X'kien jgħid? 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Ma nafx x’fettlilhom isemmu pont għalija. U pont imxaqqaq biex tkompli tgħaxxaqha.
Għomri u żmieni l-kontroversji jiġru warajja biex anki issa, tliet kwarti ta’ seklu wara l-eżilju, kelli nissemma fil-ġieħ u fil-batal minħabba dan il-qaħbeċ pont. Jista’ xi ħadd jispjegali għalfejn meta kienu jiltaqgħu taħt dan l-istess pont qishom żewġ namrati Żeppi l-Ħafi u Dwardu l-Prepożtu, kontu tirreferu għalih bħala l-pont ta’ San Ġiljan u issa li nqala’ dawn il-batti bekki u t-trikki trakki kollu fuq biċċa triq imdendla, twila 50 metru kollox, qed iċċapsu ismi ma’ dan il-pont midluk bix-xaħam ta’ l-ineffiċċenza, l-inkompetenza, jekk mhux ukoll b’affarijiet ferm iktar jintnu.
Minn qiegħ Lixandra qiegħed formalment niddifida lill-awtoritajiet inkompetenti ta’ Malta biex jieqfu immedjatament jużaw ismi fil-batal għax fin-nuqqas ta’ dan qed naħsibha serjament niftħilhomx kawża ta’ libell, hekk jew hekk bħalissa hi l-moda tagħhom. Hekk forsi jibda jkolli iktar pocket money x’nonfoq fuq il-lakumja u l-ħelwa tat-Tork.
Jekk jogħġobkom tibqgħux tassoċċjawni ma’ dawn il-vġejjel u bużullotti. Jekk xejn din il-froġa għandha tibqa’ tissemma’ għal min għaffiġha u għamilha. U hekk kif kien isir żmien ilu meta l-vapuri ta’ l-irmonk u l-padiljuni ta’ l-isport kienu jissemmew għall-ministri u għall-familjari tagħhom, bl-istess mod il-pont ta’ San Ġiljan għandu jissemma għal Santo Mugliett. Għax trid vera tkun ‘Santo’ b’dawk il-kuntratti ta’ mijiet ta’ eluf ta’ liri deħlin mill-uffiċċju u tieħu biss Lm4,000 fis-sena. Xi ħadd jista’ jispjegali kif qatt jista’ jkun aċċettabbli li jingħataw kuntratti lill-uffiċċju ta’ perit li jaħdem bl-istess ħaddiema, mill-istess bini, bl-istess faċilitajiet ta’ kumpanija li għandu sehem fiha l-ministru li hu politikament responsabbli għall-għoti ta’ l-imsemmija kuntratti.
Minn twila sa qasira agħmluli santissimu pjaċir, neħħuli ismi minn hemm u minflok semmuh Ponte Santo Mugliett. U jekk jerġgħu jieħdu l-elezzjoni ġenerali n-Nazzjonalisti, fittxu neħħuni mill-pjazza ta’ Kastilja, inkella libbsuni borża taż-żibel ġo rasi għax ma niflaħx nara Prim Ministru Nazzjonalista ieħor tiela’ t-taraġ ta’ Kastilja għal ħames snin oħra.
Issa daqshekk, iż-żejjed kollu żejjed. Ħalluni bi kwieti darba għal dejjem għax issa xbajt u ddejjaqt. Mhux se niskomodakom iktar u beħsiebni nieħu l-parir tan-nutar tas-saluti irjali Antonin Abela u nfittex nemigra, li ma kontx diġà eżiljat.
Illum kemmxejn aħjar minn ġimgħatejn ilu u s-Sibt li għadda tgħidx kif iddamdamt u ġġandart bin-nofs flixkun aniżetta li xrobt bis-saħħa ta’ Kevin Rudd, il-prim ministru Laburista ġdid ta’ l-Awstralja, li fil-veru sens tal-kelma kaxkar lil John Howard.
B’hekk is-Sur Gorg Bush tilef wieħed mill-ftit alleati li kien fadallu fix-xena internazzjonali. Waqa’ Aznar fi Spanja, Berlusconi fl-Italja, Blair fl-Ingilterra u issa Howard fl-Awstralja. Jien għadni ma nafx x’se jiġri sewwa sew minn Gonzi f’Malta jekk dan hux ukoll se jsib is-siegħa tiegħu. Li naf żgur li piccola Malta Fior del Mondo, gvern u oppożizzjoni minn l-aqwa jilagħqilhom il-warrani lill-Amerikani. Bil-barka ta’ kulħadd ingħataw sit enormi f’Ta’ Qali fejn se jibnu kwartieri mhux ambaxxata. Il-Gvern issa qed jikri għal Lm100,000 fis-sena bini fejn se jingħaddu l-voti minflok il-bini li twaqqa’ biex jagħmel wisa’ għall-ambaxxata.
Lanqas bomba tal-Ġermaniżi u s-sejbiet arkeoloġiċi li nstabu fis-sit f’Ta’ Qali ma waqqfu lir-rappreżentanti tas-Sur Bush f’Malta milli jkomplu għaddejjin minn fuqkom bir-romblu.
Fejn hu x-xogħol li kellu jibda ġej bil-gliegel għat-tarzna wara t-tour de force li kien għamel il-prepostu Dwardu bil-miġja tal-USS La Salle f’Malta? Dawn l-Amerikani tant huma basted magħkom il-Maltin li lanqas kellhom il-ħila jagħtukom trattat għall-ħelsien mit-taxxa doppja bħalma għandhom tista’ tgħid mal-pajjiżi l-oħrajn kollha ta’ l-Unjoni Ewropea. U inthom lekkakuli daqstant li tibqgħu tilaquhom avolja jittrattawkom ta’ żibel.
Iġri jasal Novembru ta’ sena oħra ħalli d-dinja tkun ħelset minn dan l-iskamplu ta’ Gorg Bush. Meta ma noħlomx b’xi Cucinotta jew b’Sabrina Ferilli, ġieli noħlom li xi darba l-Amerka jkollha lil Obama wara l-iskrivanija ta’ l-uffiċċju ovali tad-Dar il-Bajda.
Sadanittant ħa nara nieħux nagħsa biex inkompli noħlom.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|