MediaToday

Editorjal | 09 ta’ Diċembru 2007 Nr 58

Ippubblikaw l-ismijiet

Bejn nhar il-Ħamis li ġej u s-Sibt iż-żewġ partiti ewlenin se jkunu qed jagħmlu l-maratoni tradizzjonali ta’ ġbir ta’ fondi permezz ta’ xandiriet minn fuq l-istazzjonijiet rispettivi tagħhom.
Se jiġbru l-eluf tal-liri. Il-Partit Laburista qed jgħid li se jonfoq il-flus fil-kampanja elettorali filwaqt li l-Partit Nazzjonalista qed jgħid li se jonfoqhom fil-bini tal-kwartieri l-ġdid.
Lil hinn mill-argument tas-soltu jekk il-partiti jagħmlux sew li jiġbru l-flus fiż-żminijiet tal-festa meta numru ta’ għaqdiet filantropiċi jkunu qed jorganizzaw il-ġbir tagħhom, nerġgħu nqajmu l-argument dwar il-finanzjament tal-partiti.
Għal darb’oħra nappellaw liż-żewġ partiti biex fin-nuqqas ta’ liġi li tirregola dan il-qasam jagħtu sinjal ċar ta’ l-impenn tagħhom biex ikunu trasparenti f’ħidmiethom.
L-inqas li jistgħu jagħmlu hu li wara l-ġabriet jippubblikaw lista tad-donazzjonijiet kollha li jkunu rċevew u l-ismijiet ta’ min għamilhom. Peress li min se jagħmel id-donazzjonijiet ma jafx x’kejl se jużaw il-partiti, tista’ tittieħed id-deċiżjoni biex donazzjonijiet ta’ ’l fuq minn Lm1,000 biss ikunu pubbliċi.
Fl-aħħar mill-aħħar huma biss donazzjonijiet ta’ ċerta valur li jistgħu jintużaw biex jinfluwenzaw l-operat u l-aġir tal-partiti u mhux xi Lm5 li tkun ġiet mingħand xi ħadd li ġenwinament jemmen fil-partit.
Ovvjament din ma tkunx is-sitwazzjoni ideali imma b’ġest bħal dan il-partiti jkunu qed juru li għandhom ir-rieda politika biex idaħħlu liġi li tirregola l-finanzjament b’mod trasparenti u serju.
Nibqgħu ma nifhmux kif iż-żewġ partiti ewlenin jippriedkaw dwar il-ħtieġa tat-trasparenza u l-kontabbiltà fil-ħajja pubblika mbagħad fl-affarijiet interni tagħhom huma kollox għajr trasparenti.
Liġi li tirregola l-finanzjament trid tpoġġi obbligu fuq il-partiti biex jagħmlu pubbliċi l-ismijiet ta’ min ikun tahom donazzjoni ta’ ċerta valur. Trid tistabbilixxi l-limitu legali ta’ kemm persuna tista’ tagħti donazzjoni. Trid tidħol fil-mertu ta’ donazzjonijiet li ma jkunux f’forma ta’ flus imma fil-forma ta’ xi għotja ta’ servizz jew materjal b’xejn.
Trid ukoll tagħmel distinzjoni bejn l-operat kummerċjali tal-partit u l-ħidma politika.
Dawn huma affarijiet li diġà kienu diskussi fl-1995 fil-Kummissjoni Galdes. M’hemmx ħtieġa li nerġgħu nivvintaw ir-rota. Il-konklużjonijiet ta’ dik il-Kummissjoni jistgħu jservu ta’ bażi soda għal ftehim b’xi tibdil żgħir ’l hemm jew ’l hawn.
Nibqgħu nistennew, naraw u nistaqsu għax hekk fid-dmir nagħmlu. In-nies għandha dritt tkun taf min jista’ jkun qed jiġbed l-ispag politiku f’dan il-pajjiż. Jekk il-partiti m’għandhom xejn x’jaħbu allura m’għandhomx għalfejn ikollhom problema biex ikunu trasparenti.

Qorti bla tfal
L-istorja li tidher f’paġna 5 hi riflessjoni ta’ kemm f’dan il-pajjiż għad fadlilna x’naqdfu biex niżguraw li l-postijiet tax-xogħol tagħna u postijiet oħra pubbliċi jkunu aċċessibbli għal persuni bit-tfal, speċjalment in-nisa.
L-ugwaljanza fuq il-karta teżisti iżda fil-prattika għad għandna problemi burokratiċi u kulturali. Biex in-nisa jkunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet pubbliċi tagħhom b’mod sħiħ, inkluż il-ħidma produttiva barra d-dar, jeħtieġ li t-trobbija tat-tfal ma tibqax titqies problema li xxekkel l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u intelletwali tal-mara.
Minkejja l-ħafna diskors dwar politika li tivvantaġġa lill-familja għad għandna sitwazzjonijiet li huma ta’ għajb.
Dan il-pajjiż irid jaġġorna ruħu mar-realtajiet li qed jiżviluppaw. Illum ħafna iktar tfal għandhom il-ġenituri jaħdmu barra d-dar u għalhekk kull miżura li tgħin biex din ir-realtà ma toħloqx stress bla bżonn ma tkunx qed tgħin biss lill-ġenituri imma wkoll lit-tfal infushom.

Intervista
Il-‘ktieb' l-aħmar ta' Reno

Julia Farrugia tintervista lil Reno Calleja


Editorijal

Ippubblikaw l-ismijiet


Il Punt
Il-ħiega ta' referendum
Christopher Cutajar

TONI u PEPPI
Alfred Sant, Xarabank u d-diskussjoni politika


Emmanuel Micallef
L-allat tal-privileġġi!!


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-valur tal-verità



X'kien Jgħid
Ftit ħafna, tard wisq?



Wenzu Mintoff

Palk politiku


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075