MediaToday

Toni u Peppi | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?

TONI

Rari ħafna jkellmuna u rari aktar nisimgħuhom. Dejjem neħduhom biċ-ċajt jew niggustawhom għax naħsbu li għadhom żgħar wisq biex nitgħallmu mingħandhom. Qiegħed ngħid għat-tfal. Iċ-Ċiniżi għandhom qawl jgħid, li meta jitkellmu t-tfal, anke l-allat jieqfu jisimgħu. Imma issa jidher li t-tfal xebgħu, li ma jismagħhom ħadd, lanqas il-bnedmin.
Dan kollu ġie f’moħħi meta qrajt li grupp ta’ tfal f’inizjattiva bl-isem ta’ Ekoskola, preżentaw petizzjoni lill-mexxejja politiċi biex juruhom x’jaħsbu fuqhom: dejjem fuq it-tema ta’ l-ambjent. Fil-qosor nista’ niġbor il-proposti li qegħdin jagħmlu f’sentenza waħda: tkomplux iddejquna b’posta tajba biss għall-iskart (junk mail) u naddfu warajkom kull fejn tmorru tagħmlu xi attività tal-massa.
It-tema hija kjarament ambjentali. Bit-tunellati ta’ propaganda politika fuq karta li mhix riċiklata, qegħdin nikkontrwibwixxu għat-tniġġiż ta’ l-ambjent. Aktar produzzjoni ta’ karta aktar dħaħen fl-arja u aktar qirda ta’ msaġar li jwasslu għall-massakru ta’ siġar imprezzabbli għall-bilanċ fil-klima globali. Apparti dan aktar ġenerazzjoni ta’ skart li tkompli tkabbar il-ġerħa ta’ kif ser neħilsu minnu. Hemm ukoll l-iskart li jħallu warajhom il-partiti wara kull attività ta’ massa li jirrifletti fuq il-livell għoli intelletwali ta’ dawk li jattendu għal dawn ix-xorta ta’ attivitajiet. It-tfal huma inkwitati, il-kbar jidhru li huma indifferenti għall-aħħar.
Iżda hemm aktar xi tgħid wara dawn il-proposti. Illum aktar minn qabel, kull meta nasal id-dar insib balla leaflets u materjal stampat fil-kaxxa tal-posta. Għandi ħafna aktar x’naqra mill-assurditajiet li jgħidu fuqhom infushom il-politiċi u allura dawn jibqgħu sejrin dritt għal ġewwa l-landa taż-żibel jew biex ingeżwer fihom il-pasturi wara li nżarma l-presepju tal-Milied. Sa ċertu punt dawn it-tfal għamlu proposta politika interessanti.
Il-politiċi għandhom ikunu qrib il-poplu il-ħames snin kollha ta’ leġislatura u mhux l-aħħar ħames xhur ta’ qabel l-elezzjoni. In-nies mhux ritratti ta’ kandidati u politiċi jgħannqu lit-tfal jew jitbissmu man-nisa tagħhom u b’uliedhom ħdejhom. In-nies iridu li l-politiċi li jeleġġu, jibdew ibiegħu l-ideat u mhux lilhom infushom. Li jridu li jasal għandhom id-dar, mhux informazzjoni fuq il-persuna għalkemm din għandha tkun b’ċertu moderazzjoni, izda x’għamlu fil-konkret għall-benefiċċju tas-soċjeta’.
Ta’ l-aħħar mument, isir biss għall-voti. In-nies iridu li l-politiċi ikunu aktar preżenti fil-parlament u mhux li għal xi uħud, l-assenteiżmu parlamentari huwa r-regola u l-attendenza hija l-eċċezzjoni. Ma hux biżżejjed li tgħid min inti, jekk qabel ma tgħidx x’għamilt jew f’hiex temmen jew bi ħsiebek tagħmel. Ftit ħafna huma dawk il-politiċi li jistgħu jgħidu li għamlu xi ħaġa li bidlet ħajjitna għall-aħjar. Fi ftit kliem, jeħtieġ li jkunu attivi b’mod kostruttiv u ma jibqgħux passivi. Jeħtieġ li jaħdmu aktar u jittewbu anqas. Per eżempju l-private members bills, huma ħaġa rari ħafna fil-parlament tagħna. Għalhekk aħjar flok jaħlu ħafna karti, ma jkomplux jaħlu l-ħin tal-parlament.
It-tfal ma jridux li aħna nkomplu niggustawhom mingħajr ma nisimgħuhom. Iridu li aħna l-kbar inwettqu dak li nippridkaw. Jekk it-talba jaqla’, l-eżempju jkaxkar. Għalkemm ma nistgħux inkomplu nagħmlu kampanji nazzjonali li jiswew ħafna flus biex inżommu Malta nadifa jew noħolqu karattri bħal Xummiemu jdur l-iskejjel, u fil-prattika aħna l-kbar nagħmlu l-kuntrarju ta’ dak li nistennew mingħand it-tfal.
Kemm it-tfal, jattendu mal-ġenitur tagħhom f’attività ta’ xi partit politiku, u jintebħu li warajhom ser iħallu miżbla. Jistaqsu t-tfal: kif jista’ jkun li dak li tkellem l-aħħar minn fuq il-palk improvviżat għall-okkażjoni, huwa l-istess wieħed li ġie l-bieraħ ikellimna l-iskola fuq l-indafa f’pajjiżna akkompanjat minn ġurnalisti jiġbdulu r-ritratti! It-tfal qegħdin jgħidulna biex ma nkunux skiżofreniċi.
Iżda anke hawn, dawn it-tfal laqtu nota importanti. Mhux biss li l-partiti ma għandhomx iħallu ħmieġ warajhom, iżda lanqas għandhom jagħmlu aktar ħsara lill-postijiet storiċi. Per eżempju l-Fosos tal-Furjana saru miżura ta’ kif partit ikejjel il-popolarità tiegħu. L-appoġġ tan-nies jiddependi minn kemm jirnexxielu jimla dan is-sit, ġojjell ta’ l-arkitettura infrastrutturali ta’ żmien il-Kavallieri.
Il-ħsara li qegħdin jagħmlu l-partiti kull meta jorganizzaw attività ta’ massa fuq il-Fosos hija waħda gravi u irriversibbli. Uħud mill-għata tal-Fosos diga’ nqasmu. L-erozjoni tal-paviment uniku hija evidenti. Ta’ kull sena jsiru attivitajiet tal-massa, bħal ma hu Jum l-Indipendenza, b’eluf ta’ saqajn jikkalpestaw dan is-sit li kien mibni biex jaħseb il-qamħ u mhux il-voti. Jekk ma tridx saħansitra jibnu fuqhom strutturi semi permanenti, bil-ħsara ovvja li ssir biex jitqiegħdu u aktar biex jitneħħew. B’inġenji kbar deħlin u ħerġin, issa biex jarmaw palk u issa biex jimmontaw il-Luna Park. Mhux biss ħmieġ jerħu warahom dawk li jorganiżżaw attivita’ ta’ massa, iżda sfreġju patrimonjali. Kulħadd huwa kompliċi f’dan id-delitt, il-Knisja, il-partiti, u l-Gvern. Anke l-Awtorità ta’ l-Ippjanar, li f’dawn iċ-ċirkostanzi iġġib ruħha ta’ omm, tippermetti lil min jaħqrilha t-tarbija.
It-tfal iridu li aħna nisimgħuhom, u rridu nagħtuhom l-għodda biex jagħmlu dan. Ma jridux aktar li noqogħdu niggustawhom, billi darba f’sena inlaqqgħuhom fil-Parlament u noqgħodu ngħaddu ż-żmien bihom. Iridu li fejn jidħlu huma neħduhom bis-serjeta’ u qegħdin jgħidulna li mingħandhom nistgħu nitgħallmu xi ħaġa. Sonia Camilleri, l-ex Kumissarju tat-Tfal, meta s-sena l-oħra ħalliet din il-kariga mingħajr tbissima, tat x’jifhem lill-politiċi li jitkellmu ħafna iżda meta jiġu għall-fatti, ħaġ’oħra. Sonia kienet awgurat lil dik li kellha tiġi warjha, li jagħtuha l-għodda biex taħdem. Implikat li hi ma kellhiex.
It-tfal huma spettaturi distakkati tat-teatrini, traġedji u stejjer tagħna l-kbar. Għejjew jarawna nidħlu f’battibekki inutli ta’ vavati li kontinwament jiġu rapportati, jekk mhux ukoll organiżżati mill-media u bħal ma jridux ‘junk mail’ lanqas ma jridu kif darba ir-Reverendu Joe Borg iddeskrivieh, ‘junk tv’. Ma jridux il-fittaġni ta’ dawk li jidħlu f’darhom inkiss inkiss minn ġo tubu, bi premji u kompetizzjonijiet mingħajr ma jagħtu xejn lura fis-sustanza. Anke l-ħela ta’ dawl għalxejn huwa anti ekoloġiku.
Irridu nieqfu u nisimgħuhom bis-serjeta’. Jekk ma rriduhomx li jagħmlu l-iżbalji tagħna allura jeħtieġ li nsiru bħalhom. Huma l-mexxejja ta’ għada… u s-saltna hija tagħhom.

PEPPI

Ibni Xandru kellu din l-idea. Mal-magni kollha tal-Gyms f’Malta u Għawdex jeħlu xi forma ta’ wires li mbagħad jibqgħu għaddejjin ġol-Power Station. Min imur jaqdef fuq ir-roti jew it-threadmills biex jirqaq ikun qed joħloq l-elettriku li nistgħu nużaw biex niffrankaw. Fi kliem Xandru, neqirdu din id-dinja tagħna.
Is-suġġeriment ta’ Xandru jkompli b’inċentiv.
“Dawk kollha li bit-training tagħhom jaqbżu ċertu ammont ta’ elettriku li niffrankaw jieħdu l-membership tal-Gym b’xejn”.
Lil Xandru staqsejtu minn fejn se jiġu l-flus għax tal-Gym xorta jridu jitħallsu. It-tweġiba tiegħu impressjonatni. Qalli: “Daddy, iħallashom il-Prim Ministru mill-flus li jiffranka mill-eletriku u li jiffranka min-nies li jmorru l-isptar għax jimirdu. Ara kemm jonfqu flus biex ifejjaqhom bid-duħħan iswed li jkunu belgħu. Dak kif se jneħħuh kollu minn ġo fihom?”
Xandru insista li xtaq jgħaddi l-idea lill-Prim Ministru. Allura Xandru bagħat e-mail lill-Prim Ministru. Xandru ħa gost wisq meta l-Prim Ministru wieġbu lura jiddiskuti miegħu din il-proposta.
Min m’għandux esperjenza tat-tfal ta’ llum mhux qed jemmen li t-tfal illum jaħsbu kif jistgħu anke minn meta jkunu t-tfal, jissuġġerixxu u jidhru għatxana biex jieħdu sehem anke fid-deċiżjonijiet imqar tal-familja.
Tifla li iltqajt magħha qaltli: “Jiena, Pepp, naqbel li l-ġenituri tiegħi jiddiskutu miegħi dwar x’se nagħżel bħala suġġetti biex nistudja.
Iżda mbagħad għala ma tkellmux miegħi meta d-daddy kien qed jaħseb biex ibiddel ix-xogħol?”
Mexxejt diskussjoni quddiem mijiet ta’ għalliema . Fil-panel kien hemm biss studenti. F’ħin minnhom student fil-panel staqsa lil għalliema: “Intom tagħmlu assessment u tagħtuna l-marki fl-eżamijiet. Lesti taċċettaw li aħna nagħtukom il-marki kif tgħallmuna u nagħmlu assessment tagħkom?”
Jaħsbu t-tfal Maltin. U mhux jgħix f’dinja min għadu ma ndunax li t-tfal ta’ llum ma tgħaddihomx biż-żmien. Meta t-tfal jgħidulna li nemmnu f xi Father Christmas aktarx ikunu qed jaħsbu li aħna l-kbar nemmnuha u ma jkunux iridu jfottulna l-gost.
F’Xarabank it-tfal jistaqsu l-iktar mistoqsijiet li ma tistenniex. Waqt li lill-Prim Ministru jew lill-Kap ta’ l-Opożizzjoni aħna l-kbar nistaqsuhom mistoqsijiet partiġġani, it-tfal jimpurtahom kif dawn iħarsu lejn il-ħajja.
“X’tagħmel jekk hemm persuna marida li se tmut żgur u trid tmut, taqbel magħha? Jekk tiġi l-liġi tad-divorzju inti tirriżenja? Tħobb l-annimali u tikolhom. Mela inti tiekol lil min tħobb? Meta kien hemm l-Arċisqof jew l-Isqof komplew il-mistoqsijiet - “Mons. Jekk jgħidu xi ħaġa tajba dwarek fil-gazzetta u ma tkunx vera, tikkoreġiha?’ “Eċċellenza, inti ma temminx bil-fortune tellers. Allura kif temmen fil-profeti?’ ‘Mons, jekk fid-dar tiegħek issib dokument midfun taħt l-art li jkun prova ċerta li Kristu kien miżżewweġ , tippubblikah id-dokument? Hemm ħafna aktar u jekk nibda dan l-artiklu ma jservix.
Waħda mill-iktar affarijiet li tkiddni f Xarabank tkun wara li nagħmlu x-Xarabank tat-tfal. Wara nibda niltaqa’ man-nies u ħafna minnhom jgħiduli: “Kemm tkellmu tajjeb it-tfal. Imma dawk intom tgħidulhom x jgħidu, hux hekk?” Emmnuni, ma nkunx naf għandix nibda noffendihom. Għax ikunu qed joffendu lil dawn it-tfal. Iżda mbagħad nifhem għax dawn l-istess nies għixu fi żmien meta konna tfal u hekk kif konna nippruvaw niftħu ħalqna kienu jgħidulna ‘Titkellimx. Bħalissa qed jitkellmu l-kbar.” Insult akbar lil dawn it-tfal meta b’ton mill-iktar paternalistiku ngħidulhom jitgħallmu għax ‘Huma l-irġiel u n-nisa ta’ għada. Għax huma l-futur ta’ pajjiżna’. U dan huwa l-iżball ħafna drabi anke tal-politiċi tagħna. Hekk iħarsu lejn it-tfal. Bħala l-futur. Meta t-tfal għandhom ikunu l-preżent. Meta t-tfal iridu nisimgħuhom u nieħdu azzjoni issa. Mhux niggustwahom. Mhux ngħidu biss kemm jafu jitkellmu. Mhux darba f sena nagħmlu Parlament tat-tfal u nagħmlu media event minnha. Lit-tfal għadna nisimgħuhom kuljum.
L-inizjattiva li ttieħdet dan l-aħħar mit-tfal fl-eco skola kienet stupenda. It-tfal, bla tlaqliq, qalu x’iridu lill-partiti politiċi. Għax m’għadhomx jaħsbu li l-politika, xi ħaġa tal-kbar jew, agħar minn hekk, xi ħaġa maħmuġa. Stupenda wkoll għax dan huwa l-istil ta’ tagħlim li jrid ikun introdott fl-iskejjel. Li titgħallem billi tingħata l-poter li tbiddel. U allura titgħallem fuq li hemm għax jekk ma tafx x’hemm ma tistax tuża l-poter biex tbiddel.
Xandru staqsieni. ‘Allura, Daddy jekk l-iskola hija fun, suppost nieħdu gost, kif bħala kastig iżommuna wara l-ħin?’ Weġbuh please!

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075