MediaToday

Editorjal | 02 ta’ Diċembru 2007 Nr 57

Trasport tal-massa

Hi verità skomda għal ħafna imma hi realtà li ma nistgħux naħarbu minnha: ir-rata dejjem tiżdied ta’ karozzi li għandna jduru fit-toroq qed toħloq problemi ambjentali u ekonomiċi kbar apparti l-impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem.
Bi kważi żewġ karozzi għal kull dar u b’285,000 vettura reġistrata mhux ta’ b’xejn li t-toroq huma ffullati. Hu fl-interess tal-pajjiż li l-bżonn biex persuna tuża l-karozza privata jonqos. B’inqas karozzi jduru fit-triq jonqos it-tniġġis, tonqos il-pressjoni biex isir investiment f’iktar toroq u parkeġġi u tonqos ukoll il-ħtieġa li jkun impurtat iktar fuel.
Nifhmu li biex in-nies titħajjar tuża aktar it-trasport tal-massa biex taqdi l-bżonnijiet tagħha hemm bżonn pjan sħiħ u radikali li jagħmilha iktar faċli u prattiku biex persuna tħalli l-karozza privata fil-garaxx.
Sa llum l-uniku mezz pubbliku kif persuna tista’ tivvjaġġa hu permezz tax-xarabank jew bit-taxi. Sfortunatament, iż-żewġ servizzi għadhom maħkuma minn mentalità antikwata li ma tippermettix bidla radikali.
Minkejja kull attentat għal riforma, tal-linja jibqgħu servizz ineffiċjenti li ma jaqdix il-bżonnijiet ta’ komunità moderna. Fl-istess waqt is-suq tat-taxis jibqa’ magħluq bil-konsegwenza li m’hemmx kompetizzjoni li tista’ twassal għal roħs fil-prezz.
Nistgħu ngħidu li Malta ftaqret fis-servizzi tat-trasport tal-massa tul iż-żminijiet. Meta wieħed jiftakar li darba kellna l-ferrovija, it-trammijiet u s-servizz tal-laneċ u l-barklora fil-portijiet, hi ħasra li tlifna dan kollu biex sirna iktar dipendenti fuq il-karozzi privati.
Hu pożittiv li l-partiti politiċi qed jitkellmu dwar sistemi ta’ trasport alternattiv.
Kellna l-Azzjoni Nazzjonali li saħansitra fasslet pjanti ta’ kif għandu jaħdem servizz ta’ ferrovija taħt l-art jew monorail. Kellna l-Alternattiva Demokratika li ssuġġeriet sistema ta’ trammijiet u servizz bi skeda bil-baħar li jgħaqqad in-naħat kollha tal-port. Imbagħad kellna l-aħħar proposta tal-Partit Laburista li poġġa t-trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir u Marsamxett bħala pern ewlieni tal-pjan għar-riġenerazzjoni taż-żona.
Dawn l-ideat huma importanti. Forsi l-iktar waħda fattibbli fl-iqsar żmien, b’investiment raġonevoli, hu s-servizz ta’ trasport bil-baħar fil-Port il-Kbir u Marsamxett. Servizz effiċjenti bil-baħar li jaħdem bi skeda u li jkun abbinat ma’ mezzi oħra ta’ trasport pubbliku li jwasslu n-nies fil-qalba tal-bliet jista’ jgħin mhux ftit biex tonqos il-konġestjoni ta’ traffiku fiż-żona ta’ madwar il-portijiet.
Il-proposta tal-MLP biex jgħaqqad iż-żewġ portijiet b’mina taħt il-Belt hi tajba ħafna għax tgħin biex jinħoloq vjaġġar dirett bejn kull naħa tal-Port li għandu jagħti spinta mhux ħażin lin-naħa tal-Kottonera.
Hemm bżonn li s-settur tat-trasport jingħata iktar importanza. Jeħtieġ li dan il-pajjiż jimmodernizza lilu nnifsu u l-kejl ta’ kemm morna ’l quddiem m’għandux ikun iktar kemm hawn karozzi fit-triq imma kemm in-nies qed jirnexxilhom jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom ta’ trasport bl-iktar mod effiċjenti, bl-inqas spiża u bl-inqas mod li jniġġes l-ambjent.

It-tabù tal-kondom
F’Malta ta’ l-2007 hu inkonċepibbli kif ċerti skejjel jibqgħu jirrifjutaw li l-istudenti tagħhom ikollhom tagħrif sħiħ u ċar dwar l-użu tal-kondoms u l-importanza tagħhom f’każ li persuna tiddeċiedi li jkollha relazzjoni sesswali.
Ilbieraħ pajjiżna ngħaqad mal-bqija tad-dinja biex jiċċelebra Il-Jum Dinji Kontra l-Aids. Hu fatt magħruf li l-kondom hu għodda importanti fil-ġlieda kontra l-mard trasmess sesswalment. Għalkemm ma jagħtix protezzjoni mija fil-mija, jibqa’ l-iktar għodda effettiva biex persuna tipproteġi lilha nnifisha u lill-għeżież tagħha.
Ma rridux nilludu ruħna li ż-żgħażagħ, anki dawk ta’ 13-il sena, mhux qed ikollhom relazzjonijiet sesswali. F’dan il-kuntest jeħtieġ li ż-żgħażagħ ikollhom għarfien dwar is-sess, il-konsegwenzi tiegħu, il-gost li jagħti u r-responsabbiltajiet u r-riskji li jġorr miegħu.
Jeħtieġ inkunu ċari fi kliemna biex l-informazzjoni tasal għandhom b’mod sħiħ u oġġettiv. Bniedem avżat hu nofsu armat.
Għalhekk ma jinftehimx kif ċerti skejjel għadhom joġġezzjonaw li jkun hemm għaqdiet responsabbli u serji li jwasslu informazzjoni lill-istudenti dwar temi marbuta mas-sess inkluż l-użu tal-kondoms.
L-injoranza għandha tkun it-tabù mhux il-kondoms.

Intervista
“Nixtieq nindifen fid-dgħajsa”

Sabrina Agius tintervista l-barklor, Walter Ahar


Editorijal

Trasport tal-massa


Il Punt
Ix-Xandir Nazzjonali fejn sejjer?
Gejtu Vella

TONI ABELA
Sahra bla taxxa: taqbel mal-prinċipju?


Emmanuel Micallef
Rikatt minn min?


Carmelo Mifsud Bonnici

Kreditu politiku



X'kien Jgħid
Santo Mugliett



Wenzu Mintoff

Id-dritt għall-ħajja


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075