Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Jekk għandek bżonn tmur il-Qorti u m’għandekx ma’ min tħalli t-tarbija jew uliedek ta’ taħt it-13-il sena trid tara kif tagħmel u ssib soluzzjoni għal din il-problema.
Qajla tisma’ b’familji li jorqdu bil-Gazzetta tal-Gvern maġenbhom u allura forsi ftit huma dawk li huma konxji li ftit tax-xhur ilu saret bidla fil-Liġi.
L-Avviżi Legali 128 u 129 li daħlu fis-seħħ 18-il xahar ilu jipprojbixxu li “xi ħadd idaħħal fil-bini tal-Qrati tal-Ġustizzja xi tifel jew tifla taħt it-13-il sena.”
Imma x’jiġri jekk omm jew missier ma jkollhomx ma’ min iħallu lit-tarbija u jkollhom bilfors imorru l-Qorti?
F’eżerċizzju li għamlet din il-gazzetta din il-ġimgħa ippruvajna nidħlu l-Qorti b’tarbija ta’ sitt xhur. Tard filgħodu, daqslikieku ċittadin komuni, ippruvajna nidħlu mhux f’awla imma fil-post fejn isiru r-riċerki magħruf bħala r-Reġistru tal-Qorti. Normalment missjoni ta’ din ix-xorta f’dan il-ħin tal-ġurnata tieħu biss ftit minuti.
Iżda kif irfisna l-għatba tal-Qorti u konna se ngħaddu mis-sistema tas-sigurtà l-għassiesa nfurmawna li ftit tax-xhur ilu ngħataw ordni biex trabi u tfal ma jitħallewx jidħlu fil-bini. Għall-insistenza li m’għandniex ma’ min inħallu t-tarbija ta’ ftit xhur wieħed mill-ħaddiema qalilna li kellna nibqgħu barra.
Bl-istess tarbija, din id-darba tibki, bqajna nbennu fix-xemx barra l-bieb tal-Qorti. Meta wieħed mill-ħaddiema għaraf lill-ġurnalista offra ‘soluzzjoni’ li npoġġu bil-qiegħda fuq bank barra li qiegħed ftit passi ’l bogħod mid-daħla ewlenija tal-Qorti. F’ħin minnhom offra li ‘jagħlaq għajnejh’ u jħallina nidħlu u npoġġu bil-qiegħda f’ġenb fil-kuritur tal-Qorti.
Imma l-gazzetta Illum għażlet li tosserva l-Liġi u tibqa’ barra.
Wara mistoqsijiet li għamlet din il-gazzetta lill-Ministeru għall-Intern b’rabta ma’ dan il-każ konna mgħarrfa li d-Diviżjoni tal-Qrati qed tikkunsidra l-possibbiltà li jinstab post li jista’ jservi ta’ faċilità għaż-żamma tat-tfal.
“Iżda ċertament mhux fil-bini tal-Qorti stess u dan anke għal raġunijiet ta’ loġistika. F’din il-binja m’hemmx post adegwat li jista’ jservi għal dan il-għan, barra mill-fatt li l-post mhux idojenu li jitħallew tfal fih minħabba n-numru kbir ta’ persuni li jiffrekwentaw il-post, inklużi kriminali,” sostna l-Ministeru.
Iżda hemm intopp ieħor: dak li fil-bini tal-Qorti m’hemmx bitħa jew żona miftuħa.
“L-Istandards Nazzjonali għall-faċilitajiet tat-Tfal ta’ Matul il-Jum datat Lulju 2006 jesiġu li kull post li jservi għal dan il-għan irid ikollu post apert fejn it-tfal jistgħu jirrikreaw irwieħhom, faċilità li l-Qorti m’għandhiex,” sostna l-Ministeru għall-Intern.
Madankollu, anke jekk l-affarijiet jidhru ’l bogħod, il-Gvern jidher li jekk ikun hemm il-flus hemm mnejn li jsib soluzzjoni.
Fit-tweġiba tiegħu lil din il-gazzetta, il-Ministeru jikkwota lid-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Qrati li jsostni li: “qed jiġu studjati postijiet alternattivi oħra fil-Belt stess iżda iridu jiġu ikkunsidrati bosta fatturi bħal dawk loġistiċi, spejjeż biex tmexxi tali ċentru u aċċessibbiltà u li dan id-Dipartiment qiegħed jagħmel.”
Għalissa wieħed irid jistenna. U f’każ li ħaddiem tal-Qorti jkollu problema urġenti ma’ min iħalli t-tfal?
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Qrati sostna li “hu fatt li ebda Dipartiment Governattiv ma jista’ jippermetti li xi impjegat iġib miegħu b’mod regolari t-tarbija tiegħu fl-uffiċċju anke jekk jeżistu problemi partikolari bħal dik il-koppja għax ma jkollhiex ma’ min tħalli lit-tarbija. Fil-Qorti, minħabba r-regolamenti stabbiliti fl-avviż legali, din il-possibbiltà hi aktar remota.”
Id-Direttur wera xaqq ta’ tama għal każijiet partikolari.
“Ikun hemm ċirkustanzi meta xi impjegat tal-Qorti jitlob permess lid-Direttur Ġenerali sabiex ikun jista’ jġib lit-tifel/tifla x-xogħol għal xi ġurnata partikolari. F’dawn il-każijiet id-Direttur Ġenerali jippermetti li jsir hekk wara li jkun informa wkoll lill-Prim Imħallef li ġeneralment hu wkoll jagħti l-kunsens tiegħu.”
Il-Liġi tistipula eċċezzjoni waħda. Avviżi Legali 128 u 129 jistipulaw li tfal jitħallew jidħlu biss fil-Qorti meta t-tfal ikunu msejħa bħala xhieda quddiem qorti jew tribunal ieħor li jżomm seduti fil-bini. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|