Wenzu Mintoff| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Stickers daqshiex bi +9 kbira miktuba fuqhom li twaħħlu fuq ma nafx kemm-il arblu madwar Malta kollha kontra l-liġijiet tal-pajjiż. Statwetti żgħar tal-ġibs ta’ trabi li għadhom ma twildux, qishom bambini żgħar tax-xemgħa bħal dawk li kienu jqassmulna tal-Mużew wara l-lezzjoni tad-Duttrina.
Kampanja maħsuba biex iġġiblek qalbek ġulġliena u li tilgħab fuq it-tingiż tal-kuxjenza, li jekk ma tingħaqadx magħha se ssib lil min ipinġik ta’ Erodi l-qattiel ta’ l-Innoċenti. Kampanja li lagħbet ukoll fuq il-blackmail li sar fuq id-Deputati Parlamentari ta’ dan il-pajjiż li suppost f’kulma jgħidu u f’kulma jagħmlu għandhom il-libertà li jaġixxu mingħajr biża’ u bla favur.
Imma f’din il-kwistjoni d-Deputati tagħna kellhom isibu lil min irosshom mal-ħajt, li jew jagħmlu dak li riedhom hu nkella kien se jsensirhom ma’ Malta kollha li għandhom qalb xierfa u li ma tafx tħenn għat-tarbija fil-ġuf. Pressjoni li fil-fehma tiegħi kienet turi disprezz u li kienet tikser ir-regolamenti tal-Kamra għax tpoġġi pressjoni mhux xierqa fuq id-deputati dwar kif għandhom jivvutaw fil-Parlament.
Kampanja tat-twerwir li sabet ukoll fost l-awtoritajiet lil min ikebbisha u jonfħilha bil-Viċi Prim Ministru Tonio Borg irewwaħ fuq quddiemnett, fit-tqanżiħa mill-kbar biex dan kollu jipprova jieħu vantaġġ politiku, xejn iktar u xejn inqas. Għax fil-verità ma teżisti l-ebda theddida għat-tarbija fil-ġuf li tista’ tiġi megħluba jew missielta aħjar permezz ta’ emenda fil-Kostituzzjoni iktar milli diġà qed isir fil-mument.
Bl-emenda fil-Kostituzzjoni u mingħajrha kien hawn u se jibqa’ jkun hawn aborti klandestini f’Malta. Kien hawn u se jibqa’ jkun hawn tfajliet u nisa Maltin li jsiefru biex iwaqqfu t-tqala tagħhom barra mill-pajjiż. Hu fatt li f’pajjiżna ma teżisti l-ebda kontroversja bejn il-forzi politiċi dwar kif għandu jiġi trattat l-abort fil-liġi tagħna għax tista’ tgħid 99.9 fil-mija tal-Maltin jaqblu li l-abort għandu jibqa’ jiġi trattat bħala reat kriminali u allura għalfejn dan il-ħafna isteriżmu, twerwir żejjed u rikatti?
Hekk kif noqorbu iżjed viċin ta’ l-elezzjoni ma niħux qatgħa jekk ikun hemm xi ċuċ li jittanta jerġa’ jonfoħ fuq il-ġamar li tħalla jtektek biex din il-kwistjoni titqajjem meta kellha titqajjem, eżatt qabel ix-xoljiment tal-Parlament kif jidher li kien il-pjan mill-bidunett.
Theddid virtwali
Isteriżmu u agħa żejjed dwar theddid għall-ħajja li hu virtwali, li bl-emenda kostituzzjonali u mingħajrha fejn konna se nibqgħu. Imma ara fejn tista’ ssir xi ħaġa konkreta rigward it-theddid reali u mhux virtwali għad-dritt tal-ħajja f’Malta qed nibqgħu ċassi bħala soċjetà, għajr li nibku kemm nifilħu l-mejtin tagħna waqt il-funerali.
U l-istituzzjonijiet u l-gvernijiet erħilhom jagħmlu bħal Pilatu jaħslu jdejhom is-sena kollha u taparsi jiċċaqilqu ftit meta tkun seħħet xi traġedja u l-għada jerġa’ jmut kollox fuq ommu sat-traġedja li jkun imiss.
Matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna kien hawn 15-il vittma ta’ inċidenti tat-traffiku u seba’ persuni li ħallew ħajjithom fi splużjonijiet fi kmamar tan-nar. Mis-sena 2002 sa llum, jiġifieri f’ħames snin, mietu mhux inqas minn 30 persuna f’inċidenti industrijali. Kull sena f’pajjiżna qed imutu medja ta’ 6 persuni fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
F’temp ta’ ftit ġimgħat kellna wkoll diversi inċidenti fejn kienu involuti anzjani li spiċċaw mirduma taħt xi saqaf, inkella huma litteralment imwerwrin li l-bini fejn joqogħdu minn ħin għall-ieħor se jiġġarraf fuqhom minħabba xogħlijiet li qed isiru minn xi kuntrattur li qed idamdam kull m’hemm fil-viċinanzi.
Ħafna nies li vvutaw għal sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea kienu taħt l-impressjoni li issa qed tirriżulta li kienet biss illużjoni, li din kellha ġġib fostna bidu ġdid, bit-tisħiħ tal-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fil-postijiet fejn naħdmu, fit-toroq minn fejn ngħaddu, fil-postijiet tad-divertiment fejn ikunu t-tfal tagħna u fuq kollox fil-postijiet fejn ngħixu. Liġijiet u regolamenti ġodda fuq il-karta bir-rimi u bl-abbundanza. Imma r-rieda politika li tonfoħ u tagħti l-ħajja lil dawn il-liġijiet biex ikunu effettivi ħalli tabilħaqq jagħmlu d-differenza f’ħajjitna, ftit li xejn.
Kulma jmur fis-siti tal-kostruzzjoni qed jogħlew is-sulari, qed jinżel iktar fil-fond it-tħaffir taħt l-art u d-daqs tal-krejnijiet dejjem jikber. Filwaqt li qed jiżdiedu r-riskji għall-ħajja fil-postijiet tax-xogħol, il-ħasra hi li qed ikomplu jispikkaw in-nuqqas ta’ prekawzjonijiet u t-tħaris tar-regolamenti.
Wieħed kien jistenna li ikbar ma’ jkun il-periklu u r-riskju fuq il-post tax-xogħol, suppost li aktar ma kellhom jagħfsu u jissikkaw dawk li huma addetti mill-infurzar tar-regolamenti, multi eċċ. Ħasra li fil-frattemp dak li żdied fl-intensità mhux l-infurzar tar-regolamenti imma l-ispettakolarità ta’ l-inċidenti fatali li qed jaħsdu l-ħajjiet li għadhom fil-fjur tagħhom.
Min dari kien jaqa’ sular jew tnejn kien hemm ċans remot li jibqa’ ħaj, anki jekk b’ġismu mfarrak. Imma bil-progress ta’ żminijietna’ aqta’ jiesek li se tiskappa minn xi freefall ta’ seba’ sulari bħal taż-żagħżugħ ta’ 25 sena mis-Siġġiewi, il-Bambin jagħti faraġ lill-qraba li qed jibku t-telfa tiegħu.
Mingħajr ma nidħol fil-mertu ta’ l-inċident ta’ dik l-istudenta ta’ 21 sena li tilfet ħajjitha bħal-lum ġimgħa, lanqas ma rrid nemmen li inċident bħal dak kien iseħħ li kieku jittieħdu l-miżuri kollha possibbli ta’ sigurtà fit-toroq tagħna.
Minflok il-ħolma ta’ bidu ġdid li suppost kellha ġġib magħha l-UE, għalina u għal uliedna, għall-inqas minn dan l-aspett tas-saħħa u s-sigurtà fuq ix-xogħol, fid-dar u fil-postijiet ta’ divertiment, spiċċajna nassistu għal ħmar il-lejl. Randan li qed iwassalna għal kalvarji ġodda. Niftakar fiż-żagħżugħa minn Ħad- Dingli li ħajjitha ntemmet ħesrem mal-bidu ta’ sena ġdida b’waqgħa minn fuq sur in-naħa t’isfel tal-Belt waqt id-dillirju ta’ tbahrid li kien għaddej fuq eluf ta’ żgħażagħ.
Baqgħu jinħasdu bl-addoċċ il-ħajjiet ta’ dawk li jilagħbu ma’ nar li joqtol, maħkumin kif inhuma minn manija kważi suwiċidali. U l-awtoritajiet inkompetenti ta’ dan il-pajjiż, minħabba l-lublieba li għandhom għall-voti, jevitaw li jaqbdu l-barri minn qrunu, jintilfu fuq l-inkjesti li ma jwasslu għal imkien u jkantaw biss fuq il-mejjet.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|