Emmanuel Micallef 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Fil-politika żbalji ta’ kuxjenza ma jsirux wieħed u tnejn. Ħafna drabi dawn in-nuqqasijiet kultant gravi jkunu riżultat ta’ deċiżjonijiet mgħaġġla jew sforz tattiċi intenzjonati biex jagħtu impressjonijiet mod meta s-sitwazzjoni tkun ferm differenti. Illum jew għada ż-żejt jitla’ f’wiċċ l-ilma u l-verità toħroġ. Is-serħan tal-kuxjenza forsi jdum biex jinkiseb imma fl-aħħar mill-aħħar il-kuxjenza ma torqodx qabel ma ssib l-iżvog tagħha.
Hekk ġara fil-każ tal-kritika, għal xi wħud attakk, li għamel dan l-aħħar id-deputat Laburista Michael Farrugia dwar l-ewwel intervent mediku li sar fl-isptar Mater Dei. Qamu l-irwiefen kollha, x’aktarx li ġustament, iżda l-każ indifen ħesrem taħt l-iskuża li t-tabib Farrugia u l-Professur Fenech iltaqgħu fil-privat u rranġaw id-differenzi.
Każ magħluq qalulna.
L-istess ġara fil-każ John Dalli. Wara karriera twila jokkupa karigi ministerjali prominenti fuq in-naħa tal-Partit fil-gvern, tliet snin ilu – bħal sajjetta fil-bnazzi – dan ħabbar ir-riżenja ministerjali tiegħu u spiċċa fuq is-siġġijiet ta’ wara tal-parlament. Fl-ittra tar-riżenja kien qal li ma setax jaħdem bil-kalma u l-libertà li xtaq għax kien qed iħossu imminat minn kullimkien.
Ħarġu fil-beraħ l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu. Issemma l-involviment minn naħa tal-familjari f’kumpanija tal-vapuri; issemmew ix-xiri tal-biljetti ta’ l-ajru għall-uffiċjali fil-ministeru minn kumpanija partikolari; issemma mbagħad il-każ ta’ l-involviment ta’ Dalli fl-ogħti ta’ wieħed mill-kuntratti għall-isptar Mater Dei.
Dalli ċċekken quddiem il-poplu u ta’ uman li hu irreaġixxa. Sar kritiku anki għall-politika tal-gvern u tal-partit li hu kien jifforma parti minnu. Sadanittant għal iktar minn okkażjoni waħda talab li ssir ġustizzja miegħu. Sostna li kien innoċenti. Anzi li kien il-vittma ta’ rikatt politiku. Ma waħħalx biss fl-avversarji politiċi tiegħu anzi stqarr li ma jeskludix li kien hemm min hu ta’ ġewwa li għorok idejh bis-sitwazzjoni li sab jew li ġabuh fiha lil John Dalli.
Għaddew tliet snin u mill-istess kamra li tħabret ir-riżenja ta’ John Dalli issa tingħata l-aħbar li John Dalli nħatar konsulent ewlieni tal-Prim Ministru. Dak li qabel kien sar qisu n-nagħġa s-sewda tal-partit, li dwaru ħafna kienu jaħsbu li kien ikun aħjar li jtemm il-karriera politika tiegħu, issa reġa sab ruħu spalla ma’ spalla mal-kap tal-partit li miegħu kien ikkontesta għall-istess kariga.
L-allegazzjonijiet, wara li ġew investigati, uħud minnhom bil-qorti u oħrajn barra l-qorti, spiċċaw bżieżaq mifqugħin fl-ajru! Qalulna wkoll li issa dan hu każ magħluq. Mhux għall-memorja ta’ l-istess Dalli. Għalih żgur li dawn kienu l-agħar tliet snin tal-karriera politika tiegħu.
Iżda b’din l-istorja jitqajjmu bosta mistoqsijiet. Ta’ min kienet id-deċiżjoni li b’xi mod jintlaħaq kompromess ma’ Dalli?
Wara tliet snin fl-eżilju jew fid-dell partiġġan Dalli kien daqshekk b’saħħtu li seta’ jaffettwa l-voti tal-PN fl-elezzjoni ġenerali? Għaliex ma sabx ruħu fil-kabinett? Tgħid għax kienet tidher li qed issir reshuffle lejliet l-elezzjoni? Għaliex ingħatat issa l-aħbar li l-Awditur Ġenerali kien ingħata parir ma jiffirmax ir-rapport li kkonkluda dwar l-involviment ta’ Dalli u mhux qabel?
X’ġiegħel lil Dalli jaċċetta l-ħatra ta’ konsulent tal-Prim Ministru ftit ġimgħat biss qabel ma’ jkun prim ministru care-taker?
Kien hawn min qal li dan iċ-ċaqlieq hu kwistjoni interna tal-PN. Assolutament mhux il-każ. Tant hi kwistjoni ta’ interess pubbliku li ngħatat konferenza ta’ l-aħbarijiet li ssejħet b’urġenza. Fil-fatt, il-politiku m’għandu qatt jaħrab l-iskrutinju tal-pubbliku. Iktar u iktar jekk qed nittrattaw kwistjoni sensittiva li tinvolvi lill-gvern. Għalhekk il-poplu għandu dritt ikun jaf mhux biss il-qoxra ta’ barra imma l-qalba ta’ ġewwa ta’ l-istorja.
Jibqa’ allura misteru x’wassal eżattament għar-riżenja ta’ l-eks ministru tal-affarijiet barranin. Jibqa’ misteru wkoll min kien wara r-rikatt politiku li tiegħu safa vittma John Dalli. Xi ħadd xi mkien kellu jerfa’ r-responsabbiltà politika. Ma nistgħux nitkellmu dwar kontabbiltà u trasparenza fil-politika mbagħad lil poplu nistmawh qisu xi ebete’ u nippretendu li jagħlaq ħalqu u għajnejh u jsodd widnejh għax issa ‘l-każ magħluq.”
Lil hinn mill-kritika purament partiġġana l-każ John Dalli għandu jservi ta’ tagħlima. Mhux għall-PN jew għall-gvern nazzjonalista biss. Fil-politika kulħadd jgħum fl-istess baħar.
Iżda żgur li ċ-ċittadin irid jitgħallem ma jieħux l-affarijiet at face value. Iċ-ċittadin jistenna bid-dritt li min jieħu d-deċiżjonijiet irid jeħodhom bi skop ġenwin anki jekk ikunu iebsin. Iridu iktar kontabbiltà, trasparenza u serjetà minn naħa tal-politiċi.
Il-politiċi fil-qadi ta’ dmirijiethom fil-gvern jew fl-oppożizzjoni ma jibqgħux uffiċjali per se tal-partit tagħhom. Fuq kollox għandhom il-funzjoni li ġġorr magħha dmirijiet u responsabiltajiet ta’ rapprezentanti tal-poplu u għalhekk iridu juru lealtà assoluta lejn l-istess poplu.
Hemm stejjer li jinkitbu frott il-fantasija u l-immaġinazzjoni. Iżda hemm stejjer li jinkitbu frott l-esperjenzi u r-realtajiet tal-ħajja. Ħasra li nibdew inħalltu dawn iż-żewġ tipi ta’ stejjer ma’ xulxin.
Fl-istorja John Dalli bqajna ma nistgħux niddistingwu bejn it-tnejn.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|