Ittri | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Minn Joe Micallef,
G’Mangia
Wara l-aħbar traġika dwar l-isplużjoni fil-kamra tan-nar taż-Żurrieq u l-oħra ta’ Ħal-Lija nixtieq ġenwinament nappella għal riflessjoni bis-serjetà.
Ma nistgħux nibqgħu sejrin hekk qisu ma ġara xejn, nibku għal ftit u kollox jiġi għan-normal. Xi ħaġa trid issir bis-serjetà ħalli dan il-pajjiż ma jibqax jitlef aktar ħajjiet b’kapriċċ.
Nifhem il-passjoni ta’ dawk il-persuni dilettanti tan-nar u ta’ dawk li jaħdmu n-nar, u l-imħabba li għandhom għall-festa. Madankollu dawn għandhom jifhmu wkoll li apparti qed ipoġġu ħajjithom fil-periklu għandhom familja wkoll x’jieħdu ħsieb.
Ma nistax nara familji, tfal u qraba jgħaddu minn dulur u kalvarju tul ħajjithom kollha. Delizzji ta’ periklu, bħal dak tan-nar, huma forma ta’ kapriċċ u sa ċertu punt huma wkoll delizzji egoistiċi.
Il-festi xorta jistgħu jsiru mingħajr il-logħob perikoluż tan-nar. Hemm mod ieħor kif wieħed jista’ jieħu gost bil-festa u jagħti qima lill-patrun jew patruna tal-belt jew raħal.
Il-Kumitati għandhom l-akbar responsabbiltà u għandhom jifhmu bis-serjetà li għandha tinqata’ l-pika żejda u esaġerata bejn każin u ieħor, bejn raħal u ieħor.
Il-Kurja għandha tappella bis-serjetà lill-kappillani u lill-kumitati tal-festa biex jieħdu passi drastiċi u jwaqqfu l-ġbir ta’ flus għan-nar. Dawn kollha flus maħruqa. Ikun aħjar li b’dawn il-flus issir manutenzjoni lill-knisja u l-istatwi tagħha ħalli jkompli t-tisbieħ ta’ l-istess knisja. Jista’ jkunu megħjuna wkoll dawk il-parruċċani fil-bżonn.
Donnu l-poplu rabba qoxra u dara jisma’ li splodiet kamra tan-nar. Nitnikktu għal ftit ġranet u l-ħajja tkompli. Kemm se ndunu naraw xeni ta’ qsim il-qalb, biki, dulur u nisimgħu appelli?
Inutli noqogħdu nagħmlu eloġji sbieħ waqt il-quddiesa ‘presente cadavre’, ta’ ma nafx kemm-il persuna kienet tħobb il-festa, il-patrun jew patruna, il-familja, eċċ.
Inulti ngħidu li se nieħdu l-prekawzjonijiet għax il-periklu hemm jibqa’. Jekk ser nibqgħu sejrin b’din l-attitudni allura nibqgħu nitilfu aktar ħajjiet.
Il-Kumitati għandhom ikunu l-ewwel nies li jħeġġu lill-ammiraturi u lill-ħaddiema tan-nar japprezzaw il-ħajja b’mod sħiħ u li għandhom familja x’jgħożżu.
Naqbel ma’ l-Arċipriet taż-Żurrieq meta waqt l-omelija appella lill-Kumitati biex jieħdu passi drastiċi fejn jidħol in-nar. Min irid jifhem ħa jifhem. Il-festa xorta tista’ tkun sabiħa mingħajr nar jekk nagħtuha bixra aktar reliġjuża.
Ejja napprezzaw il-ħajja u nneħħu l-għamad ta’ passjoni minn fuq għajnejna. F’ġieh Alla taħdmux aktar nar, apprezaw il-ħajja tagħkom u tal-għeżież tagħhom. |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|