MediaToday

Toni Abela| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?

Meta jersqu l-elezzjonijiet il-politiċi jerġgħu jsiru tfal. Jidħlu f’pika ta’ min għandu l-akbar banana. Wieħed jagħmel proposta u l-ieħor jipprova jissuperah b’oħra aktar attraenti. Ieħor jagħmel proposta u l-ieħor joħroġ b’oħra simili bħalha. Dan fenomenu pre-elettorali li narawh madwar id-dinja kollha u mhux f’pajjiżna biss.
S’issa jidher li l-partit li l-aktar għamel proposti interessanti u kontroversjali hu l-MLP. Proposti li qanqlu diskussjonijiet jew ġew adottati mill-Gvern proprju biex jantiċipa effett li jista’ jkollhom fuq l-elettorat. Waħda minn dawn il-proposti hi dik li s-sahra ma tkunx intaxxata.
Meta wieħed jifli sewwa ċ-ċifri mill-ewwel jintebaħ li din il-proposta għandha mix-xabla ta’ Demokle. Sfortunatament l-economic survey li ġie mad-diskors tal-baġit ta’ din is-sena ma jagħtix ċifri eżatti fuq is-sahra. Fuq dawk li jaħdmu part-time ċ-ċifri huma preċiżi imma fuq dawk li jaħdmu s-sahra ma ssib xejn.
Iżda hu ċar li l-ħaddiem b’paga waħda mhux jirnexxielu jsostni l-livell ta’ għajxien li issa dara bih. Il-fatt li għandna 46,318-il ħaddiem jagħmlu l-part-time b’20,150 minnhom diġà għandhom impjieg fiss, jindika li l-ħaddiem qed ikollu jissuplimenta s-salarju bażiku tiegħu b’impjieg ieħor. Is-sahra hi biċċa għodda oħra biex ikun jista’ jagħmel dan.
Il-proposta qanqlet dibattitu fuq kemm se tiswa’ jew aħjar kemm se tiswa’ f’telf ta’ taxxi lill-Gvern. Fid-diskors tal-baġit f’paġna 85 il-Prim Ministru jitfa’ dawl fuq dan. Nikkwotah testwalment:
“Jidher li minn dħul dikjarat ta’ 12-il miljun lira mill-overtime għad fadal xi miljun u nofs li għadhom qegħdin jinġibdu bir-rata ta’ 25%. Għaldaqstant, illejla qiegħed nipproponi li nestendu l-faxxa tat-taxxa sabiex, kemm jista’ jkun, l-overtime jinġibed bi ħmistax fil-mija.”
Il-matematika titkellem waħedha. Dan ifisser li l-Gvern għandu ħsieb li jdaħħal Lm1.8 miljun f’taxxa mis-sahra. Għalhekk meta Charles Mangion qal li din il-miżura se tiġi tiswa lill-Gvern madwar Lm2 miljuni ma kienx ’il bogħod mill-verità. Ċifri li huma ’il bogħod ħafna minn dawk dikjarati f’dak il-‘pre-cooked programme’ ta’ Lou Bondi. Iċ-ċifri msemmija minn dan il-bravu preżentatur kienu żelqa fin-niexef papali, sakemm ma kienx vittma ta’ xi rapport falz ieħor.
Din il-proposta qed issir fid-dawl li skond il-Gvern l-ekonomija qed tikber u allura bdejna nduru l-kantuniera, fi kliem Ċensu Farrugia tal-GRTU. Iżda għax ma kinitx proposta ġejja mill-partit fil-Gvern daru kontra tagħha dawk li ma jridux li bis-saħħa tagħha l-MLP jakkwista l-voti. L-argument prinċipali dejjem ikun li l-MLP mhux qed jagħmel il-kalkoli tiegħu sewwa.
Issa jekk hawn xi ħadd li jista’ jitkellem fuq il-kalkoli żgur mhux dan il-Gvern. Ngħixu f’xenarju ta’ infieq bla rażan fejn proġett qisu felula fil-wiċċ, tinbet żgħira sakemm tikber u tikrieh. Fis-sajf li għadda, John Dalli, illum konsulent speċjali tal-Prim Ministru, staqsa, kif kien proġettat li jintefqu fuq Lm90 miljun għall-proġetti u s’issa ntefqu qrib Lm140 miljun. Kif allura nistaqsi, hawn tant ġenerożità fejn jidħlu kuntratti kbar iżda tant xeħħa meta nitkellmu kif nistgħu niffrankaw xi ħaġa lill-ħaddiem.
Iżda x-xitan m’għandux ħalib. Biex proprju joħroġ ċar kemm kull proposta li qed jagħmel l-MLP qed tixxajtan inġustament, il-Ministru Austin Gatt f’dawn il-jiem ħabbar li fl-ispirtu tal-Milied, is-soprataxxa se jħalliha 50 fil-mija għalkemm suppost għandha tkun ta’ 97 fil-mija.
Grazzi Sur Ministru għaliex dan ifisser li int se tagħmel dak li proprju qed jipproponi l-MLP li jaqta’ s-soprataxxa bin-nofs!
Dan mingħajr ma nsemmi s-sussidju li diġà qed jingħata. Għal darb’oħra toħroġ il-banana.
L-MLP isostni li aktar ma jħalli flus fl-idejn aktar hemm ċans li tikber l-ekonomija. Aktar hemm ċans li l-ħaddiem jagħmel sahra bil-qalb u min iħaddem isib lil min jagħmel sahra. L-MLP jemmen li aktar ma tħalli flus fl-idejn dawn xorta se jintefqu għax x’imkien ieħor se titħallas taxxa ta’ 18 fil-mija VAT. Bħalissa kulmin iħallas taxxa fuq is-sahra jħallas ukoll taxxa oħra, meta jonfoq dak li jifdallu f’idu.
Li jiskantani hu kif kien hawn min iħaddem li ħareġ kontra din il-proposta. Din proposta li lilu mhu se tiswielu xejn u apparti dan aktar għandu possibbiltà li jsib ħaddiema li lesti jagħmlu s-sahra meta jkollu bżonn. Iżda kulħadd għandu r-raġunijiet misterjużi tiegħu.
Jidher li l-aċċenn m’għadux aktar fuq it-telf ta’ taxxa. Fl-aħħar programm ta’ shadow boxing f’Xarabank, fejn il-Prim Ministru (sakemm ikun Nazzjonalist) dejjem jilgħab home, Lawrence Gonzi qalilna li fil-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali din il-proposta sabet oppożizzjoni għaliex il-ħaddiema jistgħu jsofru tnaqqis tal-pensjoni meta jiġu biex jirtiraw. Din il-proposta tista’ tagħti lok għal abbużi.
F’daqqa waħda min iħaddem beda jaħarqu u jħoss għall-ħaddiema.
M’hemm l-ebda dubju li kull proposta fiskali tagħti lok għall-abbużi. Iżda tajjeb ukoll jingħad li l-istess qed jiġri llum. Illum hemm biżibilju ta’ ħaddiema li jirċievu ammont ta’ rimunerazzjoni li strettament ma taqax fit-tifsir ta’ salarju u allura finalment mhux se tirrifletti fuq il-pensjoni ta’ dak li jkun.
Ma rridx ngħid li l-overtime mhux intaxxat mhux se jagħti lok għal abbuż. Iżda finalment il-proposta għadha fl-istat ġenerali tagħha u ċertament li meta tiġi implimentata d-dettalji se jkunu wkoll qed jindirizzaw din il-problema ta’ abbuż. Fil-fatt diġà qamet diskussjoni jekk għandhiex tkun f’forma ta’ capping jew perċentwali mill-paga, iżda l-prinċipju jibqa’ li l-overtime ma jkunx intaxxat.
Fl-isfond ta’ dan kollu wieħed irid ukoll jiftakar li kien hawn kritika qawwija, fosthom dik ta’ Lino Spiteri li ma qabilx ma’ din il-proposta ta’ l-MLP, li l-mod kif iċċaqalqu l-għetiebi ta’ l-ammonti taxxabbli (tax bands) fl-aħħar baġit, ħloqna miżuri li huma anti-soċjali. Dan għaliex faxxa qawwija ta’ nies li qatt ma ħallsu taxxa ma bbenefikaw xejn. F’dan il-kuntest wieħed irid jikkonsidra jekk dawn in-nies, bil-miżura li ma jkunx hemm taxxa fuq l-overtime, ikunux allura qed jibbenefikaw minn xi ħaġa.
Luigi Pirandello kiteb ‘si e’ comi si vi pare’. Kulħadd jaraha mil-lenti tiegħu u l-ħaddiem jaraha mil-lenti tiegħu. Fejn ilu dawn is-snin kollha jagħmel tant sagrifiċċji f’ekonomija li kibret għall-ftit iżda mhux għall-ħafna wasal iż-żmien li tassew igawdi ftit hu!

Nota:

Ir-rubrika Toni u Peppi llum mhux qed tidher fil-format li ssoltu tkun fih. Is-suġġett magħżul minn din il-gazzetta kien relatat mal-wegħda Laburista li s-sahra ma tkunx intaxxata. Staqsejna liż-żewġ kontributuri jekk fil-prinċipju jaqblux ma’ din il-proposta.
Peppi Azzopardi nfurmana li ma kienx komdu jikteb fuq is-suġġett wara l-programm Xarabank ta’ nhar il-Ġimgħa iżda kien lest jikteb dwar id-deċiżjoni ta’ Alfred Sant li ma jattendix għall-programm.
Għaldaqstant l-opinjoni ta’ Toni Abela fuq is-suġġett oriġinali magħżul minn din il-gazzetta qed tidher kif maħsub.
Ir-rubrika tirritorna għall-format tas-soltu tagħha l-Ħadd li ġej.

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075