MediaToday

Wenzu Mintoff | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Trash TV

Il-wisq reverendissimu Josephum Borg jibqa’ famuż għal ħafna affarijiet. L-aħħar u l-aħjar waħda tiegħu kienet meta ma felaħx iktar l-indħil ta’ Austin Gatt u rriżenja minn Chairman
tal-Bord Editorjali tal-PBS.
Żmien ilu kien għamel ħabta jispira ruħu ħafna
mill-avvenimenti Libaniżi, jiġifieri tal-Libanu u l-kapitali tiegħu Bejrut, x’aktarx minħabba r-rabta ta’ natura etnika u storika li kellhom il-Feniċi mal-ġens Malti.
Imma l-aktar li jibqa’ magħruf dan
ir-Reverendissimu hu
għall-mod kif ħafna xtiewi ilu kien laqat il-musmar fuq rasu meta ddeskriva l-programm ta’ Peppi l-kunduttur bħala Trash TV, jiġifieri skart li hu tajjeb biss għal-landa
taż-żibel.
Jista’ jkun li llum il-ġurnata dan il-wisq reverendissimu rattab xi ftit il-fehma ħarxa tiegħu dwar kulma jsir fuq it-trakk tal-kunduttur li għalkemm biddel l-isprej u t-tapizzerija kemm-il darba, ilu bl-istess chassis u body għal dawn is-snin kollha. Dan għaliex bħal dawk kollha li qalbhom perżuta għall-PN żgur jaf japprezza li x-charbanc tant taqdihom tajjeb li lanqas għandhom għalfejn jordnaw kowċ għall-kampanja elettorali biex toqgħod tieħu lil Gonzi minn raħal għal ieħor.
Imma s’intendi jistgħu jgħaddu ma nafx kemm-il staġun wara l-ieħor għax jibqa’ l-fatt li proprju min jgħallem l-istudji tal-media l-Università, ta’ espert li hu libbes lill-programm tal-kunduttur bit-titlu tal-landa taż-żibel.
Ngħid għalija, qatt ma kont smajt la b’dawk li jitkellmu mal-mejtin u wisq inqas b’dawk li jagħmlu xi magħmul lill-ħajjin. Sakemm bdejna nisimgħu b’aħbarhom sena wara l-oħra minn fuq ix-xarabank li ddaħħan u tarmi l-exhaust li minflok ma tiġi mmultata għat-tniġġis ta’ l-atmosfera, idaħħal ħamest elef lira xketti xketti ta’ kull ġimgħa li tterraq għal għonq it-triq.
F’Ħaż-Żabbar, fir-raħal fejn trabbejt, ġieli smajt lil min jitkellem bl-għajn li tisħet u kont tara wkoll xi qarn ta’ barri mwaħħal mal-faċċata ta’ xi razzett jew xi qrun aħmar minn dawk ta’ Napli mdendel mal-mera ta’ xi karozza.
Ġieli kien jitfaċċa wkoll xi Escort bla silencer idamdam kulmin fejn jgħaddi, ta’ xi teddy-boy bil-kliem miżbugħ ‘x’qed tħares għax numbrak’, inkella b’xi ‘għajnejk f’sor…’.
Mill-bqija ma konna nisimgħu b’xejn iktar dwar dan is-salt imbarazz dwar magħmul u mhux magħmul u white spells u black spells. Sakemm dan l-imbarazz sab il-post vera tiegħu fil-programm fejn skond ir-reverendissimu Borg jintrema’ l-imbarazz, Trash TV.
Sena wara sena, invarjabbilment minn fuq ix-charabanc tal-kunduttur, dawn iċ-ċarlatani ħadu rikba b’xejn u m’għandniex xi ngħidu aktar nies bdew jitħajru jmorru għandhom bħala ‘klijenti’.
Ħobbla u tredda’
X’ma jikbirx ix-xogħol għal dawn iċ-ċarlatani li jinnegozjaw fl-ingann fid-daħk fil-wiċċ tan-nies, b’dik il-pubbliċità kollha b’xejn sena wara l-oħra fil-programm tal-kunduttur!
Ma setax jonqos li jikbru u jitkattru dawn il-frodisti li jilagħbu fuq l-emozzjonijiet u d-dgħufija tan-nies, b’riħet ix-xalata ta’ pubbliċità b’xejn li ħadu permezz ta’ dan il-programm fuq l-istazzjon pubbliku matul is-snin.
Biex issa l-kunduttur taparsi skopra l-Amerka, kemm dan il-fenomenu tal-fortune tellers qed jagħmel ħsara fis-soċjetà tagħna u li hemm bżonn tinkixfilhom il-maskra ħalli ma jibqax ikun hawn daqstant vittmi ta’ l-ingann tagħhom.
Programm li biex itella’ l-udjenzi, matul is-snin lagħab kemm felaħ fuq is-sensazzjonaliżmu u fuq il-kurżità morbuża tan-nies. Proprju għalhekk sena wara sena jirrepetu rwieħom ad nauseam l-istess temi u jirrikorru tista’ tgħid l-istess uċuh fuq l-istaffa tax-charabanc.
Il-kunduttur, bħal ħafna oħrajn f’dan il-pajjiż, iridha ħobbla u tredda’. L-ewwel ħabbel moħħ ħafna Maltin billi għal ma nafx kemm-il darba tella’ fil-programm tiegħu tipi dubjużi li taparsi jaqrawlek id-destin u jitkellmu mal-mejtin u jitmejlu bik f’wiċċek. Biex b’hekk dawk il-ħafna li qatt ma kienu semgħu b’dawn iċ-ċarlatani issa saru jafu bihom u aktar nies vulnerabbli spiċċaw fix-xibka tagħhom.
U l-kunduttur iridha wkoll tredda’ u kemmxejn ma jridx jagħti l-impressjoni li jinsab soċjalment impenjat biex lil dawn in-nies wara li kibru minn fuq il-programm tiegħu, issa beħsiebu jagħmlilhom kruċjata.
Għid li hekk kif ikun wasal iż-żmien ta’ xi sondaġġ ta’ l-opinjoni pubblika jew xi konkors ta’ l-awards biex iktar nidhru sbieħ min jaf jarana, bl-iktar mod ċiniku tiżdied fil-pront id-doża tas-sensazzjonaliżmu u tintuża l-ħmira biex jittellgħu l-udjenzi.
Il-ġimgħa li għaddiet ippruvaw jagħtu skandlu b’dak li jkolli ngħid ma tantx għadu jagħti wisq skandlu f’pajjiżna. Għax l-iskandli band’oħra jinsabu u mhux bejn il-friex. Ħasbu li l-Maltin għadhom ta’ wara l-muntanji u ħennew għalina, ħaduna dawra sal-Pigalle, il-Lido u l-Moulin Rouge, qiesna ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerki.
Urewna ħafna iġsma lebsin kostumi, jekk tista’ ssejħilhom hekk kollha rix u antaċċjoli. Żejżiet għall-arja aperta, spag fix-xquq u rakkonti ‘sħan’ dwar qlib u kutrumbajsi fis-sodda u pariri dwar kull xorta ta’ molol naturali jew artifiċjali biex forsi jista’ jistira.
Tawna kulma ħasbu li kellna bżonn biex naqtgħu l-għatx ħalli aħna mbagħad bil-qalb kollha nagħtuhom l-unu fis-sondaġġ.

Komiċi
Għadni qatt ma smajt bl-ebda stazzjon nazzjonali li għal ftit mijiet ta’ liri ma jxandarx il-kunċert ta’ mużika klassika ta’ l-ewwel tas-sena minn Vjenna, imbagħad iħallas ta’ kull ġimgħa dawk l-eluf ta’ liri biex ixandar l-imbarazz. Imma immaġina ftit ukoll x’kien jiġri li kieku dawk il-ħamallaġnijiet intwerew jew intqalu fuq l-istazzjon tal-Labour, kemm kienu joħorġu Fariżej inewħu u jiskunġraw. Għax f’dan il-pajjiż qegħdin tajjeb kif Alla jridna. Meta Frankie Quattromani l-Kukku kien ixandar fuq is-Super 1, tgħidx kemm kien hawn min kien ikemmex xuftejh u jitkaża. Biex issa li ‘Bomba’qed ixandar fuq l-istazzjon pubbliku, ma trid xejn li jkun hawn min jgħid li issa sar kult u parti mix-xena tal-kultura b’ħafna liċenzja teatrali.
L-istess fil-każ ta’ Joe Demicoli li mingħajr dubju hu fost l-ikbar, jekk mhux l-ikbar, talent komiku ġewwa pajjiżna. Meta dan kien jidher fuq Super 1, il-kunduttur kien jgħid li kien tajjeb biss għat-‘toilet jokes’, sakemm sablu rokna fuq l-istaffa tax-charabanc u minn hemm ’l hemm sar aċċettabbli.
Fuq Super 1 issa qed ixandru wkoll it-TeleTubi taz-Zoo li kienet waqgħetilhom żokrithom ixandru minn fuq in-NET. Taz-Zoo kienu jtellgħu wkoll programm fuq il-PBS flimkien ma’ ta’ Where’s Everybody?! Ikolli ngħid li l-influwenza Where’s Everybody? fuq taz-Zoo għadha tinħass sew għax Bondi & Azzopardi, taħt xi skuża jew oħra, dehru ma nafx kemm-il darba fuq TeleTubi. Bl-interċessjoni taz-Zoo qed tingħata l-impressjoni b’mod subliminali li Bondi & Azzopardi, avolja qed itellgħu programmi żbilanċjati għall-aħħar kontra l-MLP fuq il-PBS, is-sitwazzjoni xorta mhix daqshekk gravi għax qed jiġu ta’ spiss mistiedna fuq is-Super 1 biex taz-Zoo joqogħdu jiċċaċċraw u jiddieħku magħhom.
Kif jgħid Arbore: ‘meditate gente, meditate.’

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075