MediaToday

Sports| 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Id-dedikazzjoni għal-logħba tal-futbol

Sa ftit tal-ġimgħat ilu ma kontx nilgħab ċenteżmu li xi darba kont se nlaħħaq nintervista lil Paul Zammit bħala l-kowċ ta’ Valletta. Il-maltemp li nqala’ fil-kamp Belti wara l-ewwel partiti tal-kampjonat inbidel f’urugan wara l-partita kontra Msida St. Joseph meta t-tim Belti qala’ l-goal tad-draw fl-aħħar sekondi.
Dak inhar jien kont ħriġt bi storja li skond sorsi li kelli mill-kamp Belti stess kellha tkun l-aħħar logħba għal Zammit fuq il-bankina ta’ Valletta. Il-Kumitat ta’ Valletta FC ltaqa’ l-għada u dak li kellhom ħsieb li jagħmlu sa dak il-ħin tat-telefonata dar kollu sa filgħodu. Paul Zammit baqa’ l-kowċ tat-tim ta’ Valletta. Ma nafx kif kien ħadha dakinhar u ma staqsejtux.
Tajtu biss x’jifhem u assigurajtu li dakinhar ma qbadx u vvintajt storja biex nimla l-paġna. Illum il-ġurnata s-sitwazzjoni tiegħu hija waħda ħafna iżjed trankwilla minn qatt qabel. Valletta bdew jilagħbu u jpaxxu lil min jarahom jilagħbu b’mod speċjali dawk l-eluf ta’ partitarji li għandhom imxerrdin mal-lokalitajiet ta’ Malta kollha.
F’din l-intervista ta’ kważi siegħa Paul jirrakkuntali l-aktar mumenti ta’ tensjoni li għadda minnhom kemm ilu f’din il-karriera miż-żminijiet ta’ Mosta għal dawk li qed jgħix fihom illum fil-ħajja ta’ kuljum.
Jien niġġudikah bħala bniedem ta’ skola u għerf kbir b’valuri sodi li kultant mistħi xi ftit iż-żejjed ukoll. Oratur tal-prima klassi u minn mistoqsija sempliċi kapaċi jdum jitkellem kemm hemm bżonn sakemm ma jiġix interrot b’mistoqsija oħra. Dan kelli ngħaddi minnu jien għal ħafna drabi ikkundizzjunat mit-tape tar-recorder li jesa’ biss siegħa bl-arloġġ.
Konxju li qed imexxi l-ikbar club tal-futbol Malti Paul diġà jinsab ċert li ma’ l-iċken żelqa li t-tim tiegħu se jkollu se jerġa’ jirċievi xita ta’ kritika kontrieh. Jgħidli bla tlaqliq ta’ xejn li dawn l-aħħar xhur f’ħajtu kienu l-aktar xhur li tgħallem u se jservuh ħafna għall-futur tal-karriera tiegħu fil-coaching.
Jibda jirrakkuntali x’tip ta’ persuna hu fil-ftit ħin li fadallu f’ħajtu li ma jkollux x’jaqsam mal-logħba tal-futbol.
“Il-parti l-kbira ta’ ħajti mibnija fuq ix-xogħol u l-futbol. Il-futbol huwa parti kbira minni imma dejjem għamilt minn kollox biex insib ħin għall-familja. Xi kultant naħseb li kieku ma nsibx l-appoġġ sħiħ tal-mara tiegħi naqta’ qalbi. Kemm il-karriera ta’ kowċ u anki dik ta’ plejer fiha tagħha. Jien ngħidlek li għalija personali l-ħajja ta’ plejer kienet aktar faċli.
“Jien daqsxejn perfezzjonist u allura nbati aktar minn ħaddieħor. Kemm ili nikkowċja tgħallimt kemm trid tkun lest il-ħin kollu għall-kritika. Fuq livell ta’ kowċing fil-Youths ili ħafna li bdejt anki għax ix-xogħol tiegħi ta’ għalliem għeni ħafna f’ħajti imma fuq l-ogħla livell irrid nammetti li ma tantx kelli xi esperjenza kbira.
“Jien nemmen li kull ġurnata li tgħaddi trid titgħallem mill-esperjenza tiegħek stess. Titgħallem timmatura u nemmen li dawn l-aħħar ħames xhur kienu l-iżjed li għallmuni. Meta dħalt fil-coaching l-ewwel ħaġa li għidt lili nnifsi kienet li rrid inkun dejjem bil-bagalja lesta għal kull ċirkostanza li tista’ tinqala’. F’ħajti tgħallimt li meta tirbaħ, il-plejers kemm huma tajbin, imma meta titlef, il-kowċ kemm hu ħażin. Dik kienet ħaġa li żammejt dejjem f’rasi mill-ewwel ġurnata tal-karriera fil-coaching.”
Paul Zammit twieled nhar………….u joqgħod Ħ’Attard. Miżżewweġ lil Glorianne u missier ta’ żewġ subien, Gianluca u Andrea. Bħala plejer lagħab fil-karriera tiegħu ma’ Sliema Wanderers, Rabat Ajax, Hibernians, Hamrun Spartans u Mosta. Mal-Mostin beda l-karriera tiegħu ta’ kowċ sakemm illum sab postu ma’ club ewlieni bħal Valletta FC. Jgħidli li n-namra għall-ballun ilha fuqu sa minn meta kien tifel.
“Jien kont noqgħod il-Ħamrun u ta’ età żgħira dejjem kont niġri barra bil-ballun. Naħseb li kien l-uniku nkwiet ta’ ommi u missieri. Waħda mill-affarijiet li ġratli tajba f’ħajti kienet li missieri kien ħabib tal-coach Leli Fabri. Ta’ 12-il sena kont immur iċ-ċentru sportiv u kien ħadni ma’ club f’Ħal Qormi. Dik is-sena stess fetħet in-nursery ta’ Sliema Wanderers u kien Fabri stess li ħadni miegħu mat-tim li kien jilgħab. Leli Fabri kien plejer li affettwani ħafna f’ħajti għax ipprova jurini li l-ewwel irrid inkun atleta u raġel u wara nsir plejer tal-futbol. Għadni sa llum inċemplu lil xulxin. Għandi kuntatt kontinwu miegħu.”
Inġeddidlu l-memorja ta’ meta kien għadu tifel u kellu jieħu l-ewwel deċiżjoni iebsa f’ħajtu. Kien għad kellu 18-il sena meta minn ma’ Sliema Wanderers ingħaqad ma’ Rabat Ajax u warrab l-offerta ta’ Floriana.
“Dak iż-żmien ġiet f’ħajti l-għażla ma’ min irrid immur inkompli l-karriera. Il-President Messina Ferrante kien iħobbni ħafna u talabni nagħżel biex immur nilgħab fejn irrid imma jekk jista’ jkun mhux Floriana. Mort nagħmel sena mar-Rabat imma waqajna. Bqajt xorta waħda magħhom anki fl-Ewwel Diviżjoni.
“Jien bniedem li l-karattru tiegħi jagħmilni parti mill-club li nkun qed nilgħab miegħu. Ma nistax ngħid liema kien l-aħjar club li kont miegħu. F’kollha kelli żminijiet iżda ż-żmien li kont sejjer ma’ Ħamrun Spartans kont ferħan ħafna peress li jien Ħamruniż u kont għadni qatt ma lgħabt mat-tim ta’ pajjiżi.
“Wara l-Ħamrun ġew il-Mosta li kellhom pjan għall-futur. Kont mort magħhom u kien hemmhekk fejn bdejt il-karriera ta’ kowċ. Niftakar li darba l-President staqsieni nkunx interessat li nieħu t-tim f’idejja bħala kowċ. Għamilt sena bħala plejer kowċ però mbagħad indunajt li diffiċli ħafna biex taħdem. Ma kontx inħossni komdu u ddeċidejt li nkompli fil-coaching biss.”
Il-problemi li Paul kellu ma’ Mosta huma sigrieti magħrufa. Insaqsih x’inqala’ eżatt dakinhar. Fi ftit kliem wieħed jista’ jgħid li l-aħħar xahrejn mal-club Mosti kienu ta’ terrur u nkwiet kbir.
“Kienet inqalgħet problema kbira fil-Mosta meta jien kont imsiefer fuq esperjenza ta’ coaching ma’ Inter. Fil-Laqgħa Ġenerali l-President qal li ma xtaqx ikompli u qisu ta indikazzjoni li l-problema kienet jiena. Kont sorpriż ħafna għax lili qatt ma kien qalli xejn u sa ġurnata qabel mort l-Italja konna flimkien. Ħassejtha ħafna għax jien kien spiċċali l-kuntratt u allura seta’ qalli li s-servizzi tiegħi ma kinux aktar bżonjużi u allura ma kellux problemi.
“Jien bqajt inżomm f’rasi l-grupp ta’ plejers li kont tellajt u ma ridx nitlaq u nħallihom warajja. Kien tela’ President ieħor li xtaqni nibqa’ u hekk għamilt. Ġibt aktar plejers fosthom lil Udo Nwoko, Matthew Bartolo u Jonathan Caruana.
“Charles Abela kien bniedem importanti ħafna għal Mosta għax finanzjarjament kien jgħin ħafna. Is-sitwazzjoni fil-Mosta baqgħet dejjem l-istess u kien hemm min għażel li jimxi fuq il-prinċipju ta’ ‘jew jien jew hu’. Jien sa llum għadni nispera biss li r-raġuni ma kinitx li għax it-tifel tiegħu li kien fl-iskwadra ma tantx kien isib spazju jilgħab. Allaħares kienet dik.”
Paul jammetti li l-Valletta kien wieħed mit-timijiet li kienu avviċinawh fil-bidu ta’ l-istaġun iżda ma marx magħhom fl-ewwel tentattiv. Kien meta s-sitwazzjoni saret waħda impossibbli li kien ħa d-deċiżjoni li jitlaq minn ma’ Mosta.
“Il-Belt kien wieħed mit-timijiet li kellmuni qabel l-istaġun għax kellhom problema mal-kowċ tagħhom, J.J. Aquilina. Kien hemm ukoll xnigħat li l-MFA xtaquni fis-settur tal-Youths għalkemm uffiċjali qatt ma qaluli xejn. Il-Belt ċemplu anki lil Frans Debono li sa llum għadu ħabib kbir tiegħi u nqisu bħala t-tieni missier tiegħi. Frans kien qal lil min ċempillu biex jekk jista’ jkun nibqa’ ma’ Mosta biex ma jqumux aktar kumplikazzjonijiet.
“Imma f’Novembru s-sitwazzjoni saret diffiċli aktar minn qatt qabel. Bdejt ninduna wkoll li minħabba l-kwistjoni bejni u Charles Abela kien hemm xi nies li bdew iħarsu lejja bl-ikrah. Dak inhar li jien iddeċidejt li nitlaq mill-Mosta kien inqala’ minn kollox, sa anki ħassu ħażin Frans Debono u mort narah l-isptar. Tlifna wkoll kontra St. Patrick’s fil-logħba tat-trophy.
“Niftakar li ħriġt mill-ground u kien hemm persuna minn qalb in-nies li tgħidx kemm għajjarni. Sibt lil mara tiegħi tibki. Dak il-ħin għidt li saħħa dan is-sagrifiċċju kollu qed jiġu nfluwenzati wkoll nies minn barra.
“Kont għidt lil Frans Debono li jekk nitlaq jien il-club tal-Mosta kien se jerġa’ jieħu r-ruħ għax jerġa’ jidħol Charles Abela. Kont ċempilt lil Kevin Fenech li fehimni mill-ewwel. Għidtlu li kont sejjer nitkellem mal-Belt. Xorta baqgħet il-problema tal-flus. Niftakar li meta tlajna mill-Ewwel Diviżjoni kien tħallas kulħadd minbarra jien. Spiċċajt li biex ma naqlax inkwiet ċedejt flusi kollha biex immur mal-Belt. L-iktar ħaġa li weġġgħetni kienet li kelli nitlaq lil dak il-grupp ta’ plejers li kont għaqqadt jien. Għamilt dak il-pass għall-ġid tiegħi u tal-Mosta. F’ħajti ftit bkejt imma fl-aħħar sigħat tiegħi ma’ Mosta bkejt ta’ veru. Għaddejt minn xahrejn tal-biża’. Illum mal-Mostin għandi relazzjoni tajba għax fehmu eżatt x’kien hemm. Il-Mostin għadhom sa llum iċempluli biex jaraw kif jien u biex jifirħuli. Kieku llum nista’ mmur lura nagħmel l-istess affarijiet b’differenza li nsib ċans immur inkellem lill-grupp ta’ plejers li kelli biex nispjegalhom eżatt x’kienet is-sitwazzjoni għax ma kinux jafu x’inhu jiġri. It-tim kont bnejtu jien u ridt narah isalva. Jiddispjaċini li fl-aħħar logħba kienu 3-0 minn fuq u tilfu l-partita.”
Ikellimni wkoll fuq ir-realtà ġdida ta’ ħajtu Valletta. Jgħidli kif inbidlu l-affarijiet hekk kif Victor Sciriha ingħaqad ma’ Valletta FC u x’kienu l-ewwel diskussjonijiet li kellhom bejniethom.
“Fis-sajf kulħadd jaf x’ġara. Kien se jkun hemm amministrazzjoni ġdida. Victor Sciriha huwa bniedem ambizzjuż li ġie fil-Belt biex jirbaħ. Poġġejna flimkien u ippruvajna naraw xi jkunu l-aħjar affarijiet li għandna nagħmlu għall-ġid tat-tim. Irridu nifhmu li l-President ġie f’post ġdid ma’ club kbir li diġà kellu bażi fejn inqas mir-rebħ huwa falliment. Biss nemmen li l-aspettattivi li ħloqna qabel l-istaġun batejniehom, u għadna nbatuhom u se nibqgħu nbatuhom.
“Aħna ġejna f’sitwazzjoni li kulħadd irid jitkellem fuq it-televiżjoni u jikteb fuqna fil-gazzetti. Il-ġurnalist sportiv meta jara tim b’dawk l-aspettattivi kollha li ma jibdiex ikollu prestazzjonijiet tajbin tiġi normali għalih li jagħti priorità f’xogħlu lil dan it-tim.
“Jien qatt f’ħajti ma kellimt ġurnalist fuq dak li kiteb fuqi. Li kieku ma kellix relazzjoni tajba mal-plejers jew indunajt b’xi mod li l-problema kont jien kont imwarrab mill-ewwel. Jien kulmeta ltqajt mal-membri tal-kumitat u l-president dejjem issapportjawni u qatt ma kellmuni fuq il-pożizzjoni tiegħi. Konna qed nilagħbu ħażin u x-xorti ma bdietx tidħkilna xejn.
“Illum il-ġurnata l-grupp huwa aktar magħqud. Qed ngħixu kważi flimkien u dejjem kxifna l-karti tagħna quddiem xulxin. Jien ngħidlek li ma nbidel xejn mill-ewwel partiti ħlief li ġejna konxji tas-sitwazzjoni. Kemm ili mal-Belt ma ninsa qatt is-sitwazzjoni tal-plejers qabel il-logħba ta’ Floriana ta’ l-ewwel round. Kelli tmien plejers bojod karti. Qatt ma rajthom hekk taħt dik il-pressjoni.”
Inkellmu wkoll fuq il-partita ta’ kontra ċ-champions tal-futbol Malti li rebħu 7-0. Ma ridtx ngħamillu mistoqsija. Lissintlu biss il-kelma, Marsaxlokk.
“Kienet partita li tattikament ħafna mill-affarijiet li għamilna ġewna tajbin. Monesterolo wieħed minnhom li fejn sa qabel din il-partita xejn ma beda jiġih sew, din id-darba fetħilha. Jien naf x’potenzjal għandu imma l-pressjoni kollha li kellu fuqu ma ħallitux ikkonċentrat. Meta tim teqirdu daqshekk malajr tmurlu kull motivazzjoni. Irrid ngħid ukoll li ħafna mill-affarijiet li għamilna ġewna tajbin. Kienet il-ġurnata tagħna. Kollox beda jidħkilna. Però li tiskurja sebgħa mhux faċli anqas.”
Nistaqsih jekk illum iħossux aktar trankwill minn qabel u jekk hux ċert mis-siġġu tiegħu bħala kowċ tal-Valletta.
“Jien lest għall-pożizzjoni tiegħi. Ma’ l-ewwel partita li se niżolqu se jerġa’ jkun hemm il-kritika. Dak inhar smajt intervista ta’ Mancini u meta staqsewh iħossux trankwill qalilhom ‘iva, sa l-ewwel draw li niġu’. U naħseb li għandu raġun. Aħna bdejna mill-ewwel ġurnata bl-għan li nirbħu l-kampjonat. Il-President ġie hemmhekk u nvesta flusu. Jien għidtha mill-ewwel quddiem kulħadd biex ma nitilqux niġru qabel nibdew nimxu għax naqgħu għal wiċċna.
“Il-mira tagħna kien li ntellgħu ftit iżjed punti. Però kif ġie l-kampjonat li kulħadd tilef ma’ kulħadd ngħid li wara l-ewwel round bil-problemi kollha li kellu t-tim tal-Belt spiċċajna biss żewġ punti taħt il-leaders.”
Paul Zammit se jsir wieħed mill-ftit kowċis li se jkollu x-xorti jikkowċja kontra skwadra internazzjonali. Għalih hemm il-prestiġju u l-unur tal-Juventus f’Jannar li ġej.
“Li l-club tal-Belt irnexxielu jġib logħba ta’ preġju bħal din hija xi ħaġa kbira. Minn hawn nixtieq nirringrazzja lill-President għal din l-opportunità li se jagħti lill-grupp. Għalina se tkun esperjenza unika. Jien nemmen li kull ġurnata li tgħaddi hija esperjenza u nitgħallem minnha. Jien anki bħalissa li qed nitkellem miegħek qed nitgħallem. Li se naffrontaw club kbir bħal Juventus hija xi ħaġa kbira. Għalija xi ħaġa speċjali għax Juventin. S’issa naħseb li jekk inkun jien il-kowċ sa dak iż-żmien se tkun l-iktar logħba ta’ prestiġġju fil-karriera tiegħi.”
Paul jgħidli li jammira ħafna kowċis Maltin jew li kkowċjaw f’Malta imma fost dawn hemm tlieta partikolari li tgħallem ħafna mingħandhom.
“Horst Heese kien il-bniedem li ġab Malta livelli ta’ korsijiet għoljin ħafna. Tgħallimt ħafna miegħu u x-xewqa tiegħi hija li jkolli l-liċenzja Pro. L-ebda ċertifikat ma jagħmlek kowċ ħa nagħmluha ċara, però jgħinuk ħafna. Jien kemm ili li ġibt iċ-certifikati meħtieġa ma bqajtx inħares lejn logħba futbol l-istess. Iktar sar jinteressani lejn it-tattika tal-logħba. L-għerf ta’ Horst Heese kien kbir wisq. Imma jien tgħallimt ħafna ma’ Robert Gatt u Mark Miller ukoll u ma tistax ma tammirahomx.”
Fl-aħħarnett nistaqsih jekk għall-futur għandux xi ħolma li jixtieq li ssirlu realtà.
“Il-ħolma tiegħi hi li nwettaq dak li dħalt għalih mat-tim tal-Belt. Fil-futur ma nistax ngħidlek x’ħolma għandi imma l-ħolma fil-kexxun minn mindu kont tifel hi dik li xi darba nikkowċja barra.
“Ma nistax ma nirringrazzjax lill-partitarji ġenwini tal-Belt. Kemm ili mal-Belt indunajt li għal dawn il-paritarji l-club tal-futbol huwa t-tieni familja tagħhom. L-atmosfera tinħass kuljum. Fil-mumenti difficli rajt ħafna nies li tawni ħeġġa kbira biex inkompli naħdem. “Il-logħba tal-futbol tant kemm temozzjonani li għadni sa llum meta mmur nilgħab ma’ tax-xogħol il-logħba tidħol wisq ġo fija.
“Ma nistax ma nirringrazzjax lin-nies kollha li xi darba jew oħra ħdimt magħhom. B’mod speċjali lill-ġenituri li dejjem mexxewni fit-triq it-tajba u lill-mara tiegħi għax naħseb li kieku ma kellix mara hekk li tissaportjani f’xogħli l-ħin kollu taċċetta li nagħmel barra ħafna ħin ma nkunx nista’ nkomplu fil-logħba li tant inħobb.”

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075