MediaToday

Aħbarijiet | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Fgati bil-karozzi

B’iktar minn 285,000 vettura reġistrata u mingħajr pjan biex in-nies jibdew jużaw iktar it-trasport pubbliku, mhux ta’ b’xejn li s-sewqan joħloq ħafna stress. KURT SANSONE jirrapporta minn fuq ‘traffic island’

Jekk it-traffiku fl-agħar ħinijiet tal-ġurnata qed jilagħtlek għal rasek se jkollok tikkonsla għax l-aħħar statistika uffiċjali tikkonferma li għandna toroq iffullati ħafna tant li jekk inpoġġu l-vetturi privati waħda wara l-oħra jiffurmaw serbut twil biżżejjed biex nagħmlu pont bejn Malta u Sqallija għal disa’ darbiet.
Skond ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika, b’kollox fit-toroq tagħna hawn 285,353 vettura liċenzjata li jvarjaw minn karozzi privati sa vetturi li jintużaw fl-agrikultura.
Bla dubju l-karozzi privati huma l-ikbar settur, b’216,735 karozza liċenzjata sa l-aħħar ta’ Settembru. Jekk tieħu l-popolazzjoni kollha ta’ dawk li għandhom ’il fuq minn 18-il sena (skond iċ-ċensiment ta’ l-2005 u nkluż l-anzjani ta’ ’l fuq minn 75 sena), kalkolu sempliċi jurik li hawn kważi karozza privata għal kull persuna adulta.
L-istess kalkolu ibbażat fuq in-numru ta’ djar juri li għal kull dar f’Malta hawn kważi żewġ karozzi. Mhux ta’ b’xejn li l-parking hu wkoll problema kbira għal ħafna nħawi residenzjali.

Karozzi ġodda
Għalkemm f’dawn l-aħħar snin żdied ħafna l-bejgħ ta’ karozzi użati (second hand) l-aktar mill-Ġappun, l-istatistika turi li l-maġġoranza kbira tas-sewwieqa jippreferu jixtru karozzi ġodda. Minn Jannar sa Settembru 2007 inxtraw 3,976 karozza privata ġdida filwaqt li fl-istess perjodu nxtraw 2,560 vettura privata wżati (second hand).
Jidher li x-xejra li jinxtraw iktar karozzi ġodda milli dawk użati baqgħet tinżamm għax fis-sentejn ta’ qabel il-karozzi ġodda fis-suq kienu jisbqu lil dawk użati.
Fl-2005 (Jannar-Diċembru) kien hemm 5,675 karozza privata ġdida u 3,542 użati li ġew liċenzjati. Fl-2006 l-ammont ta’ karozzi ġodda li nxtraw telgħu għal 5,862 filwaqt li l-ammont ta’ karozzi wżati naqas bi ftit għal 3,500.
Iċ-ċifri juru wkoll li qed tiżdied il-kuxjenza ambjentali. Filwaqt li fl-2005 u fl-2006 l-ammont ta’ karozzi ġodda li jaħdmu bl-elettriku kienu jammontaw għal tlieta u waħda rispettivament, sa Settembru ta’ din is-sena diġà kienu ġew liċenzjati 11-il karozza ġdida ta’ dan it-tip.
Dan ifisser li sa Settembru kien hawn 27 karozza privata fit-toroq li minflok petrol jużaw l-elettriku biex jimxu. Għalkemm l-ammont għadu żgħir wisq biex iħalli xi impatt pożittiv fuq l-ambjent, iż-żieda fuq is-snin l-oħra hi inkoraġġanti.
L-ikbar ammont ta’ karozzi privati fit-triq jaqgħu fl-ewwel kategorija, jiġifieri b’magni iżgħar minn 1300cc. It-tieni l-ikbar kategorija hi dik ta’ karozzi b’magni bejn 1501cc u 1800cc, b’29,189 vettura privata.
Ta’ min jinnota li sa Settembru tneħħew mit-toroq tagħna 1,631 vettura privata li ġew mormija mis-sidien tagħhom.

Trasport pubbliku
Iżda jekk l-ammont ta’ karozzi privati fit-toroq tagħna jista’ jitqies bħala kundanna għat-trasport pubbliku għax in-nies tippreferi tuża mezzi privati biex tasal minn post għall-ieħor, dan żgur mhux dovut għan-nuqqas ta’ karozzi tal-linja.
Sa l-aħħar ta’ Settembru kien hawn 580 karozza tal-linja reġistrati, li jfisser li għal kull kilometru kwadru għandna kważi żewġ xarabanks. Il-problema bit-trasport pubbliku iktar hi relatata mal-kwalità tas-servizz, il-ħinijiet u l-effiċenza.
Minkejja dan l-iffullar fit-toroq tagħna bil-konsegwenzi ambjentali kollha li jġib miegħu, m’hemm l-ebda pjan nazzjonali biex in-nies titħajjar tuża t-trasport pubbliku. Saħansitra l-pjani biex ikun riformat is-servizz b’tal-linja għadhom ’il bogħod milli jagħtu r-riżultat mixtieq u qajla hemm interess biex ikunu esplorati mezzi differenti ta’ trasport pubbliku bħal trammijiet jew ferroviji taħt l-art.
Mezz ieħor ta’ trasport pubbliku huma t-taxis li minnhom għandna 248, nofs l-ammont ta’ karozzi tal-linja. Iżda hawnhekk ukoll is-settur mhux li qed jaqdi l-ħtiġijiet tal-pubbliku bl-aħjar mod. B’monopolju li jxekkel il-kompetizzjoni f’dan il-qasam il-prezzijiet tat-taxis jibqgħu għaljin u mhux possibbli li tirkibhom mill-ġenb tat-triq kif isir fi bliet oħra madwar id-dinja.

Għatxana għall-fuel
U dawn il-karozzi kollha kemm jixorbu petrol?
Bejn Settembru ta’ l-2005 u dak ta’ l-2006 is-sewwieqa xtraw b’kemm jiswew 95,000 tunnellata diesel, 50,000 tunnellat petrol bla ċomb u kważi 15,000 tunnellata petrol normali (LRP).
Rapport dwar il-biofuels imħejji mill-Awtorità tar-Riżorsi din is-sena juri li fl-2005 inbiegħu 895,000 litru biodiesel. Din l-industrija relattivament ġdida għal Malta qed jirnexxielha toħloq alternattiva iktar nadifa għad-diesel. Il-bejgħ tal-biodiesel dirett minn ċerti pompi tal-petrol, li nfirex aktar tul din l-aħħar sena, għandu jgħin biex jikber l-użu ta’ dan il-fuel mis-sewwieqa.
Skond l-aħħar rapport maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea tat-12 ta’ Novembru Malta għandha fost l-irħas prezzijiet fil-pompi għad-diesel u l-petrol bla ċomb.
Minkejja ż-żidiet li kien hemm fil-prezzijiet tal-fuel tul dawn l-aħħar snin is-sewwieqa Maltin xorta jgawdu prezzijiet irħas minn ħafna minn sħabhom l-Ewropej. Bid-diesel f’Malta jiswa 1.009 ewro għal kull litru, huma biss Ċipru, il-Litwanja u l-Estonja li għandhom diesel irħas minn tagħna.
Il-petrol bla ċomb bħalissa qed jinbiegħ bil-prezz ta’ 1.078 ewro mill-pompi, li jpoġġi lil Malta fis-seba’ post fost l-irħas prezzijiet fl-Unjoni Ewropea.
Fil-każ tad-diesel huma s-sewwieqa tar-Renju Unit li għandhom għalfejn iħokku rashom għax dan jinbiegħ bil-prezz ta’ 1.479 ewro kull litru, filwaqt li s-sewwieqa Olandiżi huma l-iktar li jħallsu għall-petrol bla ċomb b’litru jiswa’ 1.525 ewro.

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075