqu jeħtieg nagħtu lill-udjenza dak li jixirqilha u li qegħda tħallas għalih. Għandna tkun infurmata tajjeb, mingħajr impożizzjoni fina u subliminali kif jidher li jridu s-satelliti li jorbitaw madwar dawn iż-żewġ sinjuri.
Proposti politiċi li ser jiddeterminaw ir-riżultat elettorali għandhom jiġu diskussi fi klima serena. Mhux fi programmi li huma bazaar ta’ spettaklu, fejn jirbħu u jitilfu dawk li jaqilgħu l-aktar ċapċip jew ħsejjes vulgari. Jew fejn ikun hemm suspetti li il-preżentatur x’aktarx ikun tkellem ma’ naħa qabel il-programm, jew jispiċċa jgħajjar u joffendi lil wieħed mill-uffiċjali tal-Partit Laburista, tant li anke l-Awtorità tax-Xandir torħoġ kontra tiegħu.
Illum dawn iż-żewġ sinjuri qegħdin jitilfu ħafna mil-lostru li kellhom għax l-affarijiet qegħdin joħorġu ċari. Anke Claire Bonello il-Ħadd li għadda fetħitlu u apparti ħwejjeġ oħra qalet li “Even the most ardent admirer of Peppi Azzopardi and Lou will have to admit that as things are shaping up, it looks like that they have a monopoly on current affairs programmes”.
Tridx tmur! Iridu saħansitra jikkonvinċuna li kemm dak li fadal mill-Bord Editorjali tal-PBS kif ukoll l-Awtorità, ma kellhomx raġun meta qalu ħafna minn dak li jingħad dwar il-programmi ta’ dawn iż-żewġ sinjuri. Illum l-alakka li kienet tgħatti, qed tinbarax.
Ma nistax nimmaġina tordna lill-kontestanti Presidenzjali Amerikani u Franċizi biex jitilgħu jispjegaw il-politika tagħhom, lejlet elezzjoni, fuq xi wieħed minn dawn il-programmi. Ara kemm jgħidulek “bullshit” jew “merdre” u jkollhom raġun! Allura għaliex m’għandux raġun Alfred Sant? Wara kollox il-proposta li qiegħed jagħmel hija waħda diċenti. Anke fl-Italja, Silvio Berlusconi kien jaħrab lil Enzo Biagi għax aktar iħossu komdu ma’ Emilio Fede, u dawn iż-żewġ programmi Emilio jippreżentahom. Possibli f’Malta m’hawnx nies li għalkemm għandhom opinjoni politika, iżda mhux b’mod sfaċċat u li għandhom il-ħila li jmexxu dibattitu politiku fl-interess tat-telespettatur u mhux tal-partiti politiċi jew l-azjenda kummerċjali tagħhom? Possibbli li Malta ftaqret daqshekk u l-imħuħ kollha nixfu, ħlief għal ta’ dawn it-tnejn?
Huwa minnu li l-politiku għandu l-obbligu li ma jaħrabx mill-Istampa. Iżda huwa minnu wkoll li l-Istampa tqim il-verità kollha u mhux parti minnha jew tirrikorri għall-manipulazzjoni.
X’hemm ħażin fil-proposta ta’ Alfred Sant li ħadd ma jilgħab “home”, iżda kulħadd jilgħab “away”? Ta’ l-inqas f’dan il-mument tant sensittiv ta’ ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni! Jekk imbagħad tridu li niktbu min jaħarab mill-Istampa safejn naf jiena Prim Ministru wieħed kien hawn li ta “briefing” li żewġ gazzetti biss u lill-oħrajn ħallihom barra l- bieb tal-Palazz tal-Girgenti. Dan jismu Lawrence Gonzi li għal darb’oħra ma naghtihx tort għax iħobb jilgħab “away”.
M’ għandi ebda dubbju li l-ġar tiegħi, bis-soltu platitudnijiet u qdusija tiegħu se jgħid kemm għandu raġun....imbagħad meta tmisslu Xarabank, li skond hu dan programm qiesu l-alpha u l-omega tal-poplu Malti. Iżda jgħid x’jgħid għandu konflitt ta’ interess ċar għax kif ngħidu: “Nemo judex in causa propia”, jiġifieri ħadd ma jista jagħmilha ta’ Imħallef f’kawża li hu parti għaliha.
Fuq dan is-suġġett messu ma kitibx! Mela dak tal-ġimgha l-oħra! Iżda mhux kulminn għandu wiċċu ruxxan ifisser li qiegħed jistħi!

PEPPI

Alfred Sant kellu jaċċetta stedina ta’ Xarabank? Żejda li ngħid li t-tweġiba tiegħi hija mxaqilbha lejn il-programm Xarabank li ma nista’ qatt nifirdu minni u minn dak li naħseb.
Ingħad li Xarabank mhux post ta’ diskussjoni serja. Din hija perċezzjoni u fama li għandu Xarabank għax kultant verament ikun hemm xi storbju li fiha d-diskussjoni ma tibqax serja. Iżda f dawn l-aħħar snin, din f’Xarabank naqset b’mod drastiku. Fatti dawn.
Din is sena din ġrat darba, darba biss. Ġrat meta kellna il-programm tal-baġit. Kull darba li beda jitkellem Joe Saliba jew Tonio Fenech, uħud fis-sala bdew jibbuwjaw u jagħmlu ħafna frattarija.
Tajjeb in-nies ikunu jafu li dak inhar, bħalma jiġri dejjem, il-partiti jkollhom 50 persuna kull partit riservata fis-sala. Jidher li fost l-udejnza li ġab l-MLP f’Xarabank kien hemm dawn il-persuni li bdew joħolqu l-istorbju kontinwu. Issa lanqas huwa ġust li l-ewwel l-udjenza tiġi tipprova tħarbat Xarabank imbagħad jingħad li Xarabank mhux post ta’ diskussjoni serja .
Il-programm li Alfred Sant irrifjuta li jieħu sehem fih kien wieħed mill-izjed programmi politici civilizzati li qatt saru fuq it-televixin. Jumejn qabel Xarabank l-MLP irtiraw il-50 biljett li kellhom riservati fis-sala.
Dan ma kienx l-ewwel Xarabank li fih ħadu sehem Gonzi u Sant. U anke f’dawn il-programmi, id-diskussjoni ħafna drabi mxiet b’mod ċivilizzat u allura ma nistax nifhem. Għala issa? Jekk Xarabank mhux programm serju hekk suppost kien meta
ħa sehem fih diversi drabi l-istess Alfred Sant?
Ovvja li d-dibattiti li qed jissuġġerixxi Alfred Sant, u li bħalhom torganizza l-Awtorità tax-Xandir, huma validi. Iżda dawn ma nafx għala għandhom jeskludu programm bħal Xarabank. Għax Xarabank id-dibattitu ma jsirx BISS bejn il-mexxejja iżda bejn il-mexxejja u n-nies. Din hija id-differenza l-kbira.
Nieħdu l-eżempju ta’ l-aħħar Xarabank fejn kien hemm il-Prim Ministru. U nistaqsi. Taħsbu li kieku nħallu f’idejn il-mexxejja politiċi li jiddiskutu li jridu bejniethom kienu se jqumu l-issues tan-nies? Ħa nsemmi l-issues li qajmu n-nies fl-aħħar Xarabank li fih irrifjuta li jieħu sehem Alfred Sant: id-divorzju, l-abort, il-legalizzazzjoni ta’ soft drugs, il-ħabs, il-kmamar tan-nar, il-parking ta’ Mater Dei u s-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
F’Xarabank fejn kien hemm preżenti Alfred Sant in-nies qajmu issues bħad-drittijiet ta’ l-annimali, id-diskriminazzjoni kontra ħutna l-omossesewali, l-immigranti irregolari, l-ewtanasia u t-tfal fi żwigijiet mifruda.
Dawn huma l-issues tan-nies li jqumu f’Xarabank. Meta Alfred Sant kien qed jirrifjuta li jieħu sehem f’Xarabank kien qed jirrifjuta li jieħu sehem fl-uniku programm f’Malta fejn jiddibattu n-nies.
Issa anke hawn nagħmel mistoqsija? Kieku Xarabank kien burdell kieku n-nies kif jibqgħu sena wara sena, stħarrig wara l-ieħor, jagħżluh meta jirriżulta li huwa l-iktar programm segwit? Għaliex in-nies jagħżlu Xarabank? Qed jagħżlu burdell? X’qed ngħidu allura, li n-nies ma jafux jagħżlu? U jekk ma jafux jagħżlu għala Alfred Sant qed jinsisti li se jagħżlu lilu Prim Ministru? In-nies jafu jew ma jafux jagħżlu? Jew jafu jagħżlu Prim Ministru u ma jafux jagħżlu programm tat-televixin? F’survey ikkummissjonat lil Erst and Young Xarabank ġie vvutat min-nies bħala l-iktar programm ta’ livell għoli f’pajjizna.
Waqt din il-kontrversja ntqal li Xarabank huwa Jerry Springer jew Maurizio Costanzo. L-ewwelnett huwa nsult li tħallat lil Maurizio Costanzo ma’ Jerry Springer. Imma aktar minn hekk nistaqsi Xarabank din is-sena kien l-ewwel programm li għamel xandira diretta mill-Pjazza tal-Vatikan. Ma kienx faċli li nġibu permess mill-Vatikan. Taħsbu li kieku Jerry Springer appilka biex jagħmel programm live mill-Vatikan kien jingħata l-istess permess?
Ingħad li Xarabank mhux programm ta’ dikussjoni serja fl-istess gimgħa li Xarabank reġa’ rebaħ l-Award għall-Aħjar Programm ta’ diskussjoni f’Malta u f’Għawdex. Fl-istess nifs li Dr. Alfred Sant kien qed jitkellem dwar li Xarabank mhux post ta’ dikussjoni serja l-istess Alfred Sant feraħ lil One TV li rebaħ l-akbar ammont ta’ Awards. L-istess Awards li rebaħ Xarabank bħala l-aħjar programm ta’ diskussjoni. Ma titwemminx, imma vera.
Ma nafx naqra l-futur. Iżda nista’ nimmaġina x’qed jgħid Toni Abela, in-naħa l-oħra, dwar Xarabank u din il-kontroversja . Infakkar biss li Toni Abela huwa l-istess Toni Abela li kull nhar ta’ Ġimgħa, fl-istess ħin ta’ Xarabank, kien jorganizza programm jismu Robin Hood, ġo sala, jiddiskuti fih l-iktar affarijiet serji.
Il-programm kien jinkludi l-banda, iċ-ċajt, l-għajjat, iċ-ċapċip u kultant anke l-isterizmu. Fl-istħarriġ xorta irriżulta li n-nies baqgħu jagħżlu Xarabank. Kull kumment ieħor huwa zejjed.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075