Carmelo Mifsud Bonnici | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58 Il-valur tal-verità 1.Xi żmien ilu kont qrajt kitbet Michael Novak. Bniedem ’il quddiem sew fil-ħsieb u gwida moderna għall-ġrajjiet li l-Insara qed jiffaċċaw. F’parti minn din il-kitba rajtu jorbot id-demokrazija mal-bżonn tal-verità. Jiġifieri li mingħajr verità ma hemmx demokrazija ħajja. Għalhekk kulmin jifforma parti mill-istituzzjonijiet irid joqgħod għal din ir-regola u jkun żball fundamentali jekk din ma tiġix rispettata. 2.Forsi mhux kulħadd jaqbel ma’ kliem Novak, però naħseb li l-esperjenza tal-ħajja politika tippruvah korrett. Tasal għal dan dejjem jekk kemm-il darba wieħed jifli sewwa dak li jkun għaddej minnu ħaddieħor jew huwa stess. Għalkemm nemmen li drabi wieħed ibati sabiex janalizza dak li jkun għaddej minnu hu personalment. Jispiċċa jaqra awtobiografiji u biografiji bħala gwida, iqabbilhom miegħu jew jeħodhom bħala mudell ta’ kif għandu jġib ruħu. Però dan, għalkemm huwa proċess edukattiv, m’huwiex wieħed konklussiv. Dan ifisser li l-politiku jista’ jasal għal indikazzjoni, għax għalkemm għandu mudelli varji jrid ikun hu li jagħżel il-ħin kollu li jsegwi l-istint intern tiegħu lejn il-boxxla tal-verità. 3.Inħoss li ħafna drabi dawn il-lezzjonijiet mhux dejjem, anzi rari, jiġu segwiti. Iktar u iktar meta wieħed jikkonsidra l-persuni li jirrappurtaw dak li jiġri. Il-fatti juru li hemm kunfidenza żejda mal-verità. Kunfidenza għax ma hemmx biża’ minnha jew rispett lejha. Hemm min huwa lest li jattakkaha, idawwarha, jgħawwiġha, jieħu biċċa minnha u jġibha l-kontra ta’ dak li hi. Il-ġurnalist ħafna drabi, daqqa għal raġuni u daqqa għal oħra, tarah ibiddel il-binarji mingħajr l-ebda skruplu ta’ xejn. Sfortunatament wieħed jara li hemm żewġ tipi ta’ dawn il-persuni. L-ewwel, dawk politiċi li għal kollox lesti li jwarrbu ħaġa u jdawwru oħra “f’isem il-partit” li ma huwa xejn ħlief żball għax jaħdmu għal-lum u jinsew li jiġi għada. It-tieni ta’ dawk li jkunu diġà ffurmaw opinjoni fuq ħaġa u allura jridu jdawwru, iċekknu u jikkompressaw kollox lejn id-direzzjoni li jridu huma, u mhux li hi. Tant hija gravi s-sitwazzjoni li tgħallimna din il-ġimgħa li l-BBC addirittura se tonfoq flus tajba biex torganizza lezzjonijiet għall-ġurnalisti tagħha biex isegwu l-verità fir-rappurtaġġi tagħhom. 4.Mhux biss, imma l-akkaniment lejn min qiegħed f’pożizzjoni ta’ antipatija hija akbar. Għandna fuq x’hiex nirriflettu sew. Għax nitkellmu fuq l’hekk imsejħa “kultura tar-riżenji” imma llum il-ġurnata għandna quddiemna numru ta’ eżempji li jxejnu ħafna l-validità tagħha fil-konfront tal-verità. Ftit xhur ilu kellna r-riżenja ta’ Gordon Cordina mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika. Kien hemm ħabta u sabta akkaniment u attakki personali f’isem aġenda politika li tmexxiet mingħajr rispett lejn id-diċenza u għall-verità. Il-gidba kienet li mexxiet ’il quddiem, u r-riżultat kien li tlifna persuna validissima fis-servizz ta’ l-Istat. 5.Iktar riċenti minn dan kellna l-każ ta’ l-Ambaxxatur Richard Muscat. Huwa wkoll ġie inġustament attakkat u proċessat, misjub ħati u kkundannat qabel ma saret l-inqas investigazzjoni. Ir-riżultat kien dak li l-proċeduri kontra ibnu ma ttieħdux, però huwa rriżenja mill-pożizzjoni tiegħu. Il-pajjiż reġa’ tilef għax kellu ambaxxatur li qed jikkoltiva sew ir-rapporti tagħna ma’ l-Irlanda. L-istess issa bil-każ tal-membru parlamentari John Dalli. Tant inqalgħu rwiefen fuq diversi allegazzjonijiet li ċeda l-pożizzjoni ta’ Ministru. Bniedem li ħadem fil-Gvern għall-pajjiż u mimli esperjenza tilef il-possibilità li jagħti sehmu tul dawn it-tliet snin fil-Kabinett fix-xejn. Illum il-ġurnata, kuntrarjament għal dak li ngħad, mhux ġie riabilitat iżda ġie ppruvat li ħaddieħor rikeb fuq il-gideb u t-tgħawwiġ tal-fatti sempliċement sabiex jagħmillu l-ħsara. 6.F’mument, fil-kitba ta’ William Shakespeare fid-dramm “Ġulju Ċesri” nsibu inċident fejn il-folla tiltaqa’ ma’ bniedem jismu Cinna. Taħsbu wieħed minn dawk li qatel lil Ċesri u timxi biex toqtlu, iżda huwa jipprotesta u jgħid li huwa poeta. Imma l-ġemgħa demm riedet u kkundannatu għall-versi ħżiena tiegħu. Il-kultura tar-riżenji hija biss paraventu sabiex joħroġ id-demm ta’ l-areni. Min isegwi l-verità bil-kalma u r-raġuni ma jwassalx lilu nnifsu biex jagħmel ħsara lill-proxxmu. Il-verità fiha valur fiha nnifisha u hija indispensabbli għad-demokrazija moderna u Ewropea. Ħadd ma għandu jċedi għal dan u jaqa’ fin-nassa li jista’ jaħrab minnha għax jaħseb li bil-ħsara tista’ twettaq il-ġid. Ma nemminx f’din il-politika u ħsara lil ħaddieħor ma rridx nagħmel, anke jekk għal uħud dan jista’ jfisser, żbaljatament, dgħjufija. Anzi dik hija l-irġulija: li toqgħod lura u torbot lilek innifsek mas-sewwa. 7.Nagħlaq bi ħsieb wieħed: ma rridx inkun xagħra f’ġisem dik il-persuna li tattakka inġustament bl-użu tal-gidba lil ħaddieħor fil-mument meta, kif jiġri fil-ħajja, issib ruħha wiċċ’imb wiċċ waħedha magħha. Il-verità fiha valur. U kif! |
Intervista
|
|