MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Ktieb ġewwa, ktieb barra

Franica Pulis riedet tkun taf x’jaħsbu uħud mill-kittieba Maltin dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb

Minn estrem għall-ieħor, b’19-il kategorija ippremjati minflok waħda. Uħud mill-materjal ippreżentat hu insult lil kull kriterju letterarju. Tinħtieġ iktar sensittività kif tingħażel il-ġurija imma Malta żgħira u diffiċli ssib in-nies.
Dawn huma wħud mill-ħsibijiet li lissnu l-awturi li tkellimt magħhom din il-gazzetta dwar il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb li ttella’ ġimgħa ilu f’Kastilja u li ma kienx nieqes mill-kontroversja.
Ħafna mill-awturi li tkellimna magħhom ħassew li kien hemm wisq kategoriji tal-kotba. Din is-sena kien hemm 19-il taqsima b’ħamsa minnhom li jaqgħu taħt sub-category.
“Naħseb li hemm ħafna klassijiet. Qabel kien hemm premju wieħed għal kollox. Issa morna l-estrem l-ieħor. B’dawk il-premji kollha l-Premju Letterarju jonqsulu l-valuri tiegħu. Ġejja fir-redikola din li jkollok kategorija li fiha jikkompetu ktieb jew tnejn biss. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi li kull sezzjoni jkollha minn ta’ l-inqas tliet kotba,” qal Immanuel Mifsud.
Miegħu qablu wkoll Adrian Grima, li jħoss li qabel il-Premju kien ristrett u issa ġie frammentat, kif ukoll Marco Galea. Galea jgħid ukoll li l-kategorija tat-testi ma jarahiex valida għax jeżisti bżonn speċifiku għalihom.
“Qisek qed iddaħħal il-manwali tal-washing machines għall-kompetizzjoni,” tenna Galea. Dan kien argument wieħed li nqala’. Uħud mill-kategoriji jħossu li għandhom jinqasmu f’aktar taqsimiet filwaqt li f’oħrajn iħossu li hemm wisq minnhom jew qed jikkompeti fihom ktieb wieħed jew tnejn biss li ma jħallux lok għal kompetizzjoni.
Issemmiet ukoll il-kategorija speċifika għar-reliġjon li tiddiskrimina bejn dan is-suġġett mill-bqija u tagħtih vantaġġ għax ikun hemm inqas kotba jikkompetu f’dik it-taqsima.
Fil-fatt Carmen Sammut tħoss il-ħtieġa li jiġu rivalutati l-kategoriji speċjalment minħabba li dawn “jinfluwenzaw ir-regoli tal-logħba”. Itteni wkoll li ċerti kategoriji, bħal tar-riċerka, fihom wisq kotba tajbin u dawn jispiċċaw jeliminaw lil xulxin.

Screening ta’ kotba
Tqajmet il-kwistjoni wkoll jekk għandux ikun hemm screening tal-kotba qabel dawn jingħataw lill-ġurija. Mario Azzopardi isostni dwar il-bżonn ta’ screening għax hi prattika internazzjonali minbarra li jrid ikun hemm kriterji deċiżivi ta’ kif jikkwalifikaw it-testi u x’jagħmel ktieb ta’ valur letterarju jew le.
“Kont tliet darbiet f’bordijiet ta’ ġurija sa din is-sena stess. Uħud mill-materjal li jiddaħħal fih innifsu hu insult lil kull kriterju letterarju u anki insult lill-Kunsill tal-Ktieb.”
Mifsud jaqbel miegħu għalkemm hu personalment ma jafx kif se tissolva problema bħal din.
“Hemm kotba li m’għandhomx ikunu hemm. Imma trid tiddeċiedi kif. Il-preżentazzjoni tista’ tkun atroċi jew ta’ valur baxx. Min se jiddeċiedi: il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, kummissjoni apparti? Dan mhux se titfa’ ktieb ta’ Emilio Lombardi ma’ ta’ Clare Azzopardi.”
Jekk isir il-pre-screening kapaċi jiffranka wkoll ix-xogħol lill-ġurati li jaħdmu b’xejn u mid-dehra huma diffiċli biex jinstabu minħabba li “Malta żgħira u l-ġurija dejjem iddur għall-istess nies” kif qal il-President tal-KNK Gorg Mallia.
Mallia żied jgħid li kieku ħadu sehem eluf ta’ kotba l-iscreening kien isir iżda ma nħassx bżonnu allura ma sarx. Miegħu qabel Grima li jaraha problema doppja minħabba li diġà hi diffiċli li jinstabu l-ġurati għal darba, aktar u aktar għal darbtejn.

Deċiżjonijiet skond is-suq
Rigward ċerti kategoriji u l-għadd totali tagħhom Mallia wieġeb: “Qabel kien jissejjaħ il-Premju Letterarju u ma kienx qed jaħseb għall-kotba kollha u aħna rridu nħeġġu li jinkitbu aktar kotba. Hemm kategoriji li jirrappreżentaw ftit. Oħrajn ħafna.
“Aħna nibbażaw id-deċiżjonijiet tagħna skond is-suq. Jekk fis-sena ta’ qabel is-suq kien qawwi fil-poeżiji għat-tfal, fis-sena ta’ wara jkun hemm kategorija għall-poeżiji mhux għall-proża. Iċ-ċans hu li s-sena d-dieħla se nnaqqsu kategoriji li huma rappreżentati żżejjed u nżidu f’dawk li mhumiex.
“Il-kategorija tal-kotba tat-testi hi sub-category. Jekk tarahom dawn il-kotba se tħallihom barra? Huma kotba ta’ livell. Jekk ikun hemm impenn trid tagħti lok biex tkompli ġġedded l-eċċellenza u t-titjib.
“Id-drama u l-poeżija se taqtgħalhom il-kategorija għax mhemmx kompetizzjoni? Kieku kienet kategorija oħra forsi imma dawk le. Il-ktieb irid ikollu livell li jingħata mill-ġurati stess. Jekk ma jilħaqx il-punti ma jiħux il-premju. Kien hemm snin però fejn ċerti kategoriji ma ntrebħu minn l-ebda ktieb,” sostna Mallia.
Issemmiet ukoll il-kwistjoni ta’ x’kredenzjali għandu jkollhom membri tal-ġurija.
Azzopardi jgħid: “Il-Kunsill għandu jkun ultra sensittiv dwar in-nomini fil-bordijiet. Wara li jkunu skrinjati l-kotba jrid jidher biċ-ċar li fuq il-bordijiet rispettivi ma jkunx hemm persuni li se jkunu preġudikati kontra t-tali jew it-tali titlu. Ngħidu aħna ma jistax ikollok ġurija kostitwita minn persuni konservattivi jew addirattura, reliġjużi jew para-reliġjużi, biex jiġġudikaw in-nomina ta’ ktieb li jittratta materja anarkika jew irreverenti.”

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075