MediaToday

Il Punt - Gejtu Vella| 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?

Xi wħud jistgħu jaħsbu li xogħol il-UĦM hu marbut biss ma’ dak fil-qasam industrijali.
Illum f’soċjetà moderna u miftuħa għall-ideat u l-ħsibijiet varji fuq oqsma differenti tal-ħajja ta’ kuljum, il-UĦM ma tistax tibqa’ siekta quddiem sitwazzjonijiet li jippreżentaw ruħhom quddiemna anki jekk mhux fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali.
Il-UĦM bħala forza soċjali numerikament b’saħħitha hu mistenni minnha li tagħti l-veduti tagħha fuq temi ta’ importanza nazzjonali. Dan minkejja li jistgħu ma jkunux il-ħobża ta’ kuljum tal-poplu iżda jkunu ta’ importanza kbira għall-ħaddiema, iż-żgħażagħ, il-pensjonanti kif ukoll il-familji tagħhom u għall-mod kif jgħixu.  Il-UĦM, bl-istrutturi tagħha, illum qed tassumi aktar responsabbiltajiet għax tinteressa ruħha dwar temi varji fosthom l-ambjent sostenibbli, it-taħriġ għall-ħaddiema, il-proċessi u l-iżviluppi fl-Unjoni Ewropea.
Aħna fil-UĦM naħdmu biex ma nħallu l-ebda spazju vojt fuq l-aġenda nazzjonali għax nafu u nagħrfu li hu essenzjali li l-ħsibijiet tagħna joħorġu fil-pubbliku għax jekk nonqsu mis-sehem tagħna jidħlu oħrajn b’interessi politiċi partiġġani, spekulaturi ekonomiċi jew negozjanti li jridu jagħmlu l-flus billi jużaw u jisfruttaw il-ħaddiema. Jeżistu operaturi li jkollhom qoxra ħoxna, li ma jkollhomx l-aħjar interessi ta’ min jaħdem magħhom u wisq inqas tas-soċjetà. Dan hu ta’ min jikkundannah iżda hemm ukoll il-manipulazzjoni tal-ħsieb li daqstant ieħor hi materja serja għal soċjetà li trid tkompli tikber u tiżviluppa b’mod ħieles u matur.
 F’dan il-kwadru jidħol ix-xandir nazzjonali. Dan każ li jinħtieġ attenzjoni urġenti. Hemm bżonn li tittieħed azzjoni biex jiġu riveduti l-liġijiet li jirregolawh ħalli jirriflettu l-iżviluppi li ġraw fil-pajjiż fil-qasam tax-xandir.
Ix-xandir nazzjonali dejjem tqies bħala strument importanti fit-tħaddim tad-demokrazija. Matul is-snin il-partiti politiċi dejjem kellhom għajnejhom fuqu. Dan joħroġ biċ-ċar bl-importanza li jingħata l-istazzjon nazzjonali. Hu dover u dmir ta’ kull Gvern li jara li l-istazzjon nazzjonali jimxi sew. 
Mal-wasla tal-pluraliżmu fil-qasam tax-xandir f’Malta sar aktar importanti sehem l-istazzjon nazzjonali.
Hu fatt li l-istazzjonijiet tax-xandir tal-partiti politiċi jaqdu u għandhom aġenda tal-partit rispettiv. Il-partiti politiċi, u kif dawn iħaddmu l-makkinarju tal-media tagħhom, hu magħruf ma’ kulħadd.
F’dan id-dawl l-istazzjon tax-xandir nazzjonali għandu dmir u obbligu akbar. Dmir li jinforma u jagħti tagħrif lill-pubbliku dwar dak li jkun qed iseħħ fil-pajjiż mingħajr sfumaturi u lwien tal-partiti politiċi. Ix-xandir nazzjonali għandu fost ħwejjeġ oħra jagħti aħbarijiet ta’ natura ekonomika, soċjali, politika, ambjentali, sportivi, kronaka u aħbarijiet oħra utli, bħala informazzjoni lill-pubbliku.
Hu mill-aktar ċar li l-istazzjon tax-xandir nazzjonali mhux qed jaqdi d-doveri tiegħu sewwa. Il-Gvern illum hu aktar interessat li jqabbel il-kotba finanzjarji fl-aħħar tas-sena milli jħalli l-istazzjon tax-xandir nazzjonali jkun ta’ servizz tajjeb lejn il-poplu.
Jista’ jkun li meta wieħed iħares lejn id-dħul u l-ħruġ finanzjarju tal-kumpanija li tmexxi l-istazzjon tax-xandir nazzjonali jasal għall-konklużjoni li llum din il-kumpanija mhux qed taħdem b’telf finanzjarju. Iżda llum hu ċar, għal dawk li jridu jaraw, li l-istazzjon tax-xandir nazzjonali mhux qed jaqdi d-doveri tiegħu lejn il-pubbliku b’mod tajjeb.
Sfortunatament, il-poplu jħares lejn il-ħaddiema fl-istazzjon nazzjonali u jippretendi tweġiba mingħandhom. Kulmin jaf il-ħaddiema mill-qrib jaf li dawn għandhom il-kapaċitajiet neċessarji u l-ħila meħtieġa biex jaqdu d-dmirijiet tagħhom sew. Iżda llum in-numru ta’ ħaddiema fl-istazzjon nazzjonali tant hu ristrett li ma tħalla l-ebda spazju biex dawn il-ħaddiema joħorġu l-kreattività tagħhom.
Ma tħalliex ħin biex ħaddiema jinvestigaw stejjer ta’ importanza nazzjonali filwaqt li spiċċa l-ħin biex ifittxu stejjer ġodda ta’ interess għall-pubbliku.
Li l-istazzjon tax-xandir nazzjonali ma jitlifx flus hu importanti iżda mhux importanti daqs kemm l-istazzjon tax-xandir nazzjonali ma jaqdix sewwa d-doveri tiegħu. Mar-radd tas-salib il-PBS jinħtieġ li jkollu l-mezzi finanzjarji adegwati u sussegwentament ħaddiema biżżejjed biex jaqdu sewwa d-dmirijiet tagħhom lejn il-pubbliku.
Din hi responsabbiltà li taqa’ fuq spallejn l-awtoritajiet konċernati. Ilum sar bżonn urġenti li tittieħed azzjoni bis-serjetà.
Dwar ix-xandir nazzjonali l-poplu qed jifhem, qed jagħraf u qed ikejjel — l-istess bħalma qed tagħmel il-UĦM.

Gejtu Vella hu Segretarju Ġenerali Union
Ħaddiema Magħqudin

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075