MediaToday

Intervista| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar

Niltaqa’ ma’ Walter Ahar ix-Xatt ta’ l-Isla. Bilkemm nilħaq nagħmel l-introduzzjoni tiegħi għax b’entużjażmu kbir jibda jredden dwar il-baħar, il-Kottonera u t-trasport bid-dgħajjes.
Jagħtini x’nifhem mill-ewwel li hu u l-baħar huma ħaġa waħda. Għal bniedem magħġun fil-mistier kull kelma hi importanti. Dik li għalija hi sempliċiment dgħajsa, għalih hi dgħajsa tal-pass. Nitilgħu fuq waħda u nibdew il-mawra madwar il-Port.
Ahar hu l-Viċi Sindku ta’ l-Isla f’isem il-Partit Laburista. Iżda hu wkoll barklor, ħidma li rat żminijiet aħjar lura fis-snin. Jeħodni fuq l-istess dawra li jagħti lit-turisti.
Il-ħsieb tiegħi hu li niddiskuti miegħu l-proposta tal-Partit Laburista li jkun hemm servizz bi skeda ta’ trasport bil-baħar li jgħaqqad il-Port il-Kbir ma’ Marsamxett. Dan il-proġett hu pern ewlieni fil-katina ta’ proġetti li qed iwiegħed l-MLP biex jagħti l-ħajja liż-żona kollha.
Ahar m’għandu l-ebda dubju li proġett bħal dan għandu jgħin biex il-Kottonera tieħu spinta ’l quddiem.
Jarani nħares lejn il-Maċina u b’dispjaċir jgħidli li ilu mitluq ’il fuq minn 10 snin. “Vera ħasra għax hemmhekk jista’ jintuża anki bħala uffiċini,” jispjega filwaqt li jiġbed lejn il-Baċir Numru 1. Jibda jkellimni fuq it-tipi differenti ta’ trasport u jispjega li l-konġestjoni tat-traffiku hi xi ħaġa li tiffrustra lil kulħadd. Isemmi wkoll l-impatt ambjentali u tniġġis ta’ l-arja li jinħoloq mit-traffiku. Għalih servizz ta’ trasport bil-baħar jista’ jkun mezz utli biex tingħeleb din il-problema. Nuri ftit xettiċiżmu dwar kemm in-nies jistgħu jerġgħu jidraw it-trasport marittimu speċjalment issa li n-nies draw il-kumdità tal-karozza.
Iwieġeb mingħajr l-ebda dubju: “Jien ngħidlek li jaqbad, u naħseb kieku l-Maltin japprezzawha ħafna. Biex ikun suċċess irid jitranġa l-lift tal-Belt għax jekk isir imbagħad ikunu jistgħu jagħmlu biljett wieħed, pereżempju ta’ 50ċ u bih ikollhom it-trip bil-lanċa u aċċess għal-lift.”
Jammetti li għall-bidu ma tkunx daqshekk faċli peress li dan it-trasport ilu wieqaf għal bosta snin. Imma jinsisti li għandha tkun ir-responsabbiltà u fl-interess ta’ min jerġa’ jrawwem il-proġett li jgħin biex iqajmu fuq saqajh.
Apparti t-tnaqqis tat-traffiku jispjegali wkoll li jekk l-proġett marittimu jseħħ jagħti svolta lill-ekonomija, speċjalment dik tal-Kottonera. “Il-business jieħu spinta ’l quddiem u l-Kottonera għandha bżonn xi ħaġa hekk.”
Filwaqt li nersqu iktar lejn n-naħat tal-Kalkara nistaqsih x’jaħseb dwar ix-shuttle service u kif din tista’ tikkompeti mas-servizz tradizzjonali bħal dak li joffri Ahar.
Jaqbel li x-shuttle service għandu jsir iżda jinsisti wkoll li għandu jkun hawn xogħol ukoll għad-dgħajjes. Ahar jifhem li servizz bil-baħar li jaħdem bi skeda hu iktar prattiku għan-nies li jkunu jridu jmorru x-xogħol jew inkella jkunu mgħaġġlin. Iżda għalih, f’din id-dinja moderna iktar mgħaġġla, hemm ukoll spazju għad-delizzju tiegħu u ta’ oħrajn għal dgħajjes tal-pass.
Id-dgħajsa tal-pass, jispjegali, hi tipikament Maltija u sfortunatament l-arti tal-ħolqien tagħha qed tintilef. B’kurżità nistaqsih kemm hemm dgħajjes minn dawn.
“Fil-baħar hemm madwar 26 b’kollox. Tlettax jinsabu l-Birgu u t-13 l-oħra fuq in-naħa ta’ l-Isla. Hemm ukoll xi tlieta oħra tal-fibre imma għalija dawn mhux ta’ min isejħilhom dgħajjes għax għalkemm huma orħos biex tagħmilhom m’għandhom xejn x’jaqsmu mad-dgħajjes li jfakkru fit-tradizzjoni Maltija.” Jgħid li d-dgħajjes tal-fibre m’għandux ikollhom dritt jaħdmu għat-turisti għax hi daħqa fil-wiċċ.
Iċ-ċafċifa ħafifa fil-port u s-sbuħija tal-bini li jdawru jiħduk f’dinja oħra u waqt li qed nisma’ lil Ahar jitkellem b’ċerta passjoni fuq l-istorja nirrealizza li għalih il-baħar qisu namrata.
“Aħjar fuq il-baħar għax hi dinja totalment differenti,” jgħidli minn ħin għal ħin. Filwaqt li navviċinaw iktar lejn il-forti tar-Rikażli Ahar jagħmel dikjarazzjoni importanti għalih u sa ċertu punt għall-pajjiż:
“Qabel ma mmut irrid li d-dgħajsa ma tispiċċax u se nagħmel milli nista’ biex din it-tradizzjoni titrawwem.”
Bighi kien fuqna f’dak il-ħin. Skond proposta oħra tal-MLP dan il-post għandu jinbidel f’lukanda ta’ ħames stilel. X’jaħseb Ahar dwar dan?
“Kieku idea tajba ħafna. Jista’ jkollok trasport bil-baħar mil-lukanda għal bnadi oħra. Tkun alternattiva interessanti għat-turist.”
Nistaqsih kemm idum it-traġitt bid-dgħajsa mix-Xatt ta’ l-Isla jew il-Birgu sal-Belt u Tas-Sliema. L-itwal distanza hi lejn Tas-Sliema li tieħu massimu ta’ 30 minuta b’dgħajsa tal-pass. Min-naħa l-oħra jgħid li vjaġġ mill-Isla u l-Birgu sal-Belt idum xi 10 minuti.
Il-baħar jibda jżid fiċ-ċaqliq u Ahar jinduna li l-ħarsa ta’ wiċċi nbidlet. Servizz ta’ trasport bil-baħar għandu wkoll it-temp bħala għadu tiegħu. Mit-tbissima li jagħtini Ahar jidher li ma tantx tagħmel differenza.
“Aħna nieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji għax il-ħarsien tal-passiġġier hu priorità. Sakemm is-servizz bil-baħar jibqa’ offrut fil-Port allura t-temp m’għandux iħalli xi impatt kbir.”
Id-diskursata titlaq mill-kenn tal-Port u ddur mad-dinja. Bħal ħafna nies mill-Kottonera ta’ l-età tiegħu, Ahar ħadem ukoll fuq il-vapuri ta’ l-Ingliżi. Jirrakkuntali kif dar id-dinja mill-Ingilterra sa l-Awstralja, mill-Amerka t’Isfel sal-Ġappun, Hong Kong, Singapore u Quebec fil-Kanada fost ħafna postijiet oħrajn. Jirrakkuntali li telaq minn Malta ta’ 14-il sena u ġie lura meta kellu 41 sena fl-1980.
Bħal kulmin baħħar madwar id-dinja Ahar jisħaq li port isbaħ minn ta’ Malta qatt ma ra.
Għalkemm hu kunsillier Laburist jgħid li għalih m’hemmx aħmar u blu fejn jidħol il-pajjiż. Dak li jgħodd għalih hu li l-pajjiż jimxi ’l quddiem. Isemmili eżempji ta’ restawr li l-kunsill xtaq jagħmel imma ma jistax minħabba nuqqas ta’ finanzi. Fosthom isemmili għar li bi ftit flus jista’ jittranġa u jinfetaħ għall-pubbliku, inklużi t-turisti.
Noqorbu lura lejn ix-Xatt ta’ l-Isla. Nistaqsih x’qalulu n-nies dwar il-proġett. “In-nies kollha bi ħġarhom għal dan il-proġett basta li anki huma jiggwadanjaw minnu. Apparti dan, hu proġett li jista’ jgħin biex ineħħi ċerta stigma li trabbiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta. Għandu jgħin biex inaqqas it-traffiku mit-toroq u joffri ċans ieħor lill-Kottonera biex terġa’ tqum fuq saqajha ekonomikament.”
Iżda għal Ahar investiment f’trasport bil-baħar hu wkoll mezz kif jitqanqlu tradizzjonijiet bħal tar-regatta u l-bini d-dgħajsa tal-pass.
“Ix-xewqa tiegħi hi li nindifen fid-dgħajsa,” jgħidli waqt li ninżlu lura l-art.
Passjoni ikbar minn hekk lejn il-baħar u l-ħidma marbuta miegħu qatt ma rajt!

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075