L-HSBC diġà mwissi sentejn ilu dwar sigurtà fjakka
Julia Farrugia
Il-hold-up ta’ miljun ewro ta’ nhar il-Ġimgħa seħħ biss ftit jiem qabel ma l-Bank HSBC kellu jdaħħal miżura ġdida li f’kull fergħa f’Malta u f’Għawdex jibda jkun hemm pulizija armat bħala deterrent għal serqiet u hold-ups.
Dan sar fid-dawl tal-fatt li l-bank kien konxju li bħalissa kull fergħa għandha ammonti akbar ta’ flus mis-soltu, l-aktar ewro, minħabba l-proċess ta’ bidla tal-munita li se jsir mal-qalba tas-sena.
Illum hi nfurmata li ħaddiema fil-bank kienu ilhom infurmati b’din id-deċiżjoni għal numru ta’ ġimgħat. F’dan l-istadju l-Pulizija ma tistax teskludi t-teorija li qabel wettqu l-hold-up il-ħallelin kienu nfurmati b’din il-bidla.
Jekk dan hu l-każ allura l-ħallelin kienu jafu li l-hold-up, jekk ma jsirx il-Ġimgħa kellu jsir is-Sibt għax inkella t-Tnejn kien ikollhom xkiel akbar x’jegħlbu.
F’kummenti lil din il-gazzetta, John Rizzo, Kummissarju tal-Pulizija, ikkonferma li l-Korp laqa’ t-talba li l-HSBC għamel ftit wara l-hold-up biex il-miżura tal-pulizija armat f’kull fergħa tal-bank tkun imħaffa u fil-fatt kienet infurzata mill-bieraħ stess.
Sorsi qrib l-investigaturi sostnew, li anke jekk ma tistax tkun eskluża kompletament, il-probabbiltà hi li l-ħallelin ma kinux barranin.
L-istess sorsi qalu lil Illum li l-ħallelin huma tas-sengħa u b’esperjenza f’dawn it-tip ta’ reati. F’dan l-istadju l-Pulizija qed titfa’ għajnejha fuq persuni li fil-passat kienu nvoluti f’hold-ups u serqiet ta’ din ix-xorta.
Dan il-fattur ikkonfermah il-Kap tal-Pulizija nnifsu li ma’ Illum qal li “l-investigaturi għandhom numru ta’ suspetti u li fl-aħħar sigħat kien hemm miżmuma minn ta’ l-anqas żewġ persuni.”
“Nemmnu li l-persuni wara l-hold-up huma tas-sengħa u possibbilment fl-imgħoddi kienu nvoluti f’serqiet bħal ta’ nhar il-Ġimgħa,” kompla John Rizzo.
Nifhmu li fost il-persuni li l-Pulizija għandha għajnejha fuqhom hemm persuni li setgħu skontaw sentenza dwar reati bħal ta’ nhar il-Ġimgħa.
Żewġ ittri li għandha f’idejha din il-gazzetta juru li bħal dan iż-żmien sentejn John A Zammit, l-eks kap tas-sigurtà ta’ l-HSBC kien wissa lill-Awtoritajiet dwar is-sigurtà batuta fil-fergħat ta’ dan il-bank.
Waħda mill-ittri ntbagħtet lil John Rizzo, Kummissarju tal-Pulizija, filwaqt li ittra oħra ntbagħtet lill-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji.
Fl-ittri John Zammit talab biex jittieħdu passi għaliex is-sistema tas-sigurtà ta’ l-HSBC mhix sigura għall-ħaddiema u tpoġġi bankiera li mhumiex kaxxiera f’riskju akbar minħabba li mhumiex protetti minn attakki ta’ ħallelin.
Għal 21 sena John Zammit kien il-Kap tas-Sigurtà tal-Mid-Med Bank u aktar tard ta’ l-HSBC. Zammit iġorr warajh 10 snin servizz fil-Korp tal-Pulizija fejn temm il-ħidma tiegħu bħala Spettur.
F’ittra li ntbagħtet fit-18 ta’ Diċembru, 2005 lil John Rizzo, Zammit sostna dak li kien diġà iddikjara pubblikament f’ġurnal lokali li s-sigurtà fil-banek għandha tkun regolata minn liġi u mhux titħalla għad-deskrizzjoni tal-maniġment tal-banek.
Fl-ittra Zammit jgħid li ż-żewġ banek ewlenin aġġornaw is-sistemi ta’ sigurtà tagħhom madankollu għażlu żewg kunċetti differenti ħafna. Il-Bank of Valletta saħħaħ il-kontroll fid-daħla tal-bank għax installa sistema ta’ bibien doppji imma l-HSBC fetaħ l-aċċess beraħ tal-fergħat għax il-bibien ma kinux qed jissakkru u l-għassiesa tneħħew minn mal-banek.
Fl-ittra lill-awtoritajiet Zammit jgħid li “kont qed intella’ u nniżżel jekk niktibx dan kollu lill-gazzetti lokali imma meta erġajt bdejt naħseb ippreferejt li nuri t-tħassib tiegħi lilek għax int f’pożizzjoni li tieħu azzjoni.”
L-ittra tkompli: “Aktar minn hekk, jien qed nikteb din l-ittra f’dan iż-żmien għax jekk allaħares qatt ikun hemm xi attakk fuq xi fergħa ta’ l-HSBC u jkun hemm konsegwenzi traġiċi ma jiġi ħadd jakkużani li wara li ġara l-każ kulħadd għaref.”
Fost l-argumenti li jġib l-eks Kap tas-Sigurtà ta’ l-HSBC hemm il-ksur ta’ l-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà. “Artiklu 6 (2) (f) jgħid li hu l-obbligu ta’ min iħaddem li jara li miżuri ta’ protezzjoni lil kulħadd jingħataw prijorità fuq miżuri ta’ protezzjoni individwali. Dan minħabba l-fatt li bankiera li jaħdmu wara l-cash line għandhom l-aqwa sigurtà, imma dawk li jaħdmu fil-kumplament tal-fergħa m’għandhom l-ebda sigurtà.”
Il-pulizija kienet wissiet lill-HSBC
John Rizzo, il-Kummissarju tal-Pulizija, qal li meta fl-2000 il-Korp kellu taħditiet ma’ l-HSBC dejjem insista li l-bank “se jagħmel żball li jneħħi l-pulizija armati.”
“Imma l-bank kien argumenta li ried idaħħal il-mudell ta’ barra minn Malta li l-fergħat ikunu aktar ‘friendly’ mal-pubbliku u mhux isib pulizija ma’ wiċċu. Personalment jien naħseb li l-Maltin kienu draw bil-kultura li l-banek ikunu mgħassa wara kollox għall-ġid tagħhom stess,” kompla l-Kummissarju.
Mitlub jikkummenta dwar l-ittra mibgħuta minn John A Zammit il-Kummissarju tal-Pulizija sostna li “ma jiftakarx dwarha.”
Dwar il-kontenut ta’ l-istess ittra Rizzo sostna li l-eks kap tas-Sigurtà ta’ l-HSBC kien involut fit-taħditiet mal-Pulizija u kellu kull ċans li f’dak il-perjodu jagħmel ir-rimarki li spiċċa għamel fl-2005.
Iżda, ikkonfronatat minn din il-gazzetta dwar dan il-punt l-eks Kap tas-Sigurtà ta’ l-HSBC qal li hu kien ilmenti mal-bank diversi drabi.
“Iddeċidejt li nitlaq mill-HSBC u nieħu s-somma ta’ l-irtirar kmieni f’Ġunju ta’ l-2000 u kont rilaxxat 9 xhur wara,” jispjega Zammit.
“Għażilt li nitlaq minn dan il-bank minħabba numru ta’ raġunijiet, ewlenija fosthom li ma stajt qatt naqbel mas-sigurtà li kien qed jipproponi l-Management.
“Sakemm kont għadni mpjegat ta’ l-HSBC kienu għadhom ma tneħħewx il-pulizija armati mill-bank. Dak iż-żmien kien għad hemm ukoll għassa ipprovduta mir-Revenue Security Corps li taqa’ taħt il-Forzi Armati ta’ Malta.”
“Jien kont kontra li titneħħa din is-sigurtà u dejjem insistejt fuq sigurtà aktar b’saħħitha milli riedu l-HSBC,” spjega John Zammit.
“Lura fl-1999, meta kien ġie minn barra minn Malta l-Head Group Security ta’ l-HSBC, kont insistejt miegħu fuq numru ta’ fatturi fosthom tas-sistema doppja ta’ bibien imma wara li tlaqt ħadu d-deċiżjoni finali li s-sistema tkun injorata kompletament u li jimxu fuq il-mudell li l-HSBC kien qed jimplimenta barra minn Malta,” temm Zammit.