Aħbarijiet | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Sabrina Agius
sagius@mediatoday.com.mt
“Ħames liri, jekk jogħġbok.” Frażi li ta’ kuljum persuna li jieħu ħsieb pompa tal-petrol jisma’ għal min jaf kemm-il darba.
Iżda dik il-frażi għandha tifsira differenti għall-ħaddiem tal-pompa skond jekk il-persuna li tgħidha hiex mara jew raġel.
Minn osservazzjoni li għamlet din il-gazzetta jirriżulta li s-sewwieqa rġiel huma iktar pronti biex jinżlu mill-karozza ħalli jagħtuha l-petrol huma jew inkella joqogħdu bil-wieqfa maġenb il-ħaddiem tal-pompa li jkun qed jaqdihom. Iżda fil-każ tas-sewwieqa nisa, “ħames liri, jekk jogħġbok” litteralment tfisser li l-ħaddiem tal-pompa jkollu jaqdihom filwaqt li huma jibqgħu komdi fil-karozza. F’dinja fejn hemm battalja kontinwa ta’ ugwaljanza bejn iż-żewġ sessi, din il-gazzetta riedet tosserva dak li jiġri ta’ kuljum f’pompa tal-petrol.
Din il-ġimgħa qattajna sagħtejn ġewwa l-pompa tal-petrol Grech & Ellul f’Raħal il-Ġdid. Hemmhekk kellna l-opportunità nosservaw iktar mill-viċin kemm-il raġel u mara joħorġu mill-karozza biex jagħtuha l-petrol.
Fis-sagħtejn li konnha preżenti fil-pompa b’kollox ġew 42 persuna biex jimlew it-tank tal-karozza. Sitta u għoxrin kienu rġiel u s-16 l-oħra kienu nisa. Interessanti kien il-fatt li ftit qabel ma bdejna l-eżerċizzju l-attendent tal-pompa infurmana li “forsi minn 10 nisa, tinżel waħda, nista ngħidlek minn issa.”
Meta staqsejnieh x’inhi r-raġuni għal dan qalilna li ħafna min-nisa “għażżenin”.
Ir-risposta ħadniha malajr għax minn 16-il mara lanqas niżlet waħda. Min-naħa l-oħra, min għax jippreferi jagħti l-petrol hu u min għax bla paċenzja, l-irġiel kollha niżlu mill-karozza.
Staqsejna lil raġel minnhom għalfejn iħoss il-bżonn li jinżel mill-karozza. Fil-pront qalilna “minix mara, dejjem ninżel.”
Anki jekk forsi għal ħafna ma tfisser xejn, li tinżel mill-karozza ifisser għajnuna lill-attendent tal-pompa, speċjalment jekk ikun hemm ħafna nies.
Kif qaltilna l-persuna li kienet xogħol dak il-ħin: “lanqas tieqaf sekonda. Allura jekk ikollok ħafna nies, jgħinuk jekk imqar jiftħulek it-tank.”
Ir-reazzjonijiet li ħadna mingħand in-nisa ikkonfermaw il-ħsieb ta’ l-attendent tal-pompa. “Ma ninżilx għax insibha komda,” qaltilna tfajla. Oħra sostniet li “la hemm l-attendent m’hemmx għalfejn noqgħod ninżel jien.”
Distinzjoni li spikkat kienet fejn jidħlu l-anzjani. Dawn kollha ħarġu mill-karozza bħala turija ta’ rispett lejn min qed jaqdihom. Anzjan minnhom stqarr li “b’sens ta’ rispett, ninżel għax inħossu qisu s-servitur tiegħi.”
L-istess anzjan ta spjegazzjoni oħra għalfejn jaħseb li hemm min jinżel mill-karozza: “hemm min jinżel għax jibża’ li joborxulu l-karozza.”
Għall-kuntrarju ta’ l-anzjani ż-żgħażagħ mhux li tant huma mill-ħelwin speċjalment meta jkunu grupp. L-attendent qalilna li meta jkunu flimkien, iż-żgħażagħ “iħobbu jdaħħku u jippretenduha. Jippruvaw jirredikolawk.”
Minkejja li s-sens komun u s-sinjali kullimkien jgħidulek biex f’pompa tal-petrol ma tidħolx b’sigarrett mixgħul, kien hemm ukoll min dehrlu li għandu jinjora dawn it-twissijiet.
“Kull darba jkolli nfakkarhom biex jitfu s-sigarrett,” qalilna l-ħaddiem tal-pompa b’ħarsa fuq wiċċu li tindika li mhumiex waħdiet li jħobbu jazzardaw.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|