Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Fost il-proposti: Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin, Catamaran għal Sqallija, sitt Membri Parlamentari minflok ħamsa, ċentru għall-enerġija alternattiva, riforma fit-trasport pubbliku, Ta’ Ċenċ isir park nazzjonali
Kurt Sansone
ksansone@mediatoday.com.mt
Filwaqt li l-partiti politiċi ewlenin u l-Azzjoni Nazzjonali għandhom għajnejhom mitfugħin fuq titjib infrastrutturali u soċjali fl-inħawi li jdawru l-Port il-Kbir, Alternattiva Demokratika qasmet il-Fliegu u tefgħet ħarsitha fuq il-gżira Għawdxija.
L-AD għadha kif ippubblikat l-abbozz ta’ dak li se jkun il-manifest elettorali għal Għawdex fl-elezzjoni li jmiss.
Din hi l-ewwel darba li partit politiku se jkollu manifest politiku dedikat għal Għawdex minbarra l-manifest ġenerali. Din tista’ titqies bħala indikazzjoni ta’ fejn se titfa’ l-enerġija tagħha l-AD fil-kampanja elettorali.
“Għawdex mhux se jkun sempliċiment kapitlu fil-manifest nazzjonali li l-AD se tippreżenta lill-elettorat,” sostna s-Segretarju Ġenerali Victor Galea meta tkellem ma’ Illum.
Il-manifest tħejja mill-kumitat reġjonali Għawdxi ta’ l-AD li ilu jopera sa mill-2004.
Galea, Għawdxi, qal ukoll li d-deċiżjoni biex il-partit ikollu manifest speċifiku għall-gżira Għawdxija ttieħdet sena ilu.
“Bħala reġjun bil-bżonnijiet partikolari tiegħu ħassejna li kien jixraq li nagħtu stima politika lil dan il-fatt billi għall-elezzjoni nippreżentaw lill-Għawdxin manifest li jindirizza l-problemi u l-aspirazzjonijiet tagħhom,” qal Galea.
Fost uħud mill-proposti radikali hemm dawk li Għawdex jinbidel fi gżira ekoloġika u li tingħata iktar awtonomija lill-Għawdxin biex imexxu l-affarijiet tagħhom permezz ta’ kumitat reġjonali b’rappreżentanti eletti mill-Għawdxin.
B’kollox il-manifest fih 122 proposta intiżi biex Għawdex ikun modernizzat b’mod sostenibbli ħalli jinħoloq ix-xogħol fil-gżira, titjieb il-kwalità tal-ħajja, jisseddaq l-ambjent u l-Għawdxin ikollhom aċċess dirett mal-kontinent Ewropew.
“Il-mument wasal biex f’Għawdex ikun hemm riforma li twassal biex il-gżira tinbidel minn reġjun abbandunat fuq il-periferija għall-iktar reġjun suċċess f’Malta,” itenni l-manifest.
L-iktar miżura radikali hi li l-gżira Għawdxija tinbidel fi gżira ekoloġika u hemm numru ta’ proposti li għandhom iwasslu għal dan fosthom il-ħolqien ta’ ċentru għall-enerġija alternattiva, trasport pubbliku li jaħdem b’vetturi li jużaw il-biofuel, il-ħolqien ta’ żona agrikola f’Ta’ Ċenċ li tkun ħielsa mill-prodotti mibdula ġenetikament (GMO), l-impenn biex l-enerġija li jużaw id-djar Għawdxin tiġi minn sorsi alternattivi u l-ħolqien ta’ niċeċ turistiċi iffukati fuq tgawdija tal-kampanja, agri-turiżmu u oħrajn biex l-iżvilupp ikun wieħed sostenibbli.
Fl-istess qafas l-AD tqis li għandhom jingħataw inċentivi fiskali biex f’Għawdex titwieled industrija ta’ servizzi finanzjarji, teknoloġija ta’ l-informatika u call centres li huma kompatibbli mal-kunċett ta’ xogħol ‘nadif’ li għandu impatt ambjentali mill-inqas.
Biex jissaħħaħ it-trasport bejn il-gżejjer l-AD qed tipproponi li s-servizz dirett eżistenti bejn l-ajruport internazzjonali u l-port ta’ l-Imġarr ikun estiż għal Victoria u jkun hemm faċilità wkoll ta’ check-in għall-bagalji. F’Marsalforn l-AD qed tipproponi t-tisħiħ tal-breakwater biex ikun hemm bażi fejn jistgħu jinżlu l-ajruplani tal-baħar b’servizz ta’ minibuses minn u lejn postijiet oħra f’Għawdex. Proposta oħra hi biex ikun introdott is-servizz tal-catamaran li jwassal għall-Port il-Kbir.
L-AD tara wkoll potenzjal biex Għawdex ikollu komunikazzjoni diretta ma’ Sqallija permezz tal-catamaran u l-ajruplani tal-baħar.
Fil-każ tat-trasport pubbliku, l-AD qed tissuġġerixxi li l-karozzi tal-linja eżistenti jinbidlu ma’ vetturi iżgħar li jaħdmu bil-biofuel b’rotot li jgħaddu wkoll minn raħal għall-ieħor.
U għal dawk li jiftakru l-ballun baraxx l-AD qed tissuġġerixxi li jkun hemm ukoll servizz ta’ komunikazzjoni b’dan il-mezz ta’ trasport bejn iż-żewġ gżejjer.
Iktar proposti radikali jolqtu t-tmexxija tal-gżira Għawdxija fejn l-AD qed tissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Kunsill Reġjonali elett mill-Għawdxin li jkollu s-setgħa li jmexxi l-flus ivvutati għal Għawdex u anki li jdaħħal taxxi ġodda.
Dan il-Kunsill ikun jaħdem id f’id mal-Ministru għal Għawdex u fl-istess waqt jinħoloq kumitat parlamentari għall-affarijiet Għawdxin biex jassisti lill-Ministru fil-ħidma tiegħu.
L-AD qed tipproponi wkoll li jiżdiedu s-siġġijiet Parlamentari għal Għawdex minn ħamsa għal sitta.
Il-manifest jgħid li Għawdex għandu jkollu definizzjoni legali ta’ reġjun mhux biss biex l-Għawdxin ikollhom iktar awtonomija imma biex skond il-prinċipju tas-sussidjarjetà jkun hemm amministrazzjoni parteċipattiva u trasparenti.
Fost proposti oħra l-AD titkellem ukoll dwar it-tliet kwistjonijiet kbar li laqtu lil Għawdex f’dawn l-aħħar snin: il-proġetti ta’ żvilupp proposti għal Ħondoq, Ta’ Ċenċ u r-Ramla l-Ħamra.
Il-manifest jgħid li Ħondoq għandu jinbidel f’park industrijali u ekoloġiku fejn ikun żgurat l-aċċess sħiħ għan-nies.
L-AD qed tipproponi li Ta’ Ċenċ għandu jingħata bħala rigal lill-poplu u jkollu status ta’ park nazzjonali filwaqt li fil-każ tar-Ramla l-Ħamra l-AD issostni li l-Gvern għandu jixtri l-proprjetà ta’ Ulysses Lodge biex titwaqqa’ u ż-żona tinbidel lura fl-istat naturali tagħha.
Dan il-pakkett ta’ proposti se jkun ippreżentat lis-soċjetà ċivili Għawdxija f’seminar reġjonali li għandu jsir f’Jannar li ġej. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|