Il Punt | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58
Nhar il-Ħamis li ġej 27 Kap ta’ Stati Ewropej mistennija jkunu Lisbona fil-Portugall, flimkien mal-Ministri ta’ l-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżhom biex jiffirmaw it-Trattat ta’ Riforma ta’ l-Unjoni Ewropea. Bażikament sejrin jgħaddu mit-tieqa l-Kostituzzjoni għall-Ewropa maħruga fl-2005 li ma kinetx għaddiet minħabba ir-referenda li saru ġewwa Franza u l-Olanda li vvutaw kontrieha.
Dan il-proċess, li jikkonferma t-trattat, qed jitħalla għad-dell, biex ikun żgurat li dan jgħaddi mingħajr ir-riflessjonijiet tas-soċjetà ċivili tas-27 pajjiż. Għalhekk aħna ta’ Żminijietna Żgħażagħ tax-Xellug (ŻŻX) irridu li jsir referendum dwar dan it-trattat, sabiex ikun hemm il-proċess fejn l-ilħna politiċi fil-pajjiż ikunu jistgħu juru l-approvazzjoni jew id-dizapprovazzjoni tagħhom għal dan it-trattat. Ikun hemm proċess li jagħti indikazzjoni ċara lin-nies, din l-Ewropa ’l fejn beħsiebha timxi. Imbagħad minn hemm immorru għall-għazla jekk irridux nimxu lil hemm jew le.
L-Unjoni Ewropea, diversi Gvernijiet fi ħdanha u anke partiti politiċi madwar l-Ewropa, qiegħdin jagħmlu minn kollox biex jibqa’ ma jkunx hawn dibattitu ta’ importanza kbira fuq dan it-trattat. Il-klassi politika Maltija, preżentament ikkonċentrata fuq il-ġirja għall-kisba tal-voti, ma tagħmlilhomx għajb lil dawn ta’ l-aħħar.
Il-Gvern Malti wera sodisfazzjon li dan it-trattat se jkun jinkorpora ż-żieda ta’ siġġu fil-Parlament Ewropew, u qisu li kulma kien jgħodd għalih huwa l-kisba ta’ dan is-siġġu. Dan it-trattat huwa misjub fis-sit elettrokinu ta’ l-UE, bħala dokument ta’ 287 pagna. M’hemm ebda dokument li jissimplifika dan id-dokument għal wieħed komprensiv u li jieħu ħafna anqas ħin biex tagħtih titwila. Forsi dan isir biex il-ħaddiem li jaħdimlek tmien sigħat, jew fuqhom, ta’ kuljum għax-xogħol żgur ma jkollux ċans jaqra x’qiegħed u x’se jsir minn din l-Ewropa li tagħha jifforma parti.
Jekk tħobbu l-paraguni nista’ ngħidilkom li l-Gvern Bolivarjan tal-Venezwela huwa ħafna aktar avvanzat fil-mod kif jinforma ċ-ċittadini tiegħu, għaliex fuq is-sit tiegħu poġġa spjega tassew sempliċi tal-ħafna riformi li kien beħsiebu jagħmel fil-kostituzzjoni tal-Venezwela. Ħalliha li sfortunatament, bit-telfa marġinali li sofra fir-referendum, spiċċa biex ma setax iwettaqhom.
Dawk li erba’ snin ilu tant tawha importanza lit-tema tad-dħul ta’ l-Unjoni Ewropea f’Malta, b’għaqdiet favur jew kontra s-sħubija, xoljew l-għaqdiet tagħhom u m’għadx għandhom dak il-furur jispjegawlna kemm l-Unjoni Ewropea hija tassew viċin jew bogħod min-nies.
F’dan il-każ kien imisshom xprunaw liż-żewġ partiti fil-Parlament biex jinfetaħ proċess ta’ diskussjoni mas-soċjetà ċivili. Imma dan mhux qed isir għax f’erba’ snin digà birdet dik l-enerġija kollha dwar Ewropa li jkollha Brussell wara l-bieb tal-Belt Valletta.
L-għaqda tagħna, ŻŻX, ingħaqdet fil-kampanja mwaqqfa mid-‘Democracy International’, sabiex isir referendum fil-pajjizi kollha Ewropej, għar-raguni li rridu naraw li l-proċess demokratiku li jixraqlu trattat bħal dan ikun rispettat. Ma jistax ikun ikollok trattat ta’ din ix-xorta li fih jinkorpora l-aspetti kollha tat-tmexxija ta’ l-Unjoni Ewropea, l-ogħla liġi ta’ istituzzjoni politika bħal din, mgħoddi mingħajr ma n-nies ikunu taw is-sehem dirett tagħhom fid-deċiżjoni. Id-demokrazija teżiġi ħafna aktar minn hekk. Teżiġi aktar parteċipazzjoni biex l-Ewropa jkollha ċittadini li jiddeċiedu għal dak li jolqot lilhom innifishom direttament.
Rigward it-trattat innifsu dan se jkun qed jistituzzjonalizza l-idea neo-liberali li għandu jkollna swieq kompletament miftuħa, bil-kunċett ta’ kompetizzjoni jitkompla jingħata aktar importanza minn dak tal-kooperazzjoni u t-tneħħija sħiħa tar-restrizzjonijiet fuq kummerċ internazzjonali u nvestiment minn barra l-UE.
Dan it-trattat ikun qed jagħti lill-Kummisjoni Ewropea l-qawwa li twitti t-triq sabiex ikunu privatizzati s-servizzi pubbliċi.
It-trattat se jagħti lok għal Ewropa aktar militarizzata. Dawn huma biss ftit ħwawar mill-ingredjenti kollha li fih dan it-trattat. Min ma jaqbilx ma’ l-inklużjoni ta’ affarijiet bħal dawn m’għandu l-ebda mod kif jgħaddi d-diżapprovazzjoni tiegħu għal dan kollu. Li kieku tawna ċ-ċans li nagħżlu f’referendum konna nħossuna li qed ningħataw kas..
Dan it-trattat jixraqlu jkun mgħoddi b’mod demokratiku jekk il-politiċi Ewropej jixtiquna ngħodduh bħala wieħed politikament leġittimu.
Christopher Cutajar
Segretarju Internazzjonali
Żminijietna - Żgħazagħ
tax-Xellug |
|
Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja
Editorijal
Il Punt
Christopher Cutajar
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|