Aħbarijiet | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
James Debono
Kif mistenni l-maġġoranza tan-nies taqbel mal-proposta tal-MLP li jneħħi t-taxxa fuq is-sahra iżda jidher li għad hemm dubju fost l-elettorat dwar kemm din il-proposta tistax titwettaq.
Stħarriġ tal-gazzetta Illum juri li maġġoranza kbira ta’ 59 fil-mija jaqblu mal-proposta Laburista li tispiċċa t-taxxa fuq is-sahra. Huma biss 21 fil-mija li ma jaqblux.
Bla dubju, kull proposta li tħalli iktar flus fil-but qed tinżel għasel ma’ l-elettorat li qed jara l-ħajja togħla minn jum għal jum.
Saħansitra 29 fil-mija ta’dawk li beħsiebhom jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista wasslu biex jaqblu ma’ din il-proposta. L-appoġġ fost l-indeċiżi jitla’ għal 60 fil-mija.
Iżda parti mdaqqsa ta’ l-elettorat għad għandha d-dubji tagħha dwar kemm tista’ tkun implimentata proposta bħal din.
Filwaqt li 43.3 fil-mija jaħsbu li din hi proposta fattibli, 21 fil-mija jaħsbu li din il-proposta ma tistax titwettaq filwaqt li 36 fil-mija qalu ma jafux.
Fost l-indeċiżi huma biss 41 fil-mija li jaħsbu li l-proposta tal-MLP hi waħda fattibbli.
Tul dawn l-aħħar ġimgħat il-Gvern għamel minn kollox biex juri li din il-proposta tista’ twassal għal abbużi kbar għax il-ħaddiema jibdew jiddikjaraw iktar mill-paga tagħhom bħala sahra. Skond il-Gvern dan se jiswa’ lil pajjiż Lm30 miljun.
Anki ekonomisti ta’ bixra xellugija bħal Lino Spiteri u Karmenu Farrugia esprimew d-dubji tagħhom fuq din il-proposta.
L-Oppożizzjoni Laburista għada ma ħarġitx bi spjegazzjoni ċara ta’ kif se jkunu kontrollati l-abbużi u stmat li din il-proposta se tiswa’ lill-pajjiż Lm2 miljuni biss.
Madankollu fl-Illum ta’ ġimgħa ilu d-Deputat Mexxej tal-MLP Michael Falzon fisser li l-MLP jista’ jikkontrolla l-abbużi billi jikwantifika s-sahra bħala persentaġġ tal-paga. Li hu żgur hu li f’dan il-każ l-MLP jinsab bejn ħaltejn.
Jekk juri kif se jikkontrolla l-abbuż jirriskja jiġbed inqas appoġġ fost dawk li jaraw f’din il-proposta ċ-ċans li jevitaw kemm jista’ jkun li jħallsu taxxa fuq id-dħul.
Ta’ min jiftakar li f’soċjetajiet Mediterranji bħal Malta fejn is-sens ċiviku hu nieqes mhux ħażin l-elettorat hu iktar miftuħ għal proposti li jivvantaġġaw lill-individwu filwaqt li jimminaw id-dħul ta’ l-Istat.
Minn naħa l-oħra jekk l-MLP ma jispjegax x’miżuri amministrattivi għandu f’moħħu jirriskja li ma jidhirx kredibbli ma’ dawk li għadhom indeċiżi. Huma ħafna dawk li jiftakru l-ambigwità tal-MLP dwar it-tneħħija tal-cash registers qabel l-elezzjoni tal-1996.
L-MLP faċilment jista’ jiżgura lil din is-sezzjoni ta’ l-elettorat billi jillimita l-miżura għal numru ta’ siegħat ta’ sahra fil-ġimgħa u mhux għal kull sahra li ssir.
Iżda fl-aħħar mill-aħħar hu l-but li jitkellem u fil-kuntest politiku se jkun diffiċli ħafna għall-PN li jattakka proposta li tħalli iktar flus fil-but waqt li tinċentiva x-xogħol u l-produttività.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|