Sport | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56
Li jkun imiss it-tim nazzjonali ta’ pajjiżna jilgħab żewġ partiti kontra n-nazzjonijiet tal-Greċja u n-Norveġja hija xi ħaġa ta’ prestiġju għall-poplu kollu. L-ewwel raġuni hi għax fl-ewwel logħba ta’ tmint ijiem ilu kellna quddiemna liċ-champions tal-futbol Ewropew.
Il-logħba ta’ nhar l-Erbgħa fl-istadium nazzjonali kellha l-unur li se tagħlaq dan il-grupp tar-rekords li taħt il-gwida ta’ Dusan Fitzel irnexxielna nagħmlu ħames punti. Qabel il-logħba kulħadd xtaq li stajna nieħdu wkoll xi punti.
Imma meta wieħed jikkunsidra l-qawwa tat-tim Skandinavu u l-fatt li riedu jibqgħu jittamaw sa l-aħħar li t-Turkija jfallu fl-aħħar partita mal-Bosnija, il-logħba ma kienet faċli xejn.
Il-partita ta’ nhar l-Erbgħa kienet festa fiha nnifisha. Imma l-akbar dispjaċir ta’ kulħadd kien il-fatt li d-difensur ta’ Sliema Wanderers Brian Said kien sospiż u għalhekk kellu joqgħod jara l-partita minn qalb l-ispettaturi. Fin-nuqqas ta’ Gilbert Agius, il-captain ta’ l-iskwadra Maltija kien se jkun hu. Imma kellu jċedi l-faxxa lil Michael Mifsud li bil-flokk ta’ Malta lagħab żewġ partiti aktar minn Luke Dimech.
Bir-raġun li wara Agius ix-xorti u r-responsabbiltà tal-faxxa fuq l-id ix-xellugija joħodha Said. U dan għax bil-flokk nazzjonali ta’ Malta lagħab 78 logħba u, anki jekk difensur ċentrali, skorja erba’ goals. Ir-regolament ġust ta’ l-MFA jgħid li l-faxxa joħodha min libes l-aktar il-flokk nazzjonali. Brian jaqbel ma’ dan ukoll.
“Fin-nazzjonal hemm is-sistema li min jilgħab l-aktar ikun il-captain. Hija din ir-raġuni li l-faxxa wara Gilbert noħodha jien. Fil-logħba tan-Norveġja kien Michael għax lagħab l-aktar għal pajjiżu wara Gilbert u jien. Naħseb li hija sistema ġusta li jkun il-captain min lagħab l-aktar. Iżda l-aktar importanti għalija hu li nkun ta’ eżempju kif sibt jien plejers ta’ eżempju meta kont żgħir. Mhux biss fil-ground imma anki fil-ħajja ta’ kuljum.”
Iltaqjt ma’ Brian Said nhar it-Tnejn li għadda. L-appuntament kien għat-tard peress li ried jara lil sħabu fit-taħriġ jumejn qabel il-partita. Minbarra li kont se niltaqa’ ma’ ħabib personali, kont naf li quddiemi kien se jkolli persuna gradwata li għandu intelliġenza biex ibiegħ. Jgħidli li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li wara tant sagrifiċċji rnexxielu jasal fejn dejjem xtaq.
“Il-futbol huwa passjoni għalija. Ħafna mis-sagrifiċċji li għamilt f’ħajti kienu minħabba l-futbol. Il-futbol jagħtini emozzjonijiet kbar l-aktar meta nilgħab bil-flokk tat-tim nazzjonali. Għadni sa llum il-ġurnata nilgħab b’determinazzjoni daqslikieku l-ewwel partita kulmeta nilbes il-flokk ta’ Malta. Kultant jiġuni ftit tad-dwejjaq meta naħseb li l-futbol nista’ nilagħbu biss għal ftit taż-żmien. Irrid inkun onest miegħek u ngħidlek li għadni qatt ma ħsibt fil-karriera ta’ coach. U dan għax naf li d-dmirijiet ta’ coach għal-logħba huma ikbar minn ta’ plejer. Iżda nixtieq li wara li nirtira nibqa’ b’xi mod fil-futbol.”
Brian Said twieled nhar il-15 ta’ Mejju 1973. Huwa iben Martin u Christine u miżżewweġ lil Yvette. Missier ta’ Maia ta’ 3 snin u joqgħod Ta’ Sliema. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ St. Edwards u għamel anki 6 snin l-Università u llum huwa gradwat fil-B.Com Hons Management u għandu Masters M.BA. Ħajtu tikkonsisti f’ferm aktar milli plejer tal-futbol ta’ l-ogħla livell f’pajjiżna.
“Jien minbarra plejer tal-futbol persuna self-employed. Nieħu ħsieb żewġ kumpaniji li jimpurtaw il-prodotti. Qed immexxi wkoll kafetterija, il-Chaos Cafetteria. Jien gradwat ukoll u l-fatt li rnexxieli nagħmel suċċess fl-iskola u nibqa’ nilgħab fl-ogħla livell għal tant snin tal-futbol Malti nqisu bħala suċċess kbir f’ħajti. Il-flus li fil-passat qlajt mill-futbol servewni biex inkompli nistudja.”
Nitkellem ma’ Brian fuq il-bidu tal-karriera tiegħu. Insir naf li l-ewwel coach tal-futbol li kellu f’ħajtu kien ukoll l-ewwel coach tiegħi daqs 10 snin ilu fil-ġurnaliżmu ma’ Radju RTK.
“L-ewwel coach ta’ ħajti kien Charles Mock. Jien lilu rrid ngħid l-ikbar grazzi li wasalt fejn wasalt. Charles huwa bniedem tal-ġenn li tieħu pjaċir fil-kumpanija tiegħu. Iż-żmien tat-tfulija tiegħi kien sabiħ ħafna.
“Kont bdejt nilgħab man-nursery tal-futbol sakemm iddebuttajt magħhom anki fil-Premier. Konna tim tajjeb u tlajna kollha flimkien. Dik l-atmosfera ma kienx hemm bħalha għax ikun x’ikun ir-riżultat dejjem kien ikun hemm ferħ daqslikieku rbaħna. Meta kienu ngħaqdu kont għamilt sena wkoll ma’ Birkirkara Luxol.
“Ma’ Floriana kienet ġiet l-opportunità minn meta kont immur St. Edward’s College. Jien kont ħabib ħafna mat-tfal ta’ l-eks President ta’ Floriana Tony Grech Sant. Kont trabbejt magħhom u tant kemm kienu jħajruni biex immur mal-Floriana li kont għażilt lilhom meta ġejt biex nagħżel bejnhom u Sliema Wanderers. Ma’ Floriana għamilt sitt snin mill-isbaħ u rrid ngħid grazzi lilhom li sar jaf bija kulħadd.
“Meta kien intemmli l-kuntratt kien hemm interess minn diversi clubs fosthom is-Sliema. F’moħħi ġibt il-mument ta’ meta kont għażilt lil Floriana għax peress li rivali, kienet deċiżjoni iebsa. Tkellimt ma’ Robert Arrigo u ddeċidejt li mmur magħhom. Is-snin li ili hemm kienu kollha sbieħ. Mas-Sliema rbaħt kollox u llum ngħid li ma stajtx nagħmel għażla aħjar milli għamilt. Id-deċiżjoni biex immur mas-Sliema ħadtha għax dejjem xtaqt nilgħab il-logħbiet deċiżivi u bihom kont ċert li dejjem se nisfidaw għall-unuri.”
Jaqsam aktar esperjenzi sbieħ miegħi. Ikellimni fuq l-ewwel żminijiet ta’ meta ssejjaħ mat-tim nazzjonali Malti.
“L-ewwel coach li kien għajjatli mat-tim nazzjonali kien Milorad Kosanovic. Kienet emozzjoni kbira għax kull plejer ikun qed jistenna dak il-mument. Kienet mira li rnexxejt fiha. Li f’ħajtek ikollok l-opportunità tilgħab kontra timijiet u plejers ta’ livell mondjali huwa sabiħ wisq.
“Mal-milja taż-żmien rajt il-futbol inġenerali madwar id-dinja jiżdied. Jien niftakar iż-żmien ta’ meta konna nilagħbu bil-libero saż-żmien ta’ llum tal-back four. Tgħallimt ħafna wkoll ma’ Josef Ilic u Pietro Ghedin. Ma ninsiex anqas lil Sigi Held u Horst Heese sa Carmel Busuttil.
“Illum il-ġurnata Dusan Fitzel qed juża ħafna l-mezzi teknoloġiċi li qed jintużaw kullimkien. Jien tgħallimt mingħand kull coach. Ghedin kien bniedem li jaf il-logħba bl-amment u Ilic kien bniedem kalm ħafna li jissaporti lil kulħadd. Nagħtu kas il-Ġermaniżi kellhom karattru li ma jibżgħu minn ħadd u dejjem jippruvaw jirbħu.
“U Fitzel ukoll. Jien nikkunsidrah wieħed mill-aqwa coaches li qatt kelli. Bniedem li kien importanti ħafna fil-karrierra tiegħi kien Alley Dawson minn żmien il-Luxol. Kien eks plejer ta’ Rangers u kultant inħossni fortunat li sibt persuni li wera fiduċja fija minn ta’ dik l-eta’ u tagħni ċ-ċans niddebutta fil-Premier ta’ 16-il sena.”
Nitlob opinjoni sinċieri lil Brian dwar liema jaħseb li kienet l-aqwa era ta’ tim nazzjonali minn kemm ilu jiftakar hu.
“Bla dubju ta’ xejn l-aħjar żmien tat-tim nazzjonali huwa dak preżenti. Ir-riżultati u l-wirjiet jitkellmu waħedhom. Jien qed nagħmel parti mit-tim nazzjonali tar-rekords. Huwa faċli biex wieħed jgħid li fil-passat kellna plejers li individwalment kienu aħjar iżda m’għandix diffikultà biex ngħid li dan huwa l-aktar tim li qatt għamel suċċess fl-istorja tal-futbol Malti. Huwa raġunament ħażin min jipprova jqabbel it-tim ta’ llum ma’ oħrajn ta’ l-imgħoddi.
“Dan il-grupp ta’ llum ilu ġej minn żmien Horst Heese. Konna diġà bdejna bi tliet riżultati pożittivi u l-fatt li l-qafas tat-tim huwa kumpatt u qed nattakkaw u niskurjaw hemm differenza kbira mill-imgħoddi.
“Tirrenja serenità kbira fost il-plejers kollha. Ma’ George Mallia ili naqsam il-kamra tmien snin. Qablu kont naqsam il-kamra ma’ John Buttigieg, wieħed mill-aqwa plejers li qatt ħarġu minn Malta. Illum il-ġurnata jien u George ħbieb kbar u nitkellmu ma’ xulxin daqslikieku aħwa.”
Inkellmu fuq il-partita ta’ Ateni. L-opinjoni personali hija li Malta kellha partita tajba fl-ewwel taqsima. Ma kienx ħaqqna riżultat daqshekk kiefer kontrina. Biss, mat-tieni goal, il-Griegi setgħu skurjaw ħafna aktar minn ħames goals.
“Riżultat ta’ 5-0 m’hemmx skużi għalih. Kien ħażin wisq. Iżda nemmen li kien kiefer ħafna magħna. Meta wieħed janalizza l-partita tinduna li kien riżultat giddieb sew u tara kemm il-futbol jista’ jkun kiefer ħafna. Sakemm qlajna t-tieni goal konna qed nilagħbu daqshom u ġewna tliet ċansijiet kbar biex immorru fil-vantaġġ. Mat-tielet goal għalina kienet kwistjoni ta’ kemm ħa jirnexxielna nillimtaw id-danni. Kollox beda ġej tajjeb għalihom u ħażin għalina. Huma ppruvaw jiskurjaw kemm felħu u ma ġabu ħniena ta’ xejn. Għal tim bħal Malta importanti ħafna li niskurjaw l-ewwel.”
Brian ikellimni wkoll fuq l-ikbar ferħiet li ħa bil-flokk ta’ Malta.
“Ir-rebħa ta’ l-Ungerija kienet kbira wisq. Xi ħaġa memorabbli. Tat-Turkija kienet kbira wkoll u sa ċertu punt jien ngħid li l-logħba f’Ta’ Qali kontra l-Griegi kienet waħda mill-aqwa wkoll. Jekk xejn jien ninsab kuntent li bil-logħbiet ta’ dan il-grupp irnexxielna nġibu lura l-eluf ta’ folol lejn Ta’ Qali.
“L-istil tan-Norveġja hu li jibbażaw it-tattika tagħhom fuq is-saħħa u l-istamina. Tattikament nemmen li stajna konna tajbin daqshom. Huma jilagħbu bl-istess mod tul id-90 minuta u aggressivi ħafna u fl-ajru għandhom saħħa tremenda. Mhux faċli biex trażżanhom.”
Brian skorja 30 goal fil-kampjonat Premier u erbgħa bil-flokk ta’ Malta. L-aħħar goal internazzjonali skurjah f’Ta’ Qali kontra t-Turkija. Kien hu li fetaħ l-iskor u minn dak inhar baqa’ jiċċelebra bl-istess mod kull goal li jiskorja. Isallab idejh f’forma ta’ anġlu. Ma nafx jekk qabadx iħossu Gabriel.
“Din li nagħmel mossa ta’ anġlu meta niskorja ma nafx għalxiex bdejt nagħmilha. Ġiet fuqi spontanja meta skurjajt kontra t-Turkija. Biha ridt infisser li kont ferħan u kuntent daqslikieku se ntir. Sakemm skurjajt ma kelli xejn f’moħħi ippjanat li se nagħmel hekk.
Il-mossa ġabitli l-fortuna u l-plejers ta’ Tas-Sliema qaluli biex nibqa’ nagħmilha. Għalhekk se nibqa’ nagħmilha.”
Insaqsih xi jfisser għall-plejer li jkollu grupp bħas-South End Core b’eluf ta’ partitarji warajh.
“Is-South End Core kien boost kbir għall-futbol Malti. Il-partitarji kienu diġà bdew iżidu u huma komplew qajmu atmosfera mill-aqwa. Illum minbarra li wieħed jara lit-tim ta’ pajjiżu jilgħab qed jidħol ukoll f’atmosfera li qabel ma kienx isib. Qed iġibu l-atmosfera tal-partitarji ultras bil-korijiet ta’ wara l-lasti. Dawn huma affarijiet li jġibu n-nies lejn il-ground.”
Il-karriera fix-xena internazzjonali tal-plejer Slimiż hija twila wisq. Lagħab u mmarka diversi attakkanti kbar minn madwar l-Ewropa. Ikellimni fuq dan kollu u aktar mill-espejenzi tiegħu. Jgħidli li jixtieq li fil-poloz li se jitilgħu llum it-tim nazzjonali tmissu x-xorti li jitla’ fl-istess grupp taċ-Champions tad-Dinja.
“Lgħabt kontra diversi attakkanti kbar fix-xena internazzjonali. Pero’ jekk ikolli nagħżel l-aqwa tnejn ngħidlek li kienu Thierry Henry u Zlatan Ibrahimovic. Naħseb li huma żewġ strikers kompluti li tista’ ssib fil-mument.
“Pero’ qatt ma kien hemm xi ground li lgħabt fih u ġejt intimidat mill-atmosfera tal-partitarji. Dejjem qist kull logħba li lgħabt bħala 90 minuta fil-ground. Ovvja li kien hemm xi grounds li impressjonawni bħal tad-Danimarka u Franza li tieħu pjaċir tilgħab fihom.
“Nixtieq li kieku jkolli ċ-ċans nilgħab kontra l-Italja. Lgħabt biss fl-under-21 u naħseb li kieku l-polza kellha tiffavorina, ngħidlek li nixtieq nilgħab kontra ċ-Champions tad-Dinja qabel ma nirtira. Tkun esperjenza sabiħa kieku nilgħab xi darba kontra l-Brażil pero’ fiċ-ċokon ta’ Malta nistgħu nikkompetu biss kontra timijiet Ewropej u għalhekk hija daqsxejn diffiċli.”
Nistaqsih jekk kienx hemm xi plejer Malti li nfluwenzah fil-karriera tiegħu u fuq liema merti juri l-ammirazzjoni tiegħu.
“John Buttigieg huwa l-aktar plejer li nfluwenzani f’ħajti. Nilagħbu l-istess pożizzjoni u kien hu l-persuna li xtaqt inkun meta kont żgħir. Nemmen li hu wieħed mill-aħjar plejers li qatt ħarġu mill-pajjiż. Imma kien hemm ukoll plejers bħal Ray Vella, Martin Gregory u Carmel Busuttil, li kien ukoll il-coach tiegħi. Ma ninsiex anqas lill-mibki David Cluett.”
B’nofs daħka naqbadlu d-diskors fuq il-ġurnalisti. Xi ħadd itarrafli minn qabel li Brian hu wieħed mill-ftit plejers li għandna Malta li qatt ma kellu xi tilwima ma’ xi ġurnalist. Insaqsih bħala veteran x’iħoss meta jkun ikkritikat fil-mezzi tax-xandir.
“Jien dejjem kont bniedem li naċċetta l-kritika u l-opinjoni ta’ kull ġurnalist. Qatt ma kelli problema ma’ xi ġurnalist u meta kitbu anki kontrija u ma qbiltx magħhom dejjem aċċettajt l-opinjoni tagħhom. Kulħadd għandu l-opinjoni tiegħu u sakemm il-kritika tkun kostruttiva, wieħed għandu jaċċettaha. Iżda nemmen li ġurnalist biex jikkritka jrid ikollu ftit għerf fuq il-logħba tal-futbol u mhux ma tkunx tifhem. Immaġina plejer ma jafx jixxuttja u jmur jilgħab il-futbol mingħajr qatt ma tħarreġ.”
Brian jgħidli li jixtieq itemm il-karriera tiegħu ma’ Sliema imma ma jeskludix il-fatt li jilgħab l-aħħar staġun ta’ ħajtu proprju fejn kien beda.
“Jien inħossni fortunat għax ma tantx kelli injuries. Iżda wasalt fejn wasalt għax stinkajt u għamilt ħafna sagrifiċċji. Bejn skola, università u eżamijiet ma kinitx faċli. Nixtieq nispiċċa mas-Sliema iżda mhux se neskludi li nagħmel l-aħħar sena fejn bdejt. Jiddependi fejn ikunu l-Luxol meta nasal biex nirtira.”
“Nixtieq nirringrazzja lill-ġenituri tiegħi ta’ kemm sibthom warajja f’kollox. Nemmen li hemm ħafna ġenituri li moħħhom biss jaraw lil uliedhom jistudjaw. Jien kont fortunat li sibt ġenituri warajja anki fil-futbol. Ngħid grazzi wkoll lill-mara tal-paċenzja li tieħu bija. Ma nafx kif ukoll naqbad nirringrazzja lil Phillipe Gatt, il-partner tal-kumpaniji tiegħi, li meta nkun nsiefer jieħu kollox f’idejh. Ieħor aktar riċenti huwa Jeffrey Chetcuti li qegħdin flimkien fil-kumpanija l-oħra.”
Kont mingħalija biżżejjed. Inqumu u nibdew il-mixja tagħna sal-karozzi. Jibqgħalna biss ftit ħin biex nitkellmu fuq affari personali oħra. Minnufih tiżviluppa diskursata fuq sport ieħor. Jaħsadni…
“Ta’ eta’ żgħira kont nilgħab it-tennis. Sa l-eta’ ta’ 18-il sena kont champion ta’ Malta tat-tennis imma imbagħad kelli nagħżel bejn sport u ieħor. Irrappreżentajt anki lil Malta fit-tennis imma fiż-żmien l-‘O’ Levels kelli nwaqqa’ sport minnhom. It-tennis jogħġobni l-aktar għax jiddependi minnek biss. L-għażla li għamilt li nibqa’ fil-futbol biss kienet tajba u ma jiddispjaċini xejn. Nemmen li kienet l-aħjar għażla.”
|
|
Editorijal
Il Punt
Albert Bell
TONI u PEPPI

Emmanuel Micallef

Carmelo Mifsud Bonnici

X'kien Jgħid

Wenzu Mintoff
|
|

Download the front page of ILLUM in PDF format



|