MediaToday

Ittri| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Ġustizzja bilanċjata mhux evakwazzjoni

Minn Saviour Cachia,
Marsaskala

Kienet interessanti ħafna paġna 21 ta’ Illum tal-25 ta’ Novembru, għax kien fiha kontribuzzjonijiet li wasslu fehmiet diverġenti dwar il-qagħda li tirrenja f’pajjiżna fejn jidħlu postijiet mikrija qabel l-1995. Kellna l-pożizzjoni tal-propretarji nfushom kif ukoll ħsibijiet dwar l-ispekulazzjoni fis-suq tal-proprjetà.
L-ittra ta’ Michael Briguglio, b’mod dinjituż kienet reazzjoni għal dak li ktibt jien fuq is-suġġett fil-ħarġa ta’ qabel.Briguglio tana x-xenarju kollu tat-twemmin ta’ Żminijietna – Leħen ix-Xellug.
Semma punti li ħaqqhom kunsiderazzjoni xierqa u fit-teorija jaqblu ma’ ċerti ideat espressi minni. Għalhekk m’hemmx lok li nidħol f’xi kontroversja ma’ Briguglio. Anzi nħeġġeġ lil Żminijietna – Leħen ix-Xellug ikomplu jisħqu biex dak li qed jipproponu sa fl-aħħar jitwettaq minn dawk li huma fil-poter.
Niċċara punt wieħed biss. Fl-ittra tiegħi sħaqt li m’għandhiex issir xi ħaġa li tiżvantaġġa lill-inkwilini imma lanqas mhu sew li l-partiti rappreżentati fil-parlament jibqgħu jippermettu li din is-sitwazzjoni tkompli għaddejja għas-spejjeż tas-sidien oriġinali jew l-eredi tagħhom.
Hu ċar li jrid ikun hemm l-intervent ta’ l-Istat permezz ta’ liġi tal-kera emendata bl-iktar mod bilanċjat li tqis iż-żewġ naħat tal-munita: l-inkwilini u s-sidien.
Fi żminijiet qabel l-1995 sid kien jagħmel ftehim ta’ kera ma’ l-inkwilin oriġinali u żgur qatt mhu ġust li dan id-dritt ‘divin’ jintiret minn xi ħadd minn uliedu. Mhux sew lanqas li s-sid jew il-werrieta ma jistgħux jeżerċitaw id-dritt tagħhom fl-ambjent kummerċjali tal-lum.
Hawn fejn jidħol l-Istat. Jekk l-Istat iħoss li tali eredi ta’ l-inkwilin orġinali m’għandux jiġi evakwat għaliex kif spjega Briguglio tkun qed tinħoloq inġustizzja soċjali għax ma tistax titfa’ n-nies barra t-triq. Sadanittant l-Istat irid jara li jidħol biex jerfa’ l-piż finanzjarju ma’ l-inkwilin ħalli s-sid jew l-eredi tiegħu jingħataw kerha ġusta fl-ambjent tal-prezzijiet tas-suq tal-lum.
Wara kollox proprjetajiet bħal dawn, jekk huma diċenti għall-għajxien, ikunu qed iħaffu l-obbligi tal-Gvern li kull sena jrid jibni ammont ta’ bini biex jissodisfa l-bżonnijiet soċjali.
L-għajnuna min-naħa tal-Gvern li tinħareġ kull differenza dovuta għandha tkun konkluża permezz ta’ test tal-mezzi biex ħadd ma jkun żvantaġġat, lanqas l-istess pubbliku li jkun qed iħallas it-taxxi.
Nifhem li l-Gvern jista’ wkoll jaħseb biex japplika l-home ownership scheme f’dawn iċ-ċirkostanzi. B’hekk ikun qed jagħti l-opportunità li inkwilin, biex ngħidu hekk, sfurzat fuq l-eredi, li jkollu l-mezzi biex jixtri l-post fejn ikun qed jgħix ma’ xi ħadd mill-ġenituri tiegħu, jixtri din il-proprjetà bi prezz fuq il-kejl tal-prezzijiet li tistipula l-Awtorità tad-Djar gwidata dejjem mill-prezzijiet li qed jintlabu fis-suq.
Jekk il-Gvern ma jħossx li hemm għalfejn jinħoloq xi bord ġdid allura għandu jara li l-Awtorità tad-Djar tkun komposta minn persuni li b’mod leġittimu jirrappreżentaw l-interessi ta’ l-Istat, ta’ l-inkwilini, tas-sidien jew l-eredi u l-aġenti tal-bejgħ tad-djar. Mhux każ li jibqa’ jkollna bord primarjament intiż biex jigglorifika lil xi ħadd bħala political appointee, imma pjuttost bord bilanċjat bejn nies mhux partiġġani ta’ fiduċja u teknokrati u n-naħat l-oħra involuti.
Korp bħal dan għandu jittratta unikament dawn il-każi skifużi ta’ kerha jew bejgħ ta’ postijiet li mhumiex koperti bil-liġi tal-1995. M’għandux sid jew werriet leġittimu joqgħod tiela’ u nieżel il-Qorti biex issir ġustizzja miegħu u fuq kollox jintefqu liri kbar fi ħlas għall-periti legali maħtura mill-Qrati.
Fl-istess paġna kien hemm ukoll ittra oħra bit-titlu ‘Briguglio jmissu jikrili daru għal Lm20 fis-sena.’
Dan suġġeriment pertinenti ħafna sostnut minn argument b’saħħtu mwassal minn persuna li jista’ jkun sid milqut mil-liġi diskriminatorja.
Bir-rispett kollu lejn Briguglio u l-għaqda li kiteb f’isimha nixtiequ jgħidli xi tweġiba jkollu quddiem każ fejn wild ta’ inkwilin oriġinali jagħmel tiegħu l-post li kienu joqgħodu fih il-ġenituri sakemm imorru fil-ħajja eterna, imbagħad tarah jiddandan fit-toroq b’xi karozza ta’ Lm10,000, Lm15,000 u lis-sid ta’ fejn ikun joqgħod jew l-eredi tagħhom, bit-tustaġni kollha jagħtih Lm10, Lm20 jew Lm30 kerha fis-sena u l-povru sid jew werrieta jibqgħu dejjem responsabbli biex iżommulu daru pupilla li ma jmurx jaqa’ s-saqaf fuq rasu.
Il-catchphrase f’dan kollu huma l-voti.
Għalhekk f’ġieh is-sens komun nistennew li l-partiti politiċi għall-elezzjoni ġenerali li jmiss ikollhom soluzzjoni pragmatika għal din il-qagħda.
Nistennew li jagħmlu wegħda solenni li ladarba jkunu fil-Parlament fi żmien mhux inqas minn sena jkunu bidlu l-liġi fejn tirrigwarda l-proprjetà ta’ qabel l-1995 possibbilment bl-iktar mod ġust u bilanċjat.
Hi ġustizzja li nitfgħu lis-sidien jew il-werrieta f’ħalq l-iljuni fil-Qrati u nħallu lill-inkwilin paxxut idoqq l-arpa jara lil Ruma tinħaraq?

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075