Ittri | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57
Isem u kunjom miżmumin
Ippruvajt insegwi d-dibattitu bejn Tonio Fenech u Charles Mangion dwar il-proposti tal-Partit Laburista u tħawwadt. Ma nistax nifhem kif it-tnejn li huma kienu qed jitkellmu fuq l-istess affarijiet u waslu għal konklużjonijiet differenti dwar kemm se jiswew il-proposti.
Il-Partit Laburista jeħtieġ ikun iktar serju meta jitfa’ proposta għad-diskussjoni. Il-kelliem ta’ l-Oppożizzjoni missu kixef il-karti mill-bidunett u mhux ħalla rebus jinqala’ biex imbagħad xorta baqa’ mhux qed jikkonvinċi dwar kemm verament se jiswew il-wegħdi li qed jagħmel. Iżda għalija, iktar importanti minn kemm se jiswew il-wegħdi, hu kif se jolqtu lili bħala ħaddiem.
Jien naħdem ma’ kumpanija ewlenija tal-manifattura u minħabba l-grad li ninsab fih minix intitolat għas-sahra bħal ħaddieħor. M’għandix xi kariga għolja ħafna, anzi l-paga tiegħi hi ftit iktar minn Lm6,000. Il-kuntratt li għandi jgħid li l-ħlas għas-sahra hu nkluż fil-paga u għalhekk minix intitolat għal xi ħlasijiet oħra jekk nagħmel ħin żejjed. Fil-fatt nagħmel ħafna ħin żejjed, ferm iktar mill-valur tas-sahra ikkalkulat mal-paga.
Nemmen li l-proposta Laburista dwar is-sahra hi tajba ħafna għax se tħalli ħafna iktar flus fil-but tan-nies. Jekk xejn hi wkoll inċentiv biex il-ħaddiem ma jirrifjutax sahra.
Iżda tajba kemm hi tajba għadni ma nafx jekk jien hux se nibbenefika minnha. Inħoss li se nkun diskriminat għax filwaqt li numru kbir ta’ ħaddiema fuq l-istess post tax-xogħol tiegħi mhux se jkunu qed iħallsu taxxa fuq is-sahra jien se nibqa’ nħallas għax is-sahra tiegħi nkluża fil-paga.
Jinkwetani dak li qal id-Deputat Mexxej Michael Falzon nhar il-Ħadd li għadda f’din il-gazzetta għax jekk is-sahra se tinħadem bħala perċentwal tal-paga allura lanqas ma nkun nista’ nilħaq xi ftehim ma’ min iħaddimni ħalli nbiddel il-kuntratt u dak li hu meqjus bħala sahra nibda nitħallas għalih apparti biex ma neħilx taxxa.
Nixtieq li l-MLP ikun iktar ċar f’dak li qed jgħid. Nixtieq li ntejjeb il-kwalità ta’ ħajti u ta’ familti imma biex nagħmel għażla infurmata jrid ikolli l-fatti kollha f’idejja.
Tgħidulix fitt imma xbajt nisma’ b’wegħdi lejlet elezzjonijiet li mbagħad jitwettqu nofs leħja jew mhux kif ikunu nftiehmu min-nies għax il-politiċi jilagħbu bil-kliem u jdawru l-affarijiet kif jaqblilhom.
Naħseb għandi dritt inkun naf bl-eżatt kif se tolqotni proposta bħal din.
|
|
Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar
Editorijal
Il Punt
Gejtu Vella
TONI ABELA

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|