X'Kien jgħid? | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56
Kulmin nhar it-Tnejn fettillu jara l-programm ta’ Lou Bondi rrealizza l-faqar ta’ ideat u ta’ argumenti ta’ dawk li ffurmaw il-partit politiku ġdid ikkappeġġat minn Josie Muscat, insomma il-meskinità ta’ l-Azzjoni Nazzjonali.
Mhux ta’ min wieħed joqgħod ifettaq jekk din l-alleanza li qed tippretendi li hi partit politiku kbir u popolari hix ispirata minn ideoloġija ta’ xeħta leminija estrema jew lemini anqas estrem.
Il-ħmerijiet li tlissnu dwar iż-żwiġijiet, il-klandestini u l-Unjoni Ewropea jagħtu lil dak li jkun idea biżżejjed ċara tal-mod kif Josie u n-nies li għandu madwaru jridu jirkbu fuq is-sentimenti taċ-ċittadin li jaħseb li ma jaħsibx l-affarijiet sew b’moħħu. Min jaħseb sew b’moħħu jaf li b’Josie fil-Gvern la se jonqsu s-separazzjonijiet u t-twelid ta’ trabi illeġittimi u anqas se tiżdied il-bżulija ta’ min irid jitgħażżen!
Il-ħmerijiet bla sustanza l-aktar li ntqalu minn Josie nnifsu filwaqt li tħassart lil Anġlu Xuereb li sab ruħu jiżfen fin-nofs la jaf minn fejn se jibda u wisq anqas fejn se jispiċċa u ma tantx skantajt b’dak Beattie – is-suppost eminenza griża ta’ l-Azzjoni Nazzjonali – li sħabu stess bilkemm ħallewh jiftaħ ħalqu!
Hu x’inhu, dawn fl-elezzjoni xi ftit voti se jġibu, anki jekk iġibu anqas minn tlett elef vot. U dawn il-voti x’aktarx ikunu naqqruhom mill-voti li tradizzjonalment jikseb il-PN. Ftit li xejn, naħseb jien, m’huma se jnaqqru minn votanti tradizzjonalment Laburisti.
U proprju hawn hi l-gażiba! Id-differenza fil-voti li se jiksbu ż-żewġ partiti prinċipali se tkun waħda żgħira u l-PN żgur ma jistax jaffordja jitlef imqar vot, aħseb u ara xi 2,000 jew 3,000 vot. Mela kull vot ‘Nazzjonalist’ li Josie Muscat se jirnexxielu jiġbed lejn il-partit tiegħu huwa maledizzjoni għal Lorenzo.
Hu minnu li s-siġġijiet fil-Parlament se jirriflettu l-proporzjon tal-voti miksuba mill-partiti rappreżentati fil-Parlament, iżda dan jiġri jekk fil-Parlament ikun hemm kandidati ta’ żewġ partitit biss.
Issa, grazzi għas-Sur Carmel Degabriele (Alla jagħtih perjodu twil u tassew ħieni ta’ pensjonant irtirat), id-distretti tqassmu b’mod li jiffavorixxu lill-MLP bl-aktar mod oxxen. Il-PN jista’ jirbaħ l-elezzjoni biss jekk iġib voti (l-ewwel preferenzi) aktar mill-MLP: li jwassal biex l-elezzjoni tkun tellieqa serjissima u akkanita. Din is-sitwazzjoni li bilfors se tkun tfisser li għall-PN kull vot ’imnaqqar’ minn Josie u sħabu jipperikola r-rebħ ta’ tellieqa li żgur se tkun ras imb’ras!
Jekk, min-naħa l-oħra, il-partit ta’ Josie (jew l-Alternattiva) itella’ mqar kandidat wieħed, m’hemmx mekkaniżmu biex tkun irranġata s-sitwazzjoni tas-siġġijiet biex din tirrifletti il-proporzjon ta’ voti miksuba mill-partiti. F’dak il-każ ir-rebħa tibqa’ dik tas-siġġijiet eletti biss, sitwazzjoni li diġà hi maħduma favur l-MLP.
Mela f’termini ta’ numri ta’ voti, tħares lejh minn fejn tħares lejh, kemm jekk il-partit ta’ Josie jeleġġi kandidati jew le, il-fattur Josie jista’ jservi biss biex Alfred Sant isir Prim Ministru u għal xejn aktar. Vera każ ta’: Ivvota lil Josie u tella’ lil Alfred Sant!
Hawn min jgħid li kieku Lorenzo u Joe Saliba kienu aktar makkaki u għaqlin kienu jevitaw it-twaqqif tal-partit ta’ Josie. Din teorija li issa qajla tista’ tkun ippruvata għax issa li kellu jsir sar u l-arloġġ ma jistax jitreġġa’ lura.
Min-naħa l-oħra l-possibbiltà li l-PN ikollu maġġoranza ta’ siġġu wieħed hi waħda probabilissima... u żgur li Lorenzo ma riedx ikun fil-Gvern b’maġġoranza ta’ siġġu li tkun tiddeppendi fuq xi ħadd imqareb u imprevedibbli bħal Josie.
S’issa t-tattika ta’ Joe Saliba kienet li l-PN jinjora kemm jista’ jkun lil Josie u lill-Alternattiva għax aktar ma’ l-PN joqgħod jaħli ħin fuqhom dawn aktar tikbrilhom rashom u l-istatura poltika tagħhom – xi ħaġa li l-PN ma jridx a qualunque costo.
Iżda jinjorawh kemm jinjorawh Lorenzo u sħabu, il-partit ta’ Josie xi ftit voti se joħdilhom u se joħdilhom aktar milli se jieħu voti lill-MLP. Jekk dawn il-voti jkunu biżżejjed biex jaqilbu l-miżien favur l-MLP allura il-vapur ta’ Lorenzo jirrokka u Joe Saliba jispiċċa capro espiatorio, mitfugħ fil-baħar qawwi tal-maltempata li żgur tinqala’ f’Tal-Pietà... u l-PN ikollu jerġa’ jibda da capo!
Insomma, kif żviluppaw l-affarijiet, Lorenzo sab ruħu assedjat mhux biss mill-avversarju politiku naturali tal-PN iżda anki minn dawk li suppost għandhom biss valur vessatorju – nuisance value, kif jgħidu l-Ingliżi.
|
|
Editorijal
Il Punt
Albert Bell
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|