MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Kuxjenza u konvenjenza

KURT SANSONE janalizza l-fatti marbuta mal-mewt u l-irxuxtar tal-ħajja politika ta’ John Dalli f’dawn l-aħħar tliet snin u tikxef l-indeċiżjoni tal-Prim Ministru

Ma titwemminx it-teżi ta’ Lawrence Gonzi li John Dalli kellu jsib lura postu fil-maniġġi tal-Gvern bħala konsulent tal-Prim Ministru għax fir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali fuq kif jinxtraw il-biljetti ta’ l-ajru mill-ministeri m’hemm xejn li jpoġġi f’dell ikrah lill-eks ministru.
Kien hemm tliet każijiet li nqalgħu fl-2004 li tefgħu dell ikrah fuq Dalli u li kellhom għalfejn jinkwetaw lil Gonzi fl-ewwel xhur tiegħu fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Żewġ każijiet minnhom, dak tax-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru u l-ieħor ta’ l-Iranjani, kienu ta’ bixra etika. L-avvenimenti li seħħew fiż-żewġ każijiet ma seħħewx bil-moħbi, lanqas ma nkisru xi liġijiet tal-pajjiż, u għaldaqstant l-argumenti iktar kienu jduru fuq jekk l-imġiba ta’ Dalli bħala ministru kenitx politikament korretta jew le.
Fiż-żewġ każijiet il-Prim Ministru seta’ jikkunsidra li jaċċetta r-riżenja tal-ministru kemm-il darba ried li jkollu Gvern mingħajr l-ebda dell ta’ korruzzjoni anki jekk din tkun perċezzjoni.
Ma jidhirx li din kienet it-teżi li fuqha mexa l-Prim Ministru fl-2004. Fuq il-każ ta’ l-Iranjani kien aċċetta l-ispjegazzjoni ta’ Dalli u fuq il-kwistjoni tal-biljetti ta’ l-ajru kien talab lill-Awditur Ġenerali jagħmel eżerċizzju ta’ awditjar fuq kif jinxtraw il-biljetti mill-ministeri kollha. B’dawn il-fatti qajla jista’ jingħad li Gonzi aċċetta r-riżenja ta’ Dalli minħabba dawn iż-żewġ każijiet.
Din it-teżi kienet imsaħħa iktar kmieni din is-sena meta l-Prim Ministru ma aċċettax ir-riżenja tal-Ministru Jesmond Mugliett wara li dan kien indaħal biex ma jitkeċċewx mill-impjieg żewġ ħaddiema ta’ l-Awtorità tat-Trasport li kienu ħatja ta’ tixħim. L-aġir ta’ Mugliett, l-istess bħal ta’ Dalli, ma kienx marbut ma’ xi ksur ta’ liġi jew korruzzjoni li timplika lill-ministru direttament imma ma’ jekk l-imġiba tiegħu kenitx politikament korretta.
Fil-każ ta’ Mugliett, Gonzi ħass li d-deċiżjoni tal-ministru kienet “dibattibbli” imma ma ħassx li kellu għalfejn jaċċettalu r-riżenja. B’dan l-aġir Gonzi ikkonferma li hu qatt ma seta’ aċċetta r-riżenja ta’ Dalli minħabba l-każ tal-biljetti ta’ l-ajru.
Iżda kien hemm it-tielet każ li fl-2004 tefa’ dell ikrah fuq Dalli. Dan kien ir-rapport ta’ l-investigatur privat Joe Zahra dwar is-suppost korruzzjoni li seħħet biex il-kuntratt għat-tagħmir mediku fil-Mater Dei jingħata lill-konsorzju Taljan Inso.
L-akkużi serji fir-rapport ta’ Zahra kellhom għalfejn jinkwetaw lil Gonzi għax kienu jirriflettu mhux biss fuq imġiba politika mhux korretta imma agħar minn hekk fuq imġiba kriminali li kienet tinvolvi abbuż ta’ fondi pubbliċi minn Ministru fil-Gvern.
Jidher ċar li mill-fatti magħrufa, b’dawn it-tliet każijiet quddiemu, Gonzi kellu għalfejn jinkwieta l-iktar dwar ir-rapport ta’ Zahra.
Imsaħħa b’xhieda li ngħatat fil-qorti fil-każ kontra Zahra hu evidenti li Gonzi kellu f’idejh l-informazzjoni kollha dwar l-allegat korruzzjoni fil-Mater Dei fl-istess żmien li kien qed itella’ u jniżżel x’se jagħmel bil-ministru tiegħu.
Minkejja li Gonzi ftit tal-ġimgħat ilu tenna li kien “ovvju” li r-rapport ta’ Zahra kien falz jibqa’ l-fatt li dan għaddieh lill-Pulizija jiem wara li Dalli irriżenja u mhux malli rċevieh.
Dan l-aġir isaħħaħ l-argument ta’ Dalli li Gonzi kien emmen li r-rapport Zahra seta’ kien veru.
Madankollu meta f’Awissu ta’ l-2004, xahar wara r-riżenja ta’ Dalli, il-Pulizija ressqu lil Zahra l-Qorti fejn akkużatu b’rapport falz li tefa’ dell ikrah fuq l-eks Ministru Dalli, il-proġett Mater Dei u nies oħra, jidher li Gonzi ngidem.
Minn dak il-ħin lil hemm Gonzi qatt ma seta’ jikkonferma fil-pubbliku li hu kien emmen dak ir-rapport falz. Anki llum meta jgħid li stenna sentejn sħaħ sakemm jinqata’ l-każ fil-Qorti biex ma jkun hemm ħadd li jgħid li l-Prim Ministru ippreġudika l-każ b’xi dikjarazzjoni, Gonzi ma jitwemminx. Il-każ ta’ Zahra nqata’ f’Novembru ta’ l-2006 u kien biss sena wara li l-Prim Ministru ħass li kellu jerġa’ jiftaħ idejh għal Dalli.
Forsi lil Gonzi niggżitu l-kuxjenza anki jekk baqa’ ma qalx għalfejn kien aċċetta r-riżenja fl-ewwel lok. Imma b’elezzjoni tant viċina qajla jista’ jingħad li l-kuxjenza kellha l-piż kollu fid-deċiżjoni ta’ Gonzi. Forsi l-kliem ‘konvenjenza politika’ jiddeskrivi aħjar dik ix-xena patetika f’Kastilja ta’ ġimgħa ilu fejn Gonzi ta l-assoluzzjoni lil Dalli.

Il-każ tal-biljetti ta’ l-ajru

Kienet il-gazzetta The Times tad-9 ta’ Ġunju 2004 li ħarġet bl-istorja dwar ix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, dak iż-żmien fil-portafoll ta’ John Dalli.
Fl-istorja ntqal li l-Ministeru kien xtara b’Lm40,000 f’biljetti ta’ l-ajru mingħand il-kumpanija Tourist Resources Ltd li fiha kellhom sehem ewlieni qraba u nies viċin ħafna l-Ministru Dalli.
Dakinhar stess li ħarġet l-aħbar fit-Times, TVM xandar kważi kelma b’kelma l-istorja fl-aħbarijiet tat-tmienja. B’dan l-aġir mhux tas-soltu TVM kiser it-tradizzjoni tiegħu li ma jirrappurtax aħbarijiet li jkunu ħarġu b’mod esklussiv fil-gazzetti.
L-istorja fuq TVM inħadmet minn Ivan Camilleri, li llum jaħdem bħala korrispondent tat-Times f’Brussels. F’dak il-perjodu, ħu Ivan Camilleri, Alan, kien jaħdem bħala Ko-ordintaur tal-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Illum Alan Camilleri jmexxi l-Kumitat tal-Bidla għall-ewro.
Il-każ tal-biljetti ta’ l-ajru tfaċċa fil-media f’nofs il-burraxka li laqtet lil John Dalli dwar il-linja tat-tbaħħir nazzjonali ta’ l-Iran.
Fl-ittra tar-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru tat-3 ta’ Lulju Dalli jispjega li l-mod kif inxtraw il-biljetti ta’ l-ajru kien joffri l-aħjar valur għall-flus pubbliċi u ta parir lil Gonzi biex jitlob l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċedura.
Gonzi ħa l-parir ta’ Dalli u talab lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-proċedura li tintuża mill-ministeri kollha, u mhux biss ta’ Dalli, biex jinxtraw il-biljetti ta’ l-ajru. Ir-rapport ta’ l-Awditur Ġenerali fuq dan il-każ baqa’ mhux ippubblikat għax skond parir legali li ngħata l-Awditur ma setax jiffirma r-rapport għax it-terminu legali tiegħu kien skada.
Sa llum ma nafux x’inhuma l-konklużjonijiet ta’ l-Awditur.X’kien qal Dalli dwar il-każ: Fil-11 ta’ Lulju ta’ din is-sena John Dalli kien qal lill-gazzetta MaltaToday li “l-istorja tal-biljetti ta’ l-ajru kienet intużat bħala skuża biex tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Prim Ministru biex jaċċetta r-riżenja tiegħi.”L-argument: Sa dakinhar li rriżenja, Dalli ma kien taħt l-ebda investigazzjoni uffiċjali dwar xiri ta’ biljetti ta’ l-ajru. L-investigazzjoni bdiet wara r-riżenja fuq suġġeriment ta’ Dalli stess u aktar minn xejn kien eżerċizzju ta’ awditjar fuq il-ministeri kollha ħalli jkun stabbilit xi proċeduri qed jintużaw fix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru.
Lawrence Gonzi qatt ma qal ċar u tond, ħlief il-ġimgħa li għaddiet, li kien aċċetta r-riżenja ta’ Dalli minħabba l-kwistjoni tal-biljetti ta’ l-ajru.

Il-każ tal-linja ta’ tbaħħir Iranjana

Dan il-każ ħareġ fil-media Laburista fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew li saret fl-4 ta’ Ġunju 2004 iżda l-ġrajja kienet seħħet lejn il-bidu ta’ Marzu wara li Gonzi kien inħatar Kap tal-PN.
Kienet waslet Malta delegazzjoni mill-IRISL, il-kumpanija tat-tbaħħir Iranjana, fuq negozju privat. Peress li fid-delegazzjoni kien hemm ukoll id-Deputat Ministru tal-Kummerċ Iranjan li kien ukoll Chairman tal-kumpanija, il-mawra f’Malta kienet ikkoordinata wkoll mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin Malti. Waħda mil-laqgħat kienet saret ma’ John Dalli bħala Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija. Sa dak iż-żmien Eddie Fenech Adami kien għadu Prim Ministru bil-Kabinett kif maħtur minnu.
Ir-rappreżentanti f’Malta tal-IRISL sa dak iż-żmien kienu l-SMS Shipping, li għandha bħala wieħed mid-diretturi ċ-chairman attwali ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu.
Wara dik iż-żjara f’Malta l-IRISL iddeċidew li jaħtru bħala aġenti tagħhom f’Malta fuq proġett ġdid li riedu jwettqu lil Gauci Borda Shipping minflok lill-SMS. Il-kumpanija Gauci Borda Shipping kellha bħala direttur lir-raġel tat-tifla ta’ John Dalli.
Intant, wara li Gonzi nħatar Prim Ministru fit-23 ta’ Marzu, fil-kabinett il-ġdid Dalli ngħata l-inkarigu ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Il-Partit Laburista, bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu għall-Parlament Ewropew, kien akkuża lil Dalli li uża l-influwenza ministerjali tiegħu biex iħajjar lill-IRISL tidħol bi sħab ma’ kumpanija mmexxija minn qrabatu.
Wara pressjoni ma taqta’ xejn mill-media Gonzi sa anki talab lil Dalli jħejji rapport dwar il-każ tal-IRISL. Dalli ċaħad l-akkużi li hu uża l-pożizzjoni tiegħu bħala Ministru biex jinfluwenza d-deċiżjoni kummerċjali ta’ l-Iranjani. L-ispjegazzjoni ta’ Dalli kienet aċċettata minn Gonzi.

X’kien qal Dalli dwar il-każ: Fl-appendiċi ma’ l-ittra tar-riżenja tiegħu fit-3 ta’ Lulju 2004, Dalli kien sostna li l-attakk kontrieh fuq il-ftehim kummerċjali milħuq bejn l-IRISL u kumpanija li fiha kienu involuti qrabatu, kien immuntat minn “Alfred Sant u wieħed mill-kompetituri li tilef il-kuntratt.”

L-argument: Fl-ittra tat-3 ta’ Lulju 2004 li fiha l-Prim Ministru aċċetta r-riżenja ta’ John Dalli kien ċar li Gonzi ma sab l-ebda problema fuq il-każ ta’ Iranjani. “L-informazzjoni li ngħatat lili ma ssostantjatx l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħek,” sostna Gonzi dakinhar u għaldaqstant skolpa lil Dalli minn kull ħtija. Dan il-każ qatt ma kien ir-raġuni għalfejn Gonzi aċċetta r-riżenja ta’ Dalli.

Il-każ Joe Zahra

Il-korrispondenza uffiċjali li għaddiet bejn Lawrence Gonzi u John Dalli dakinhar tar-riżenja ma tagħmel l-ebda riferenza għall-allegazzjonijiet li kienu saru mill-investigatur privat Joe Zahra f’rapport li ħejja dwar il-kuntratt ta’ l-apparat mediku fil-Mater Dei.
L-allegazzjonijiet kienu dwar korruzzjoni li kien hemm fl-għoti tal-kuntratt għat-tagħmir mediku fl-isptar il-ġdid li kien jiswa miljuni kbar ta’ liri u li ngħata taħt ċirkostanzi strambi fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ l-2003. Zahra, li kien ikkummissjonat mill-konsorzju Simed li tilef il-kuntratt, sostna li fil-balbuljata biex ikunu vvantaġġjati t-Taljani ta’ l-Inso kien involut, fost l-oħrajn, ħu John Dalli, Bastjan.
Hu fatt li sa dakinhar li tefa’ r-riżenja tiegħu, u anki għal xi żmien wara, John Dalli ma kienx jaf li qed isiru allegazzjonijiet serji fil-konfront tiegħu minkejja li l-Prim Ministru kien jaf bihom ferm qabel.
Skond xhieda fil-qorti fil-każ li fetħet il-Pulizija kontra Zahra, irriżulta li f’xi żmien f’Mejju ta’ l-2004 l-avukat Raphael Fenech Adami mar Kastilja bir-rapport ta’ Zahra issiġġillat f’envelop u ħallih “ma’ xi segretarju personali tal-Prim Ministru.” Fil-qorti ma ngħadx min kien is-segretarju personali.
Iżda fil-11 ta’ Ġunju 2004, ġurnata biss qabel l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, Gonzi flimkien mas-segretarju privat tiegħu Edgar Galea Curmi, kellhom laqgħa ma’ l-eks Ministru Nazzjonalista l-avukat Joe Fenech, Raphael Fenech Adami u Frank Farrugia li f’isem is-Simed urew lill-Prim Ministru t-tieni rapport li kien ħejja Zahra.
Kien biss fil-15 ta’ Lulju, 12-il ġurnata wara r-riżenja ta’ Dalli li Gonzi talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet.
Ir-rapport Zahra rriżulta li kien falz u mibni fuq stejjer u avvenimenti immaġinarji li suppost seħħew u li permezz tagħhom kienu ivvantaġjati t-Taljani. Fil-fatt f’Awissu ta’ l-2004 il-pulizija resqet lil Zahra l-qorti.
F’Novembru ta’ l-2006 il-qorti sabet lil Zahra ħati ta’ l-akkużi u kkundannatu sentejn ħabs u interdettjatu għal ħames snin.

X’kien qal Dalli dwar il-każ: Fit-2 ta’ Diċembru ta’ l-2006, Dalli pubblikament talab lill-Partit Nazzjonalista biex isewwi l-ħsara li saret fil-konfront tiegħu minħabba r-rapport falz ta’ Joe Zahra. Sostna wkoll li r-rapport “kellu l-piż kollu” fuq il-pressjoni li kienet saritlu minn esponenti tal-PN biex jirriżenja minn Ministru sentejn qabel.

L-argument: Gonzi dejjem ċaħad li r-rapport falz ta’ Zahra kellu xi piż fuq id-deċiżjoni tiegħu li jaċċetta r-riżenja ta’ Dalli. Madankollu hu fatt li, skond ma ntqal fil-Qorti, Gonzi kien diġà jaf bl-allegazzjonijiet serji ta’ Zahra ġimgħat qabel ma Dalli irriżenja u qatt ma ndenja ruħu jinforma lill-Ministru tiegħu dwar dak li kien għaddej. La fil-privat u lanqas fil-pubbliku, Gonzi qatt ma semma l-każ ta’ Joe Zahra b’mod dirett iżda f’laqgħa li kellu ma’ Dalli ġranet biss qabel ir-riżenja sostna li ma setax ikollu Ministru taħt investigazzjoni.
L-uniku ‘investigazzjoni’ li kien hemm fuq Dalli sa dakinhar kienet l-investigazzjoni fażulla ta’ Zahra. Iktar minn hekk, ir-rapport falz ta’ Zahra lanqas biss ingħata lill-Pulizija dakinhar li sab ruħu f’Kastilja iżda ġranet wara li Dalli kien ħalla postu bħala Ministru tal-Gvern.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075