Julia Farrugia
jfarrugia@mediatoday.com.mt
Email li qed tiċċirkola f’pajjiżna mhi xejn għajr waħda ta’ ingann u li tipprova tqarraq bil-pubbliku Malti. L-email bit-titlu “Marks & Spencers Vouchers” twiegħed li tagħti b’xejn vouchers ta’ 100 Lira Sterlina u 500 Lira Sterlina lil persuni li jippromwovu din l-“offerta”.
Madankollu minn stħarriġ li għamlet din il-gazzetta jirriżulta li din l-email hi biss waħda ta’ ngann u mhux ġenwina.
Illum għandha konferma li l-kumpanija Go qed tħares mill-qrib lejn dawn l-aħħar żviluppi biex tistabbilixxi preċiżament fatti importanti dwar min seta’ ħoloq l-email oriġinali u jekk din intbagħtietx minn account provdut mill-kumpanija.
L-email li qed tkompli tinfirex timplika li l-kumpanija Marks & Spencer qed tuża kampanja ta’ reklamar differenti u lil hinn minn dawk tradizzjonali. Skond l-email M & S qed tuża l-bniedem li jwassal hu l-messaġġ minn dar għall-oħra permezz ta’ l-emails.
L-email twiegħed li l-Marks & Spencer tħallsek lura tar-reklam li tagħmlilha billi tagħtik vouchers b’xejn li jistgħu jissarrfu fil-ħwienet kollha ta’ l- M & S.
Skond l-email, “biex wieħed jirċievi voucher ta’ 100 Lira Sterlina għandu jibgħat email lil tminn persuni. Biex wieħed jieħu lura voucher ta’ 500 Lira Sterlina għandu jibgħat l-email li jirċievi lil 20 persuna.”
L-ittra elettronika tgħid li “fi żmien ġimagħtejn tirċievi email bil-vouchers mehmuża fiha. Jekk jgħoġbok ibgħat kopja ta’ l-emails li tibgħat fuq: catchup@maltanet.net”
Fuq in-naħa t’isfel ta’ l-email jingħad li l-email intbagħtet minn ċerta Josephine Galea, Segretarja Eżekuttiva ta’ Mizzi Holdings Ltd.
Madankollu l-ħaddiema meta kkuntattjata minn din il-gazzetta sostniet li hi qatt ma bagħtet din l-email u li hi personalment ilha ħafna tirċievi emails qarrieqa u li dejjem taqbad u tarmihom.
F’kumment lil Illum, Jean Pierre Agius, Manager Kummerċjali tal-Marks & Spencers sostna li l-emails kollha għandhom ikunu injorati.
“Il-Marks & Spencers m’għandhiex din it-tip ta’ offerta. Din hija sistema ta’ ngann, internet hoax,” saħaq Agius.
“Email simili ta’ din kienet qed tinfirex f’Ċipru għall-ħabta ta’ Ġunju li għadda. Imma issa dan hu żvilupp ġdid, l-aktar għax qed jissemma account ġdid tal-maltanet fejn wieħed qed jintalab biex jibgħat it-tagħrif fuqu,” kompla l-Manager Kummerċjali ta’ M & S.
Mitluba tikkummenta dwar dan il-każ il-kumpanija Go, li tipprovdi servizzi ta’ internet u l-accounts li jġibu l-isem ta’ Maltanet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha sostniet li “wara li konna nfurmati mill-gazzetta tagħkom dwar dan il-każ se niflu sew din is-sitwazzjoni.”
Kelliem għall-kumpanija qal li jridu jkunu stabbiliti żewġ fatturi. Jekk f’dan il-każ intużax email ta’ xi ħadd mingħajr awtorizzazzjoni u jekk l-email oriġinatx tassew minn account ta’ persuna partikolari jew le.
F’Ġunju li għadda l-kumpanija internazzjonali Sophos li tipprovdi soluzzjonijiet lill- kumpaniji dwar sigurtà u kontrolli fl-infrastruttura ta’ l-informazzjani u t-teknoloġija,wissiet li “ingann ta’ din ix-xorta jista’ joħloq problemi kbar. Meta tagħmel forward ta’ kopja ta’ din ix-xorta tista’ twassal biex 100 oħra jerġgħu jintbagħu lura, potenzjalment ħafna minn dawn jistgħu jispiċċaw f’idejn kriminali li jużaw l-internet għal skopijiet ħżiena.”
Xi jgħid l-espert Martin Debattista
Jekk tasal biex temmen li rbaħt lotterija għaliex l-indirizz e-mail tiegħek ittella bix-xorti minn kompjuters, jew li xi ministru f’qiegħ pajjiż Afrikan miet u ħalla xi 20 miljun dollaru warajh lesti sħan sħan għalik, jew li tista’ tixtri l-Viagra bl-irħis, allura itfi l-kompjuter issa stess għaliex tikkwalifika bħala mazzun li lest jibla’ kollox fuq l-internet għas-spejjeż tiegħu. U taf tkun esperjenza qarsa wkoll.
L-Internet mhux wisq differenti mill-bqija ta’ ħajjitna. Wara kollox l-Internet jintuża min-nies tad-demm u l-laħam, ħafna minnhom ġenwini li jużawh għax-xogħol, għall-bżonn jew divertiment, u ftit oħrajn ħajjiena li jridu japproffittaw rwieħhom mill-proxxmu. Dawn ta’ l-aħħar huma perikolużi u l-e-mails qarrieqa hija waħda mis-sistemi li jużaw. Filwaqt li jibagħtu miljuni minnhom, biżżejjed ikun hemm ftit waħdiet li jaqgħu fin-nasba biex dawn jagħmlu profitt tajjeb.
Il-banek Maltin dejjem saħqu li huma qatt ma jitolbu d-dettalji personali tal-klijenti permezz ta’ e-mail. L-istess jgħidu banek u istituzzjonjijiet serji oħra barranin.
F’ċerti każi dawn l-e-mail spam ikun fihom ukoll virus u b’hekk il-ħsara li ssir tkun ħafna ikbar.
Meta tirċievi e-mail mingħand xi ħadd li ma tafux minn Adam u li joffrilek xi ħaġa tajba wisq biex tkun vera, allura aqbad u armi dik l-e-mail. Din hija l-aħjar kura. Ftit paċenzja li tissarraf f’serħan il-moħħ. Biex tkun ċert mija fil-mija kkonsulta siti bħal www.hoax-slayer.com, www.hoaxbuster.com, www.snopes.com.
Martin Debattista hu ġurnalist
freelance dwar it-teknoloġija