Aħbarijiet | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Sabrina Agius
Anki jekk il-kampanja dwar is-saħħa sesswali fl-iskejjel post sekondarji li tnediet din il-ġimgħa mill-awtoritajiet tas-saħħa hi fost l-iktar kampanji edukattivi mingħajr tidwir tal-lewża li kellna s’issa, jidher li għad hemm imblokk istituzzjonali fejn jidħlu skejjel sekondarji.
Arlette Vassallo, rappreżentanta ta’ l-Assoċjazzjoni ta’ l-Istudenti tal-Mediċina (MMRA), qalet li l-kampanji ta’ tagħrif li jorganizzaw huma għall-istudenti sekondarji għadhom isibu oġġezzjonijiet minn ċerti skejjel, speċjalment dawk tal-Knisja.
Studenti universitarji tal-mediċina jorganizzaw mawriet fi skejjel sekondarji biex jagħtu tagħrif lit-tfal dwar is-sess u l-mard trasmess sesswalment.
Vassallo qalet li f’dawk l-iskejjel li jaċċettaw il-preżenza tagħhom, ġeneralment ma jkunx hemm oġġezzjonijiet mill-kapijiet ta’ l-iskejjel biex jagħmlu ċertu dimostrazzjonijiet lit-tfal, bħal pereżempju kif tilbes kondom b’mod tajjeb.
Malta lbieraħ ingħaqdet mal-bqija tad-dinja biex tiċċelebra l-Jum Dinji ta’ l-AIDS u għall-okkażjoni d-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa qassam żewġ kotba b’informazzjoni dwar il-mard li hu trasmess sesswalment u tagħrif dwar is-saħħa sesswali fost studenti post-sekondarji.
Il-kotba jiddiskutu b’mod miftuħ l-użu tal-kontraċettivi li għandhom jintużaw waqt rapporti sesswali bejn koppji lesbjani, eterosesswali u omosesswali. Jiddiskutu wkoll is-sess fost l-adulti u l-anzjani.
Anki jekk it-tagħrif dwar is-sess u dak kollu li jġib miegħu mhux diffiċli biex issibu f’dinja fejn hawn baħar ta’ informazzjoni jidher li għad hawn ħafna li għalihom is-sess hu tabù.
Ilbieraħ ġurnalista ta’ din il-gazzetta niżlet il-Belt b’kondom f’idejha u staqsiet lin-nies ta’ ċertu età jekk kienux jafu x’inhu. Staqsejnihom ukoll jekk jitkellmux bil-miftuħ fuq is-sess mat-tfal tagħhom. Ridna nkunu nafu wkoll jekk jaslux jagħtu parir lit-tfal tagħhom jużaw il-kondom jekk ikunu jafu li qed ikollhom rapporti sesswali.
Irriżulta li ħafna nies bdew jaħarbu mill-mistoqsijiet. Bosta kienu dawk li bdew jiddejqu jew jistħu jirrispondu, speċjalment in-nisa. Oħrajn bdew jevitawna malli rawna navviċinawhom bil-kondom f’idejna.
Il-maġġoranza li taw il-kummenti tagħhom kienu rġiel. Ħafna min-nies li urejnihom il-kondom, minflok qalulna x’inhu, tbissmu filwaqt li oħrajn ħarsulna bl-ikrah.
Minn 12-il persuna li tkellimna magħhom, Joseph Galea u Grace kienu fost dawk li ma sabu l-ebda mistħija jgħidu li kienu qed jiġu murija kondom.
Oħrajn qalulna li ma kienux jafu x’inhu anki jekk kien evidenti li dan ma kienx minnu. Ftit kienu dawk li ppronunzjaw il-kelma kondom u minflok użaw kliem differenti biex jgħidulna li jafu x’inhu.
Ippruvajna nwaqqfu ġenituri li kienu mat-tfal imma dawn irrifjutaw li jagħtuna l-kummenti tagħhom. Sebgħa minn dawk intervistati qalulna li jekk ikunu jafu li-t-tfal għandhom rapporti sesswali jinkoraġġixxuhom biex jużaw kondom.
Kif qalilna Louis: “illum it-tfal mhux ta’ subajgħhom f’ħalqhom u għalhekk ikun importanti li jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji.”
Bil-kontra ta’ dan, Dorothy Fenech qalet li “prevention is better than cure”. Għalkemm titkellem b’mod miftuħ dwar is-sess mat-tfal tagħha qalet li bl-ebda mod ma tinkoraġġihom biex ikollhom rapporti sesswali qabel iż-żwieġ.
Anki jekk ftit, uħud qalulna li għandhom relazzjoni miftuħa mat-tfal u għalhekk ikellmuhom anki fuq affarijiet ta’ sess.
Ninsabu f’epoka fejn iddur fejn iddur issib affarijet jirrekklamaw is-sess. Dan anke jekk b’mod sottili. Jibqa’ l-fatt li l-atteġġament ġenerali tan-nies dwar il-kondoms u s-sess għadu wieħed magħluq.
Il-kondom jibqa’ l-iktar mezz effettiv ta’ prevenzjoni għall-mard bħall-HIV u l-AIDS għal min jiddeċiedi li jkollu rapporti sesswali.
Intant, biex ifakkru l-Jum Dinji ta’ l-AIDS, ilbieraħ filgħaxija l-MMRA bħal kull sena organizzaw mixja mill- Ġnien ta’ l-Indipendenza sa Paceville fejn eventwalment qassmu l-kondoms liż-żgħażagħ u tawhom informazzjni fuq il-mard trasmess sesswalment.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|