MediaToday

Sports| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Disa’ snin ta’ Argumenti sportivi

L-idea ta’ intervista mal-preżentatur tar-rebbieħ ta’ l-aqwa programm sportiv fil-Malta Television Awards ippjanajtha minn qabel.
Il-vuċi ta’ Wilfred Sultana, il-persuna li ħabbar min kien ir-rebbieħ, wittietli t-triq lejn il-kumpless il-kumpless ta’ One Productions fil-Marsa. It-triq nafha sew. Huwa l-istess post li għal snin twal ħdimt fl-istess Dipartiment Sportiv rebbieħ.
L-appuntament ma’ Mark Cutajar kien għat-Tnejn filgħaxija. Sakemm nasal sa l-uffiċju tiegħu nsib ftit tal-ħin biex nieqaf inkellem uħud mill-eks kollegi tiegħi. Kollegi nista’ nsejħilhom eks, imma ħbieb jibqgħu sal-mewt. Insakkru l-bieb warajna, inpoġġu bil-qiegħda u jgħidli, “Ibda…staqsieni fuq xiex trid u fuq xiex jogħġbok. Lest nirrispondi għal kollox.” M’hemmx dubju li kulmin iqarreb lejn il-professjonalità juża dan it-ton f’okkażjonijiet simili u jitolbok biss biex ikun ikkwotat tajjeb. Jien hekk għamilt.
Ma’ Mark Cutajar ħdimt għal diversi snin. Mhux dejjem qbilna f’dak kollu li jgħid u jagħmel. Ħafna mill-battibekki li kien ikolli miegħu kienu jkunu proprju fuq hekk. Però n-natural tal-karattru spontanju żżejjed tiegħi u li kelma ngħidha jafha biżżejjed u probabbli li b’hekk bqajna ħbieb sal-ġurnata tal-lum. It-tnejn naċċettaw lil xulxin kif aħna. Żgur li f’ħajti minix lest naċċetta affarijiet kontra qalbi jew li ma naqbilx magħhom biex niġi ippremjat. Wasalt fejn wasalt għax sibt min kellu fiduċja fija u anki jekk mhux f’kollox, Mark Cutajar kien wieħed minnhom.
Iżda li hu tiegħu ma tistax ma tagħtihulux. Cutajar huwa ġurnalist sportiv b’kuraġġ li fil-pajjiż ma tiġborx aktar minn ħamsa tal-kwalità tiegħu. Id-diskors fuqu ta’ ħafna mill-pubbliku Malti li ma jafux personalment huwa ta’ stramb u antipatiku. Fil-verità, jista’ jkollu mumenti bħal dawn waqt il-ħin tax-xogħol iżda jekk nikkunsidra kollox, ngħid li hija aktar il-pressjoni żejda li ġieli taqa’ fuqu li ġġiegħlu jirreaġixxi b’dan il-mod.
“Jista’ jkun li jqisuni stramb. Il-karattru tiegħi huwa wieħed li jew tħobbni jew tobgħodni. Min iqisni starmb u ndejqu niskuża ruħi miegħu għax qatt ma tkun l-intenzjoni tiegħi. Pero’ li hu żgur li dak li ngħid u nagħmel jien qatt ma jkun biex inweġġa’ lil xi ħadd. Għandi ħafna difetti għalhekk inħalli lil ħaddieħor jgħidli liema huma.
“Mark Cutajar fuq it-televiżjoni joqrob ħafna tal-persuna vera li jien. Fil-familja ġejt responsabbli ħafna aktar milli kont qabel l-aktar wara l-wild taż-żewġt itfal tiegħi. Id-dar nkun nervuż f’ħafna drabi għax inħobb infittex il-perfezzjoni f’kulma nagħmel. Fuq ix-xogħol l-istess. Inħobb niċċajta u xi kultant ma nindunax fejn min ikun qed ikellimni jkunx qed jiċċajta jew le u forsi dak huwa wieħed mid-difetti kbar li għandi.”
Mark Cutajar huwa iben Benny u Paula u twieled fis-6 ta’Awissu 1971, eżatt mal-Perit Dom Mintoff għalkemm ma nafx x’jista’ jkun hemm simili bejn it-tnejn. Joqgħod Marsaxlokk u miżżewweġ lil Vicky Licari, ġurnalista sportiva wkoll u waħda minn fost l-aqwa judoki tal-pajjiż. Għandhom tewmin ta sena u nofs bl-isem ta’ Zak u Zea.
“Jien ma kontx nissaporti ma’mara li kieku ma kinitx tħobb l-isport. Minn dejjem kelli x-xewqa li niżżewweġ sportiva u ltqajt magħħa l-ewwel darba proprju fiż-żmien il-PBS. Hija mara li tħobb it-televiżjoni bħali l-aktar fejn jidħlu l-programmi sportivi. Hija l-ewwel kritiku tiegħi fejn jidħol it-televiżjoni u viċi versa. Ngħinu lil xulxin u naħdmu flimkien u l-fatt li nkunu mpenjati ħafna fl-istess ħinijiet jagħmilha aktar diffiċli għalina biex inqattgħu ħafna mill-ħin mat-tfal.”
Immurlu lura fis-snin u nistaqsih kif kien il-bidu tiegħu fil-qasam ġurnalistiku.
“Fil-qasam ġurnalistiku bdejt ħafna snin ilu lejn is-sena 1990. Lil missieri kont urejtu x-xewqa li nibda nikteb xi ħaġa u kien qalli li jaf kuntatt il-Malta Independent. U għamilli kuntatt ma’ Henry Calleja. Kont bdejt nirrapporta l-logħbiet tal-waterpolo. Kien Henry stess li għeni biex applikajt il-PBS. Kien għamilli l-interview il-mibki Michael Darmanin u konna dħalna jien u Mario Axiaq. Bdejt nagħmel il-kollegamenti ta’ l-Ewwel Diviżjoni u aktar ma għadda żmien aktar bdejt inżid fix-xogħol. Fuq it-televiżjoni bdejt ma’ George Micallef u minn hemm għamilna diversi programmi bħal Line Up u Goal.”
Mark jiżvela forsi għall-ewwel darba fil-pubbliku r-raġuni vera għalfejn kellu jtemm il-karriera tiegħu mill-PBS. Jien naf x’jiġifieri perfettament. Personalment nemmen li bejn il-każ tiegħi ta’ erba’ snin ilu u l-każ tiegħu ta’ disa’ snin ilu hemm ħafna similarità.
“Fl-1998 għaddejt minn biċċa xogħol kerha. Il-Partit Laburista tilef l-elezzjoni ġenerali u milli jidher minn ftit wara x-xogħol tiegħi ma baqax apprezzat. It-twemmin politiku tiegħi kulħadd jafu u sa dakinhar fil-PBS qatt ma kienet tħalltet politika ma’ sport. Wara xi sitt snin nagħmel il-programm waħdi kienu qaluli se jġibuli preżentatur ieħor miegħi biex nitgħallem minnu għax ma kontx tajjeb biżżejjed. Minn hemmhekk il-kap tat-taqsima sport urieni li m’għandux aktar fiduċja fija. Beda jgħidli li kont qed ngħin lil Super 1 u li kont qed ngħaddi xi materjal lill-istazzjon. Bdejt ninduna li l-fiduċja fija spiċċat.
“Dak iż-żmien kont tkellimt ma’ nies li kienu viċin Super One fosthom persuni bħal Manuel Cuschieri li darba fost l-oħrajn staqsieni nkunx interessat nibda Super 1. Qabbadni ma’ Albert Marshall li kien ħabib tiegħi wkoll u bdejt hawnhekk. Iltqajt ma’ Teddy Borg li kien imexxi dan is-settur u kien hu li ddeċieda fuq l-isem ‘L-Argument’. “
Nistaqsih kif wara żmien qasir kien spiċċa Kap ta’ One Sport.
“Hija storja twila ħafna. Kien hemm Alfred Mifsud charmain u darba fost l-oħrajn bagħtu għalija u qaluli nkunx interessat inkun jien il-Kap ta’ One Sport. Qaluli li kellhom bżonn żagħżugħ imexxi dan id-dipartiment. Għall-ewwel ħsibtha ftit, konxju li kien hawn nies li kienu ilhom aktar minnhi hawn ġew. Però l-ambizzjoni tiegħi dejjem kienet li xi darba mmexxi dipartiment sportiv u għalhekk wara li ċċarajt ċertu affarijiet aċċettajt bil-qalb kollha. Minn dejjem ippruvajt nagħmel minn kollox biex ikollna grupp maqgħud u naħseb li minn dan il-lat irnexxieli. Fl-opinjoni tiegħi naħseb li aħna l-aktar dipartiment sportiv effiċjenti li hawn fil-pajjiż.”
Tmien t’ijiem ilu, ‘L-Argument’ rebaħ l-unur ta’ l-aqwa programm sportiv fuq it-televiżjoni lokali. Jgħidli li ma kienx sorpriż li dan l-unur ħadu lejn il-kumpless tal-Marsa.
“Bħalma għidtlek f’kumment qasir għall-istorja tiegħek tal-Ħadd li għadda, dan l-unur ifisser ħafna u ma jfisser xejn. Wara li konna nafu li sena wara sena nirbħu survey fuq ieħor, issa fisser li anki ġurija professjonali kkwantifikat dan kollu f’unur.
Jien irrid inkun onest miegħek u ngħidlek li qisni kont ċert li l-unur kont se nirbħu jien. Forsi tgħidli li qed nara kbir imma jien kont qed nemmen ħafna fix-xogħol li konna qed nagħmlu bħala tim. Pero’ daħħluli ftit dubji bħal jekk min se jiġġudikah kienx xi bniedem li jien ġieli kkritikajt u affarijiet hekk. Pero’ tkellimt ma’ nies li huma kolonni fil-qasam tax-xandir bħal Norman Hamilton u la bniedem hekk jgħidlek li qiegħed b’ċans kbir li tirbaħ ma stajtx ma nemmnux.
“Hekk kif irbaħt l-award tal-ġimgħa l-oħra ppruvajt insemmi ħafna affarijiet u nies li xtaqt nirringrazzja li l-Argument wasal fejn wasal illum fosthom lilek li kont parti mit-tim tas-sena l-oħra. L-unur iddedikajtu għall-ġurnalisti sportivi onesti għax ċerti ġurnalisti sportivi mhumiex onesti. L-onesti huma fil-maġġoranza u nies bħal dawn niġġudikahom fuq kemm dejjem sibthom ta’ għajnuna u jippruvaw jagħtuk pariri siewja u ma joqgħodux jaraw ma’ liema stazzjon tkun qed taħdem. Jien ħadd pjaċir b’ċerti sms’s li rċevejt mingħand persuni li jaħdmu ma’ stazzjonijiet oħra li wrew l-apprezzament tagħhom għal dan l-award. Pero’ nemmen li jkun hemm xi tfixkil u dan jiddiżappuntani. Safejn naf jien f’ħajti qatt m’għamilt ħsara lil ħadd. Għandi relazzjoni eċċellenti ma’ ħafna mill-ġurnalisti però ma jistax ikollox relazzjoni eċċellenti ma’ kulħadd.
“Dak il-ħin li tlajt fuq il-palk insejt insemmi lill-eks kollegi tiegħi fil-PBS li nħoss li tilfu darhom wara tant snin ta’ servizz. Il-PBS għalqilhom il-bieb milli jkomplu jipproduċu programmi sportivi. Issa l-PBS hu dak li hu u sport kważi xejn. Nispera f’Alla li jekk jinbiddlu l-affarijiet minn hawn u ftit ġimgħat oħra l-PBS jerġa’ jagħti fiduċja lis-settur sportiv.”
Ikellimni fuq kemm hu għal qalbu l-Argument filwaqt li jġedded il-memorji tal-persuni li taw sehmom fil-passat.
“L-Argument ifisser ħafna għalija. Huma disa’ snin li bis-saħħa tal-ħidma ta’ kulħadd għamluh l-aktar programm popolari. Ma nistax ma nsemmiex nies bħalek, Norma Saliba, Janice Briffa, Joanna Farrugia, John Calleja, Twanny Buhagiar u Mario Bonnici li ħdimtu miegħi fil-passat. U niġi għaż-żmien ta’ llum b’nies bħal Alex Camilleri, Davina Sammut u Clinton Buhagiar. L-Argumant parti minn ħajti. Is-saħħa ta’ dan il-programm huwa li jien qatt ma ħdimt għall-esklussivitajiet jew biex nimpressjona lin-nies. Jien dejjem ħdimt u rrapurtajt dak li n-nies iridu vermant jaraw u l-misteru wara s-suċċess huwa dan kollu.
“L-Argument kampa tant snin għax il-fiduċja tad-diriġenti lejh dejjem kienet waħda kbira. Dejjem ħallew l-Argument f’ġurnata importanti bħat-Tnejn u l-isponsors dejjem urew fiduċja kbira fina. Però l-akbar vantaġġ ta’ l-Argument dejjem kien li matul is-snin ħadmu fih nies onesti li dejjem raw quddiemhom x’l-aktar jeħtieġ għall-ġid ta’ l-istazzjon. Kulħadd għamel l-almu tiegħu biex noħorġu bi prodott tajjeb. Ma jfissirx li ma kellnix ġlied u ma sarux teatrini. Ġieli sibna min telaq u reġa’ lura u sibna wkoll minn telaq u l-għada mar izekzek fuqhi li m’iniex raġel.”
Deher iddispjaċut. Jien qatt ma qbilt ma’ affarijiet bħal dawn. Jien persuna li dak li jkolli ngħidlek ma niddejjaqx ngħidulek f’wiċċek, inti min inti. Lil Mark Cutajar kulma f’ħajti kelli ngħidlu qatt ma ddejjaqt ngħidulu wiċċ imb’wiċċ. Iżda personalment, kontra One Productions jien qatt ma nista’ ngħid xejn. Kienet din il-kumpanija li tagħtni l-ewwel opportunitajiet ta’ ħajti fuq it-televiżjoni u jekk illum il-ġurnata wasalt x’imkien, huwa kollu bis-saħħa ta’ One Productions. Dak huwa l-mod li bih inħares jien lejn affarijiet jien. Ħaddieħor hu ferm aktar differenti minnhi.
Ikompli jkellimni fuq l-Argument…
“Vera li fil-programm ġieli kien hemm it-tgħajjir personli u ġieli anki qabżitli u kont se nitfa’ xi tnejn il-barra. Jiġri hekk kulmeta nagħmlu programm fuq il-futbol internazzjonali għax ikun hemm min jaħseb li qiegħed imexxi l-FIFA jew il-UEFA jew xi club internazzjonali. Nemmen li jkun hawn min jiġi speċifikament fil-programm biex joqgħod jitgħajjar. F’każ bħal dak sta għall-preżentatur jiġifieri għalija li dan ma jsirx. Fl-isport l-aktar li jdejjaqni huwa t-tgħajjir personali u waħda mill-miżuri li ħadd kienet li sms li jintbgħat fil-programm u li bih jista’ joffendi ruħu xi ħadd ma joħroġx.”
Nitkellem ma’ Mark fuq l-isport inġenerali. Jgħidli li f’dawn l-aħħar snin kemm ilu midħla sew hu fl-isport lokali, ra l-akbar avvanzi jsiru fl-atletika.
“L-atletika l-aktar sport li għamel avvanzi kbar f’pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Fil-passat konna nagħmlu wegħda biex nirbħu midalja. Illum bid-diffikultajiet kollha li għad għandna, l-atleti nazzjonali qed jagħmlu ħinijiet kbar u qed jirbħu u jiksbu unuri kbar għall-pajjiż. Ħadt pjaċir u kont kburi li Malti waqt il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fit-tlielaq fejn Malta rebħet dawk il-midalji kollha fl-atletika.”
Kien hawn diċerija li Cutajar kien wieħed mill-ġurnalisti ewlenien li xtaq li ssir bidla fl-amministrazzjoni ta’ l-MFA fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali. Inkellmu fuq dan kollu u nistaqsih kif inhi r-relazzjoni preżenti bejnu u bejn l-assoċjazzjoni.
“Ir-relazzjoni bejnietna tjiebet ħafna biż-żmien u dan grazzi għal Ivan Vella it-tim manager ta’ l-MFA. Nixtieq nagħmilha ċara fuq ċertu diskors li kien hawn fuqhi li jien xtaqt il-bidla. Jien smajt lil Norman Darmanin Demajo u smajt lil Dr. Joe Mifsud. Nemmen li t-tnejn setgħu jagħmlu l-ġid għall-futbol Malti imma qatt ma għidt li xtaqt li tinbidel l-amministrazzjoni.
“Jien għalija Joe Mifsud għamel ġid kbir għall-futbol Malti. Il-karattru tiegħu tjieb ħafna fejn li kien qabel. F’dawn l-aħħar snin l-MFA għamlet avanzi kbar.”
Sa ftit tax-xhur ilu, Cutajar kien ukoll membru fil-Kumitat ta’ Marsaxlokk. Ir-raħal tiegħu huwa għal qalbu ħafna tant li kien anki President tat-tim tal-waterpolo tal-lokali xi snin ilu.
“Ilni noqgħod Marsaxlokk minn qabel is-sena 2000. Minn dejjem ħabbejt dan ir-raħal u n-nies tal-lokal huma ġenwini ħafna u jożżannawk f’kulma tagħmel. Illum kumbinazzjoni smajt telefonata fil-programm Kalamita ta’ Alfred Zammit fejn persuna minn Marsaxlokk ċemplitli biex tifraħli ta’ l-award li rbaħt. Kont ukoll President tat-tim tal-waterpolo ta’ Marsaxlokk. Kont sena wkoll viċi President tat-tim tal-futbol u dan grazzi għal Peter Harthorne li huwa wieħed mill-ħbieb il-kbar li għandi. It-tmexxija ta’ Victor Sciriha kienet togħġobni ħafna imma din is-sena ma ħassejtnix komdu naħdem ma’ ċerti nies fil-kumitat li nħoss li jien ma kellhiex il-fiduċja tagħhom. Meta fil-ħajja jiġru każijiet bħal dawn, l-aħjar ħaġa li nagħmel hi dik li nwarrab.”

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075