Pjazzetta| 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Fost it-teżori tal-Biblijoteka Nazzjonali ta’ Malta wieħed isib 89 akkwarelli uniċi magħmula minn Charles F. de Brocktorff li juru xeni mill-ħajja Maltija fl-ewwel nofs tas-Seklu 19 b’veduti fil-Belt u barra, snajja’, kostumi u tradizzjonijiet Maltin.
Dawn ix-xogħlijiet il-Biblijoteka Nazzjonali se tippubblikahom f’żewġ edizzjonijiet fil-jiem li ġejjin u għandhom lill-Imħallef Giovanni Bonello bħala l-editur tagħhom.
L-ewwel volum, li għandu kitba u riċerka ta’ Bernadine Scicluna, jittratta fid-dettal ħames xeni topografiċi ta’ Malta u 12-il xogħol ieħor ta’ Brocktorff li juru x-xogħlijiet u t-tradizzjonijiet Maltin fl-ewwel nofs tas-Seklu 19. Wara li Scicluna titkellem dwar Brocktorff u tqiegħdu fil-kuntest taż-żmien li ħadem fih, tispjega l-importanza etnografika ta’ l-akkwarelli tiegħu.
It-tieni volum, li mistenni joħroġ tard fl-2008, jittratta 42 akkwarell ta’ pajsaġġi Maltin u analiżi stilistika tagħhom minn Theresa Vella, Maniġer għar-Riċerka fl-Istitut għall-Konservazzjoni u Wirt Kulturali, f’Bighi.
Brocktorff kien mit-Tramuntana tal-Ġermanja. Niżel Malta fil-bidu tas-Seklu 19 u fetaħ ħanut ta’ l-arti fil-Belt. Fl-1828 l-ewwel Duka ta’ Buckingham qabdu jagħmel kollezzjoni ta’ veduti ta’ Malta u Għawdex. Hu għamel 49 akkwarell ta’ Malta u 21 ta’ Għawdex fosthom il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Palazz tal-Gvernatur, il-Bereġ, il-Librerija Pubblika u xeni mill-Port il-Kbir. Permezz tat-tpinġijiet ħalla wkoll ritratt tas-soċjetà Maltija b’xeni li juru l-Malti fuq xogħlu, mal-familja, bl-ilbies tiegħu, fil-festi, fl-użu tat-trasport, eċċ.
Fl-1848 id-Duka falla u l-kollezzjoni nbiegħet bl-irkant u nxtrat mill-familja Beaufoy u wara nkisbet mil-Librerija Pubblika Maltija, illum il-Biblijoteka Nazzjonali, fl-1925 u bdiet tifforma parti mit-teżori ta’ l-istess Biblijoteka. Il-Librerija Nazzjonali għandha album ieħor ta’ xogħlijiet ta’ Brocktorff, li ngħatawlha mill-Kavallier William Gollcher fl-1924.
L-ewwel volum jinkludi kopji bil-kulur ta’ 12-il akkwarell diskuss f’dan il-volum. Se jiġi stampat f’edizzjoni limitata u jkun għall-bejgħ fil-ġimgħat li ġejjin.
Il-prezz hu ta’ Lm19.32 (€45) iżda min jibbukkja qabel jixtrih għal Lm12.88 (€30). Għall-ibbukkjar jew aktar informazzjoni żur il-Biblijoteka Nazzjonali li tinsab f’36, Triq it-Teżorerija, l-Belt jew idħol www.libraries-archives.gov.mt. Inkella ibgħat fuq customercare.nlm@gov.mt. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|