MediaToday

Carmelo| Mifsud Bonnici 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Kreditu politiku

1.Ma naħsibx li dan għadu poplu fejn dawk li m’humiex mgħallma qegħdin fil-maġġoranza. Anzi sforz diversi fatturi, fosthom (u l-iktar determinanti) dik li f’dan il-pajjiż f’dawn l-aħħar għoxrin sena l-edukazzjoni saret priorità tal-Gvern, ma bqajniex ngħixu f’post fejn min imexxi kien jaqbillu li l-elettorat ma tantx ikun mgħallem. Għax ovvjament, iktar ma jikber il-valur intellettwali u kulturali ta’ min jeżerċita d-dritt tal-vot, iktar jistaqsi mistoqsijiet u jitlob livell ogħla mill-grad tal-ħidma politika. Ma’ dan il-konfront il-Partit Nazzjonalista ma beżax, anzi ħa ħsieb li jibni poplu li jikkontribwixxi aktar.

2.Illum m’għadx għandna maġġoranza li taċċetta kull ma jingħadilha. Trid tkun taf u mhux lesta li toqgħod lura milli tesprimi pubblikament nuqqas ta’ qbil. Dan żgur li sewa u jibqa’ valur għall-bini ta’ pajjiż aħjar milli kellna. Iktar ma l-poplu jiġi edukat jikbru iktar id-demokrazija, il-ġustizzja, l-ekonomija, il-paċi u l-kultura. Wasalna fejn wasalna għax sar dan l-investiment u ħadna ħsieb nagħmlu l-edukazzjoni proċess li jaqbillek b’kull mod. Però l-verità qed toħroġ li altru l-avvanz fl-assimilar u l-analiżi ta’ dak li jingħad lill-poplu u altru kemm qed tingħata informazzjoni.

3.Fis-soċjetà tagħna għandek żewġ fatturi li qed jaħdmu kontra iktar tixrid tal-fatti u informazzjoni. L-ewwel, il-persuni li qed jaraw l-aħbarijiet kuljum u jaqraw il-gazzetti b’xi mod qed jonqsu. It-tieni, l-aċċess għall-medja u għall-ħin fuqhom qiegħed ukoll imur sistematikament lura. Għalhekk, għalkemm hemm il-fatti għad-disposizzjoni, dawn m’humiex jaslu sabiex il-bnedmin ta’ dawn il-Gżejjer jifhmu. Fuq dan l-għarfien, minflok qed ikun hawn min qiegħed fil-politika u jimla bit-tajjeb, qiegħed idaħħal elementi ġodda li ma għandhom x’jaqsmu xejn mal-verità.

4.Naraw għalhekk li, flok li l-politiċi qed jitħallew jgħinu sabiex jinfurmaw, dawn it-talin minflok qed jimmiżinfurmaw. Jgħidu lill-poplu dak li m’huwiex verità bħallikieku kien hekk. Dan jidher il-ħin kollu, l-ewwel, fuq l-identifikar ta’ dawk li huma problemi u t-tieni, fil-proposti għas-soluzzjoni tagħhom. Nibdew mill-prezz tal-petrol u d-diesel u dik tad-dawl u l-ilma. Il-problema qed tiġi prospettata mill-partit fl-Oppożizzjoni bħala waħda lokali u nazzjonali, meta m’hix. Qisha waħda li ġejja konsegwenza ta’ ħidmet il-Gvern u tiddependi fuq min għandu dan il-poter f’idejh. Xejn ma jista’ jkun il-bgħid mir-realtà għax kull min jaqra jaf x’ġara, u x’qed jiġri.

5.Il-Guardian Weekly, ftit ġimgħat ilu fetaħ l-ewwel paġna b’dan it-titolu sempliċi: “World economy shakes as oil nears $100 a barrel”. Mhux biss, iżda jispejga li dan il-prezz tela’ ’l fuq għal diversi raġunijiet fosthom l-ewwel, il-biża’ li l-instabilità politika fil-Pakistan ser iġġib effetti ħżiena fil-Medju Orjent; it-tieni, il-fatt li linji taż-żejt fil-Yemen ġew imtajra; t-tielet, il-biża’ li hemm inqas żejt fis-suq minn kemm hemm bżonn; u r-raba’, l-ħruq f’raffinerija f’Texas. F’ebda mument ma jidher il-Partit Nazzjonalista bħala kaġun ta’ din iż-żieda. Il-problema qed ikollha effetti ħżiena fil-pajjiżi kollha tad-dinja u għalhekk hija internazzjonali.

6.L-istess il-kwistjoni taż-żidiet fil-prezzijiet ta’ numru ta’ prodotti, kemm dawk attwali u kemm dawk perċepiti. Hawn ukoll, kull min tgħallem ir-regoli bażiċi ta’ l-ekonomija bażata fuq is-suq ħieles jaf li ma tistax tikkontrollahom bil-liġijiet iżda billi tiftaħ iktar il-kompetizzjoni u tnaqqas il-monopolji. Hawn ukoll il-messaġġ soffista huwa li l-Gvern jista’ jagħmel xi ħaġa, mentri fir-realtà l-verità hija li le. Però quddiem in-nuqqas ta’ informazzjoni din tibqa’ ripetuta. L-istess fuq il-kwistjoni tal-ħlas tat-taxxa fuq l-overtime. Il-proposta titqiegħed fuq binajri mhux kalkolati b’sempliċi ħsieb li tista’ tkun karrotta li warajha jiġri l-elettorat mhux informat. Ħareġ diġà ċar daqs il-kristall li l-figuri ma nħadmux mill-partit fl-Oppożizzjoni u lanqas ma ttieħed in konsiderazzjoni li lill-ħaddiem ma jaqbillux għax dan jaf li fl-aħħar tal-ġurnata l-pensjoni tinħadimlu fuq kemm kellu salarju u mhux kemm qala’ overtime.

7.Il-poplu jista’ jiġi trattat bħal dik il-bhima li tiġri wara l-karrotta, però ma jfissirx li huwa hekk. Il-kreditu politiku ta’ min irid jagħti affidament ta’ tmexxija tajba fil-futur jiddependi minn dan. L-iżball li din id-demokrazija tista’ tgħaddi minnu jkun dak li dawk li jgħarfu l-verità ma jitkellmux. Ta’ dawk li jgħalqu ħalqhom għax jaħsbu li ma hemmx bżonn jitkellmu jew li huwa diffiċli tmur kontra l-kurrent. Però iktar ma wieħed joqgħod lura, iktar il-pajjiż jiġi mhedded. U iktar ma jiġri dan, aktar tonqos il-kredibilità fil-politika u l-politiċi ta’ dawk li finalment sejrin jaslu għall-verità, illum jew għada. Jixraq li dan il-poplu jkollu l-intelliġenza tiegħu rispettata b’ideat u proposti li għandhom mil-loġika u l-fatti.

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075