Emmanuel Micallef | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Hemm bosta raġunijiet għalfejn ħafna nies jitbiegħdu mill-partiti politiċi. Fl-istess nifs allaħares ma jkunx ħemm min jersaq viċin tal-partiti għax wara kollox il-partiti għandhom funzjoni importanti ħafna x’jaqdu fis-soċjetà u fit-tħaddim iktar wiesa’ tas-sistema demokratika.
Mhijiex l-eżistenza tal-partit bħala organizzazzjoni li tbiegħed lin-nies; lanqas hija l-ideoloġija, jekk għadha teżisti, li tharrex lin-nies. Iżda hija t-tħaddim jew it-twettieq tal-politika tal-partiti li jagħmluha diffiċli biex wieħed jersaq viċin tagħhom.
Sfortunatament, is-sistema tagħna rrendiet il-partiti politiċi ewlenin f’allat żgħar fejn effettivament il-partit innifsu jiġi qabel l-interessi taċ-ċittadin anke jekk dan jissieħeb fil-partit u jkun meqjus bħala partitarju akkanit. Kienu l-istess partiti li ħolqu l-kultura ta’ “aħna u huma”, partiġġjaniżmu sfrenat u polarizazzjoni li taqta’ b’sikkina fost il-poplu. Kienu l-istess partiti ewlenin li matul iż-żmien raw kif għamlu biex iħaddnu politika ta’ dominanza b’togħma ta’ arroganza fejn irnexxielhom joħolqu sistema li ma tippermettix li jkun hemm żblokk f’sitwazzjonijiet delikati u li ma tagħtix lok li ideat differenti jidħlu fl-imħuħ taċ-ċittadini.
Fil-każ tagħna kulma jiġri fil-qasam politiku huwa jew ġenna inkella infern. Ma jeżistix purgatorju. Għalkemm irnexxielna noħolqu l-limbu għal kulmin ma jħossux komdu li jkun naħa jew oħra. Għal għajn il-partiti dawk li sabu ruħhom f’dan il-limbu huma l-emarġinati politikament; qishom l-immigranti irregolari fiċ-ċentru ta’ detenzjoni.
Is-sens paternalistiku li jwassal għan-nepotiżmu u l-klijenteliżmu għadu jsawwar l-intern tal-partiti u l-fenomenu ta’ pjaċiri għadu jiżboq il-ħsieb li l-politiku wara kollox għandu jiddefendi d-drittijiet.
Sa ċertu punt id-dritt tal-vot huwa l-ikbar għadu tal-partiti. L-interess tal-partit huwa l-vot innifsu u mhux min jeżerċita d-dritt li juża l-istess vot. L-ebda partit politiku ma jara skop fih innifsu jekk ma jirnexxilux jirbaħ elezzjoni.
Meta jirbaħ elezzjoni l-partit jitlef mid-dinamiżmu tiegħu u jibqa’ jeżisti fid-dell ta’ Gvern magħmul minn nies ta’ l-istess partit. Minħabba f’hekk l-ideja ta’ alternanza governattiva mhijiex imsejsa fuq il-ħtieġa u s-sostenn reali tat-tħaddim tad-demokrażija imma saret qisha kwistjoni ta’ rutina f’ċiklu bbażata fuq arranġament miftiehem taħt sistema duopoli bejn il-partiti nfushom.
Għalkemm wieħed irid japprezza l-kontribut li taw il-politiċi b’mod speċjali l-mexxejja tal-partiti biex irnexxielhom irażżnu l-fanatiżmu u l-vjolenza psikoloġika u fiżika tal-politika u b’hekk id-dibattitu politiku infatam mit-trażżin tad-dritt tal-libertà ta’ l-espressjoni u twemmin, u nħeles mix-xkiel tal-biża’ u l-omertà instigati minn partiġġjaniżmu sfrenat. B’danakollu ma jfissirx li lħaqna l-milja ta’ kif issir il-politika f’pajjiż li verament jemmen fid-demokrazija u fil-promozzjoni ta’ nazzjon ċivilizzat. Għad jonqosna biex inħaddnu politika ta’ tolleranza ġenwina lejn l-opinjoni ta’ ħaddieħor. Għad irridu nitgħallmu kif il-partiti jkunu aktar aċċessibli fis-sens li l-kobor tagħhom ma jitkejjilx fuq l-appoġġ tal-merħla ddominata min-nagħaġ ta’ Bendu.
Imma l-kobor tal-partit ikun mitqies fuq kemm jirnexxielu jwessa’ l-appoġġ fil-ħsieb u fil-viżjoni tiegħu. Għad irridu nitgħallmu ninnamraw sew mat-trasparenza u l-kontabbiltà li jwasslu għar-responsabbiltà politika.
Il-partit m’għandux ikun il-paraventu għall-injoranza politika. Qisu kulma jgħid u jagħmel il-partit huwa domma u kulħadd irid ibaxxi rasu u jinkina kif jitfaċċa lill-mexxej. Iż-żewġ partiti l-kbar se jkunu qed jgħammru f’dar tal-ħġieġ. Anke jekk il-ħġieġ ikun imtappan jew mgħotti minn barra f’folja ta’ mirja għandu jfakkar lil dawk ta’ ġewwa li m’għandhom l-ebda privileġġi fuq dawk ta’ barra. Ta’ barra jagħmlu lill-partit. X’aktarx li ta’ ġewwa jużawh!
Il-partit m’għandu qatt jintuża bħala mekkaniżmu sofistikat ta’ manipulazzjoni fuq l-imħuħ biex jinkiseb il-poter. Il-kilba għall-poter fiha nnifisha hija muftieħ biex tiftaħ il-bieb tal-poter assolut li jista’ jwassal għad-dittatorjat – il-qerda tad-demokrazija. Il-partit irid iħabbrek biex ikun kapaċi jerfa’ r-responsabiltajiet u juża l-awtorità f’sens ta’ servizz għall-oħrajn. Il-mixja politika mhix rikba fuq dahar ħaddieħor imma hija attività li tibni ġebla fuq ġebla, pass wara pass ’il quddiem lejn il-maturità politika.
F’dal-kuntest wieħed jifhem għalfejn il-partiti politiċi ż-żgħar bħal donnhom ma jistgħux joħorġu minn qoxrithom. Mhux għax mhumiex kbar fil-ħeġġa tagħhom biex ibiddlu u jwaqqfu l-kurrent li ħakimna u aljenana matul iż-żmien. Mhux għax m’għandhomx appoġġ minn ċittadini li huma interessati fil-politika iżda li jistkerrħu l-libsa tagħha. Iżda l-vuċi ta’ dawn l-partiti hija maħnuqa. Huma rappreżentanza tal-ilħna siekta li jeżistu fis-soċjetà tagħna u li ma jistgħux jinstemgħu mhux għax mhemmx widnejn miftuħin iżda għax huma kkundannati għal limbu politiku. Jekk ma għamlu xejn, u jekk jibqgħu ma jagħmlu xejn fil-kuntest tas-sistema politika preżenti, żgur li għamlu ħafna meta bdew il-mixja lejn it-tisfija ta’ l-inganni partiġġjani. Anke jekk il-linja tagħhom ma tappellax għall-massa ma jfissirx li posthom huwa ma l-emarġinati tas-soċjetà.
Il-partiti l-kbar jinħtieġ li jkomplu jissaffew. Il-partiti ż-żgħar iridu jibqgħu għaddejjin anke jekk mill-mogħdijiet fil-periferiji ta’ l-irħula u l-ibliet. Sadattant il-poplu qed ikompli jitgħallem li hemm mod ieħor kif issir il-politika … ’l bogħod mill-allat tal-privileġġi tal-partiti! |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|