MediaToday

Aħbarijiet | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Il-ħames numri huma...

Il-Gvern mhux se jillimita r-rebħ

Sabrina Agius

Toroq baħħ waqt li Malta kollha se tkun qed tistenna dawk il-ħames numri msaħħra li jistgħu jrebbħuk nofs miljun lira.
M’aħniex bassara, imma probabbilment din se tkun is-sitwazzjoni nhar l-Erbgħa li ġej meta ftit qabel is-7.30pm se jitilgħu n-numri tas-Super 5 bi premju rekord ta’ iktar minn Lm500,000.
Din hi l-ogħla darba li qatt telgħet is-Super 5 minn mindu tneħħa l-limitu massimu ta’ kemm jista’ jkun ir-rebħ. U meta l-premju jitla’ b’dan il-mod astronomiku l-leblieba biex tilgħab tikber anki f’dawk in-nies li s-soltu lanqas ma jimpurtahom mil-logħob tan-numri.
Din is-sitwazzjoni qed tolqot ħażin lil tal-ħwienet. Iżda minkejja li l-GRTU, li tirrappreżenta s-sidien, iddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala “ġennata nazzjonali” ma jidhirx li l-Gvern għandu xi ħsieb li jerġa’ jdaħħal limitu fuq ir-rebħ.
F’kumment li ta lil din il-gazzetta s-Segretraju Parlamentari Tonio Fenech qal li t-tneħħija tal-limitu tar-rebħ għas-Super 5 kien parti min-negozjati tal-privatizzazzjoni tal-Maltco.
“Wieħed jinnota li meta l-premju tas-Super 5 ikun għoli ikun hemm nies li jixtru l-biljetti minflok ma jixtru affarijiet essenzjali għall-ħajja ta’ kuljum u wieħed irid jara l-impatt soċjali ta’ dan. Iżda rridu nistudjaw is-sitwazzjoni mill-aspett legali tagħha qabel ma tittieħed xi azzjoni,” qal Fenech.

Skond il-President tal-GRTU Paul Abela l-membri tagħhom jirrappurtaw li l-bejgħ imur lura kulmeta s-Super 5 taqbeż Lm200,000.
Intant, Illum marret f’banka tal-lottu fil-Belt u ħadet ir-reazzjonijiet tan-nies li daħlu jittantaw xortihom mas-Super 5.
Il-bejjiegħ tal-banka tal-lottu qalilna li meta l-premju jkun għoli iktar mis-soltu, min normalment jieħu biljett jispiċċa jieħu tnejn minflok.
“Mill-bqija trid tkun għolja ħafna biex jilagħbu iktar minn hekk. Meta s-somma tkun bħal ta’ issa rari tintrebaħ minn wieħed waħdu għax li jiġri hu li nies minn uffiċini u fabbriki jingħaqdu u jekk ikun hemm 50 ruħ jiżdied il-bejgħ b’Lm50.”
Kienu ftit dawk in-nies li riedu jitkellmu dwar kif jagħżlu n-numri tagħhom. Probabbilment kulħadd jemmen li n-numri rebbieħa huma tiegħu u ma jkunx irid jaqsamhom ma’ ħaddieħor. Il-lagħaba regolari ħafna drabi għandhom numri fissi li jiktbu ġimgħa wara l-oħra u jkunu marbuta ma’ xi avveniment importanti għalihom. Oħrajn li jittantaw xortihom f’dawn l-okkażjonijiet biss jew jużaw numri marbuta mal-birthday tagħhom u tal-qraba jew inkella jaqbdu jitfgħu ħames numri bl-addoċċ.
Iżda s-segretezza marbuta mal-għażla tan-numri tinħass ukoll fuq l-ammont ta’ flus li jilagħbu n-nies. Kulmin kellimna fil-banka tal-lottu sostna li ma tantx jilgħab, anki jekk imbagħad il-kont tela’ għal Lm10 jew Lm15.
Mara li qed tittama li tkun ‘nofs miljunarja’ qaltilna: “Ilni 11-il sena nieħu l-istess numri u qatt ma telgħu.”
Skond il-psikologu Bernard Caruana ħafna drabi l-logħob isir dipendenza għax persuna tibqa’ tittama li “din id-darba se jmiss lilha.”
Hemm kategorija ta’ nies li m’għandhomx sens ta’ kontroll isostni Caruana. “Jekk għall-argument ikunu xtraw erba’ biljetti u jaħsbu f’iktar numri, mhux se jiddejqu jixtru biljett ieħor, speċjalment jekk jemmnu li jista’ jkun il-biljett rebbieħ.”
Meta l-premju jkun kbir kulħadd jittama li jirbaħ. In-nies ma tantx jagħtu kas lejn il-valur ta’ kemm jiswa l-biljett għax dak li jonfqu mqabbel ma’ dak li jistgħu jirbħu hu minimu.
Caruana jgħid: “Ħafna drabi, meta nixtru xi ħaġa nagħmluha realtà. Jekk jien irrid nirbaħ il-lotterija nġiegħel lili nnifsi nemmen li għandi ċans nirbaħha u allura l-biljett li għandi f’idejja hu dak rebbieħ.”
Tkellimna wkoll mas-soċjologu Dun Joe Inguanez dwar l-impatt ta’ dan il-fenomenu fuq il-komunità. “Ċerti nies jingħaqdu flimkien biex ikabbru ċ-ċans tar-rebħa tagħhom u jippruvaw janalizzaw x’numri telgħu biex jippruvaw il-possibbiltajiet skond huma l-iktar probabbli. Fl-aħħar mill-aħħar is-Super 5 tibqa’ logħba ta’ l-azzard u l-moralità tas-sitwazzjoni kollha hi serja.”
Lil hinn mill-fatt li s-Super 5 telgħet għal nofs miljun lira u qed toħloq tant dibattitu fil-pajjiż, Inguanez jgħid li hemm problemi ikbar marbuta mal-logħob ta’ l-azzard li jista’ jikkawża tifrik ta’ familji minbarra d-danni personali.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075