MediaToday

Intervista| 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Il-‘ktieb’ l-aħmar ta’ Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja

Jekk tinzerta miexi fit-triq u tara lil eks deputat Laburista Reno Calleja stendut fil-karozza m’għandekx tinħasad. Il-probabbiltà hi li jkun ħa nagħsa ta’ xi 10 minuti fil-karozza. Normalment tkun din l-10 minuti li tagħtih dik l-enerġija meħtieġa biex ikompli għaddej sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu.
“Bilkemm norqod bil-lejl. Imdorri. Jien ġej minn familja tar-raba’ u konna nqumu kmieni. Jien norqodlok 10 minuti fil-karozza jkun fejn ikun u nħossni tajjeb. Mhux l-ewwel darba li nies ħabbtuli mal-bieba tal-karozza. Inkun rieqed fil-fond u jaħsbu li ġrali xi ħaġa,” jgħidli bid-daħka Reno.
Ftit qabel martu ikkorraborat dan il-fatt.
“Dak ma jorqodx bil-lejl.”
Tgħidli li ta’ sikwit x’ħin mal-lejl tistenbaħ tara d-dawl mixgħul u tilmaħ lil Reno jinnaviga fl-uffiċċju tiegħu: jew fuq il-kompjuter jew jaqra xi ktieb.
L-intervista ma’ Reno Calleja nagħmluha d-dar u trid jew ma tridx għajnejk jistrieħu fuq dettal partikolari. Waħda mill-kmamar għandha laqam.
“Din hi ċ-China Room,” jispjega Reno b’ton kważi jirrifletti ċerta kburija.
Fin-nofs tal-kamra tispikka tvalja sabiħa miċ-Ċina mistrieħa fuq mejda mdaqqsa. Ħafna mill-oġġetti f’din il-kamra tal-pranzu għandhom rabta ma’ dan il-pajjiż inkluż dawk f’waħda mill-vetrini li hemm f’ġenb minnhom.
Għal ħafna Reno Calleja hu dik il-persuna b’minjiera ta’ informazzjoni u rabta diretta maċ-Ċina. Hu l-President Onorarju tal-Għaqda ta’ Ħbiberija bejn Malta u ċ-Ċina. L-aktar ġrajja li jibqa’ jgħożż hi dik meta fl-1978 bħala membru Parlamentari Laburista ngħata l-inkarigu mill-Prim Ministru Dom Mintoff biex meta jkun iċ-Ċina jagħti l-midalja ta’ Ġieħ ir-Repubblika lill-armla ta’ Xu Hwej Xung, ħaddiem Ċiniż li miet waqt xogħol li kien qed jagħmel it-Tarzna.
“Is-sena li għaddiet f’waħda mill-mawriet fiċ-Ċina erġajt sibt lill-familja u tgħidx kemm ferħu bija. Sibt li l-armla mietet, iżda uliedha għamluli festa kbira. Għandu neputija, it-tifla tat-tifla, li laħqet inġiniera f’gieħ nannuha għax dejjem hekk kien jgħidlu lil ibnu, li jekk ikollu tifel jew tifla jixtieq li jilħqu inġiniera. Il-mejjet jinsab midfun fiċ-ċimeterju ta’ l-Addolorata. Kull sena nżur qabru.”
Reno Calleja jaf ħafna miċ-Ċina fuq ponot subajgh u għandu firxa ta’ kuntatti.
“Mort iċ-Ċina 37 darba. Hemm jien ikkunsidrat bħala ħabib ta’ ġewwa. Ħafna kumpaniji Maltin jużawni bħala konsulent tagħhom għal dan il-pajjiż. F’dawn l-aħħar tmien snin tlajt ma’ numru ta’ negozjanti Maltin uħud minnhom fost l-aktar magħrufa fil-pajjiż,” jelabora r-raġel.
“Dawn ħarġu ta’ nies għax għandi kuntatti siewja u kbar kemm fil-Gvern Ċiniż kif ukoll fis-settur privat. Ma naħsibx li dawn in-negozjanti Maltin u barranin huma mġienen jew jitolbu l-għajnuna tiegħi għax għandi għajnejja ċelesti jew bin-nemex.”
Meta nistaqsieh jekk il-Gvern jew l-Oppożizzjoni qattx użawhx bħala konsulent jew għall-pariri fuq dan il-pajjiż inħoss minn fommu ċertu diżappunt.
“Le. Le, qatt. Darba għamilt rapport b’xejn lill-MTA. Ili mmur iċ-Ċina mill-1978. Jien lest li dak li naf fuq iċ-Ċina ngħaddieh kemm lill-Gvern kif ukoll lill-Oppozizzjoni jekk iħossu li nista’ ngħin lil Malta fiċ-Ċina. Meta mmur hemm ma niqafx minuta nagħmel ġid lil Malta. Għax jien l-ewwel u qabel kollox Malti u nħobb lil pajjiżi. Jekk il-Gvern u l-Oppozizzjoni jħossu l-istess jien hawn qiegħed,” jargumenta Calleja.
Min hu mill-inħawi taż-Żurrieq sema’ l-qasba ċċaqċaq dwar Reno Calleja u jekk dan hux ħiereġ għall-elezzjoni. Għal din il-mistoqsija jgħid li għadu mhux deċiż imma jagħti l-impressjoni li aktar ħiereġ milli le.
“Jekk jiena nħoss li nista’ ngħin lill-Partit noħroġ għall-elezzjoni.
“Fl-aħħar elezzjoni ddeċidejt li noħroġ ġimagħtejn biss qabel għax ħassejt li l-fatt li kont se nkun fuq il-lista seta’ jixpruna ċerti nies biex jivvutaw għall-Partit,” jgħid Reno Calleja.
F’ħin minnhom insibha diffiċli nniżżel tweġiba milli tagħni li “jekk noħroġ mhux biex nitla’ imma biex ngħin biss lill-MLP.” Minn wiċċi jinduna li t-tweġiba ma daqqitlix u jinsisti li dik hi l-verità.
Nistaqsieh kemm iħossu komdu jisma’ kummenti li l-Kabinett Nazzjonalista hu anzjan meta mbagħad nies bħalu jerġgħu joħorġu għall-elezzjoni.
“Tajba u intelliġenti din il-mistoqsija,” jieqaf jaħseb għal ftit sekondi u jkompli.
“Kull partit nemmen li jrid iżewweġ l-enerġija żgħażugħa u pożittiva ma’ l-esperjenza tal-veterani. Kif għamel Blair wara kollox.”
Fuq politika lokali l-eks Deputat Laburista juża kliem iebes.
“F’dan il-pajjiż għandna ħafna politiċi għanbaqar li la jafu l-istorja u lanqas għandhom għarfien u idea dwar ekonomija,” ifaqqa’ Reno.
Imbagħad iżid duwa oħra.
“Idejquni ħafna l-politiċi parrokkjali,” jinsisti Calleja.
Nitolbu jagħtini ismijiet u wara żewġ tingiżiet joħroġ isem.
“Skandalizzajt ruħi li d-Deputat Nazzjonalista Jeffrey Pullicino Orlando tela’ fuq l-artal biex jilħaq l-iskopijiet politiċi tiegħu. Issa jien lil Jeffrey għandi rispett kbir lejh. Imma din inaċċettabbli,” jargumenta Reno.
U x’jaħseb mill-mexxej Laburista Alfred Sant, l-aktar meta bħala eks deputat ħadem taħt il-mexxejja kollha ta’ qablu. F’liema pożizzjoni jikklassifika lil Alfred Sant?
“Alfred Sant hu bniedem ta’ integrità u onestà kbira. Dan jagħti vantaġġ lil Alfred Sant l-aktar bħalissa li Malta mdella mill-ispettru tal-korruzzjoni. Malta għandha bżonn lil Alfred Sant, għax la hu bniedem imċappas u lanqas se jkun imċappas,” jirrispondi r-raġel.
“Alfred Sant hu bniedem li ma jagħmilx għall-flus. Ma tixtrieh b’xejn għax jobgħod il-korruzzjoni. Imma hu sinċier iżżejjed għall-politika,” ikompli Reno Calleja.
Nistaqsieh jekk din hix dgħufija fil-mexxej Laburista.
“Le. Mhix. Dik hi l-cliché falza li ippruvaw imexxu dwaru,” iwieġeb fil-pront.
Dwar f’liema post jikklassifika Sant meta mqabbel mal-mexxejja Laburisti ta’ qablu, Reno Calleja jgħid li Sant “ma jiffittjax ma’ l-era ta’ Mintoff. Dak iż-żmien kien meħtieġ li mexxej ikun dinamiku.”
Ikompli jelabora: “Alfred hu l-bniedem adattat għaż-żmien ta’ llum. Il-politika Maltija għandha xenarju differenti. Alfred Sant jimpressjonak f’dibattitu fil-Parlament jew fuq it-televizjoni imma mhux a crowd talker.”
Reno Calleja jistqarr li jippreferi s-sitwazzjoni preżenti.
“Nippreferi tmexxija kollettiva fejn għandek mexxej u deputati mexxejja tajbin ħafna madwaru. Fiċ-ċirkustanzi ta’ llum hekk hemm bżonn.”
Nerġa’ lura għall-argument taċ-Ċina u nistaqsieh jekk Malta hix preparata biex minn Marzu tħaddem is-sistema tax-Schengen.
“Malta mhix armata u attrezzata għal meta jidħol fis-seħħ il-ftehim tax-Schengen biex tilqa’ l-influss ta’ turisti Ċiniżi. F’pajjiżna għandna biss gwida waħda Ċiniża. Ili snin inħambaq fuq infrastruttura aktar b’saħħitha fosthom ristoranti Ċiniżi klassifikati,” jinsisti.
Jispjega li t-turist sinjur Ċiniż ikun irid kamra għalih waħdu f’ristorant. Malta m’għandniex dawn it-tip ta’ ristoranti.
“Int kif taħseb li nistgħu nattiraw dak li qed jattira lejh is-suq Franċiż? F’Pariġi hemm triq sħiħa b’dawn it-tip ta’ ħwienet,” jagħti eżempju Reno.
Imbagħad l-argument idur fuq il-kwistjoni ta’ l-iskandlu tal-ħruġ tal-visas lil Ċiniżi.
“Din kienet daqqa ta’ ħarta kbira. Malta għadha ma fiqitx minnha. Din għamlet ħafna ħsara lil pajjiżna. Apparti minn hekk nemmen li s-suq għadna ma sfrundajniehx. Wasal iż-żmien li l-Gvern Malti, bħal pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, jagħti permess ta’ sena xogħol lil studenti Ċiniżi,” ikompli Calleja.
Inħoss li tul l-intervista kollha Reno jitkellem b’ċerta passjoni meta jsemmi liċ-Ċiniżi.
Imma x’jikkummenta dwar il-ksur tad-drittijiet umani f’dan il-pajjiż imbiegħed?
“Il-kredenzjali tiegħi huma demokratiċi, Naħseb li ħadd ma għandu dubju. Jien nemmen f’sistema pluralistika u demokratika bħal tagħna. Iżda dan ma jfissirx li jien jew xi ħadd mill-Punent għandna dritt nimponu din is-sistema fuq pajjiżi oħra bħaċ-Ċina.
“Imma ninnota li ċ-Ċina tant għandha għatx biex tiżviluppa li għandha sistema kapitalista fil-kummerċ. Din ma fiha xejn ħażin jekk tiżżewweġ mal-ġustizzja socjali. Imma wisq nibża’ li qed jinsewha u din tbeżżagħni għax hi ż-żerriegħa ta’ diżgwid soċjali,” jikkonkludi.
Lejn l-aħħar ta’ l-intervista nistaqsieh x’idejqu.
Isemmi li l-aktar ħaġa li tweġġa’ lil-Laburisti antiki hi li għad hemm nies tal-familja, nies sewwa midfuna fil-miżbla, art li mhix konsagrata.
“L-uniku dnub tagħhom dawn hu li kienu jemmnu fit-twemmin Laburista. Ġuzè Ellul Mercer kien qaddis jimxi fl-art, iżda hemm difnuh. Is-Surgent Falzon miet fi kraxx tal-ajruplan. Mhux talli niesu bkew għax tilfuh f’diżgrazzja iżda l-Knisja tant kienet insensittiva li komplew sammru lill-familja tiegħu billi difnuh fil-Miżbla.”
Għall-ewwel darba ninnota Reno Calleja mbaqbaq. Jgħolli jdejh ’il fuq u f’id waħda jgħaqqad il-ponn.
“Jien kont nistenna li fl-ewwel sena ta’ l-Arċiveskovat tiegħu l-Arċisqof il-ġdid kellu jiddikjara li dawn in-nies li huma midfuna fil-Miżbla jinqalgħu minn hemm u jindifnu f’art imbierka u konsagrata mill-Knisja.
“Il-Knisja f’Malta diġà għamlet ħafna meta talbet skuża għal dak li għamlet lil-Laburisti fis-Sittinijiet iżda din tal-Miżbla baqgħet ġerħa li għandha tiġi mdewwija.”

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075