MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Eroina skarsa, prezz erba’ darbiet ogħla

Julia Farrugia

Fis-suq lokali bħalissa jinħass nuqqas kbir ta’ droga eroina. In-nuqqas beda jinħass madwar erba’ xhur ilu u wassal biex il-prezz ta’ din id-droga għola b’erba’ darbiet. Fl-istess waqt minħabba numru ta’ raġunijiet kompliet tonqos il-purità tad-droga li hawn bħalissa fis-suq Malti.
Dan ikkonfermah f’kumment lil Illum Neil Harrison, Supretendent fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga tal-Pulizija.
“Minn Awissu/Settembru ta’ din is-sena beda jinħass nuqqas qawwi ta’ droga eroina fis-suq,” isostni Harrison. “Dan wassal biex il-prezz għola ħafna. Gramma eroina bdiet tinbiegħ bejn it-Lm80 u l-Lm100 meta normalment il-prezz hu ta’ madwar Lm20 u Lm25-il gramma.”
Is-Supretendent Harrison jispjega x’qed jiġri fis-suq lokali. Hu jgħid li bħalissa qed tkun innutata żieda qawwija fin-numru ta’ persuni li bdew jattendu ċ-Ċentru tad-Detox. Dan biex b’mod regolari jkunu jistgħu jieħdu sostitut tad-droga.
“Dan in-nuqqas baqa’ jinħass aktar u aktar meta saru qabdiet importanti ta’ droga eroina, fosthom tat-12.5 kilogramma. Dan l-ammont inqabad f’erba’ operazzjonijiet separati bejn il-5 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Ottubru li għadda,” jikkonferma s-Supretendent.
F’perjodu fejn waslu l-festi l-ħidma ta’ din l-Iskwadra ma taqta’ xejn u sa minn xhur ilu kompliet tara tisħiħ ta’ sigħat twal ta’ osservazzjoni fuq persuni mdaħħla f’din l-attività illegali ta’ traffikar.

Statistika li għandhom f’idejhom l-awtoritajiet turi li f’Malta f’dawn l-aħħar snin żdiedu l-persuni li jabbużaw minn droga kokaina. Dan il-fenominu jġib miegħu sfidi ġodda għall-Korp tal-Pulizija.
“Minħabba ż-żieda anke lokalment tal-persuni li jabbużaw mill-kokaina saru aktar sforzi u aktar konċentrazzjoni fuq dawn it-tipi ta’ drogi u dan kien wieħed mill-fatturi biex matul l-aħħar snin kellna żieda fl-ammont sekwestrat ta’ droga kokaina u ecstasy,” itenni Neil Harrison.
Dan il-fattur ma jinħassx biss f’Malta iżda f’numru kbir ta’ pajjiżi Ewropej.
Mis-sena 2000 ’l quddiem kienet innutata żieda fin-numru ta’ persuni li jabbużaw mill-kokaina u ecstasy.
L-Ewropa saret it-tieni l-akbar suq tad-droga kokaina wara l-Istati Uniti u dan minħabba li t-traffikanti ta’ din id-droga stabbilixxew rotot ġodda.
“Qed ikun ikkalkulat li f’sena waħda l-persuni li jużaw il-kokaina żdied b’miljun ruħ, minn 3.5 miljuni tela’ għal 4.5 miljuni,” ikompi s-Supretendent.
Fattur li qed jgħin fit-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga hu l-ħolqien ta’ ċentru magħruf bħala MAOC-N. Miċ-ċentru li nfetaħ fl-1 ta’ April ta’ din is-sena f’Lisbona fil-Portugall, ikunu ikkoordinati ħidmiet biex jitkissru ċrieki ta’ traffikar tad-droga li tkun ġejja bil-baħar lejn l-Ewropa u lejn l-Afrika.
“Bis-saħħa ta’ dan iċ-ċentru ġdid diġà kienu sekwestrati madwar 20 tunellata ta’ kokaina,” itemm Neil Harrison.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075