Aħbarijiet | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Bi preżentazzjoni awdjo-viżiva ta’ livell għoli u ktieb ta’ 92 paġna kollu kulur, l-imsieħba soċjali l-bieraħ ingħataw spjegazzjoni tal-100 proġett li qed jipproponi l-Partit Laburista għaż-żona tal-Port il-Kbir.
Kienet laqgħa li qajla tista’ tgħid kienet organizzata minn partit politiku li jinsab fl-Oppożizzjoni għax il-lingwaġġ u l-mod kif kien ipproġettat il-pjan aktar kienu jixbħu t-tnedija ta’ xi proġett mill-gvern.
F’kumment lil din il-gazzetta, il-perit Charles Buhagiar qal li l-pjan Laburista hu intiż biex “jindirizza l-problemi ambjentali u ekonomiċi li hemm fiż-żona tal-Port.”
Buhagiar, li jista’ jitqies bħala l-moħħ ewlieni wara din il-viżjoni ambizzjuża, qal li kienu studjati l-problemi preżenti biex imbagħad iffukaw fuq il-potenzjal li għandha ż-żona kollha.
Bil-kontra tal-pjan inizzjali tal-Gvern għaż-żona tal-port li iffoka biss fuq il-Port il-Kbir, il-pjan Laburista għaqqad f’katina waħda l-kuntrasti, il-problemi u l-potenzjal taż-żona li tagħti minn Tas-Sliema sal-Kalkara.
Saħansitra proġett minnhom hu t-tħaffir ta’ mina taħt il-Belt jew it-tkomplija tal-foss quddiem Bieb il-Belt biex iż-żewġ portijiet jingħaqdu permezz ta’ kanal. Dan imbagħad ikun jista’ jintuża minn laneċ li joffru servizz ta’ trasport marittimu bi skeda bejn l-inħawi kollha tal-port.
Din il-gazzetta talbet ukoll il-kumment tal-kelliem Laburista għal-finanzi Charles Mangion li probabbilment ikun hu li se jinkwieta dwar il-finanzjament ta’ din il-viżjoni jekk l-MLP ikun fil-Gvern.
Id-deputat mexxej qal li kien “kuntent ħafna kif ġie żviluppat il-proġett speċjalment mil-lat ekonomiku u soċjali fost l-oħrajn.”
Mangion qal li pedina importanti għat-twettiq tal-pjan ikun it-twaqqif ta’ awtorità apposta li sservi wkoll ta’ one-stop shop għall-investituri fiż-żona.
Preżenti għall-attività tal-bieraħ kien hemm ukoll rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali, bosta għaqdiet mhux governattivi miż-żona tal-Port il-Kbir, rappreżentanti ta’ l-imsieħba soċjali ewlenin, ekonomisti u opinjonisti fost l-oħrajn.
In-nies preżenti laqgħu b’ċapċip il-preżentazzjoni awdjo-viżiva tal-proġett u d-diskors ta’ Sant. “Dawn huma proposti li ġew ibbażżati fuq l-esperjenza diretta ta’ dak li jinsab għaddej illum u mibnija mis-suġġerimenti u l-ideat tagħkom,” sostna Sant b’riferenza għall-imsieħba soċjali.
Ìllum ħadet ir-reazzjonijet ta’ xi wħud minn dawk preżenti fosthom il-mexxejja tal-unions ewlenin. Gejtu Vella, Segretarju Ġenerali tal-UĦM tenna li “f’dan id-dawl il-UĦM issostni li dan il-proġett tal-Port mhux proġett ta’ partit, gvern, kunsill jew għaqda iżda għandu jkun proġett nazzjonali.”
Qal ukoll li hu proġett importanti ħafna mhux biss għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali imma għall-ibliet u s-subborgi li jmissu mal-port.
Min-naħa l-oħra Tony Zarb, Segretarju Ġenerali GWU, qal li l-proġett hu wieħed “ambizzjuż” u “vijabbli”. Hu sostna li “irridu nagħtu każ l-impjiegi tal-ħaddiema preżenti fil-Port il-Kbir u nisperaw ukoll li l-proġett innifsu mhux biss jagħti każ tal-impjiegi eżistenti imma wkoll ikattar l-impjiegi.”
Fil-100 proġett ippreżentati hemm ħjiel li t-tarznari kollha eżistenti għandhom jiġu aġevolati biex ix-xogħol tagħhom jerġa’ jqum fuq saqajh.
Il-pjan marittimu li qed jissemma bħala wieħed mill-proġetti ewlenin intlaqà tajjeb minn Sam Mifsud ta’ SMS travel, operatur ewlieni turistiku. “Hu pjan tajjeb speċjalment għall-cruise liners,” qal Mifsud, li hu wkoll chairman ta’ l-Awtorità tat-Turiżmu.
Joseph Formosa Gauci, President tal-MHRA saħaq li l-pjan hu “interessanti ħafna b’numru ta’ ideat ġodda li meta jitwettqu bla dubju ta’ xejn ikun hemm prodott ħafna aħjar.”
Faħħar wkoll l-idea ta’ l-Awtorità fejn qal li hi inizjattiva “pożittiva ħafna u nisperaw li din l-Awtorità jkollha l-poteri neċessarji biex tmexxi l-proġetti fastrack.”
Fid-diskors tiegħu Sant qal li l-Partit Laburista jħares lejn iż-żona tal-Port il-Kbir bħala żona li matul is-sekli kienet ċentrali fil-mod kif pajjiżna qala’ l-għajxien tiegħu. Importanza ingħatat lill-assi storiċi li għandu pajjizna.
Fost affarijiet oħra ssemma wkoll li l-Partit Laburista jrid rankatura lejn aktar xogħol u ħidma fil-Kottonera, bit-tħaddim ta’ inizjattivi għal jottijiet u l-manutenzjoni tagħhom u għall-cruise liners.
Il-Partit Laburista qed jgħid li dawn il-100 proġett għandhom jitwettqu sa l-2020.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|