MediaToday

Carmelo Mifsud Bonnici | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Il-pożizzjoni Belġjana llum

1. Forsi ftit jindunaw bil-vantaġġ li s-sistema politika Maltija ilha tħaddan għal dawn l-aħħar 42 sena ta’ indipendenza. Vantaġġ li ta stabbiltà kbira, u forza ta’ determinazzjoni li assigurat li ma jkollniex ċerti kriżijiet politiċi li jgħaddu minnhom pajjiżi oħra. Il-fatt li għandna żewġ partiti li qegħdin fil-Parlament u li l-maġġoranzi parlamentari huma dejjem ta’ naħa jew oħra assiguraw ħidma leġislattiva u eżekuttiva kostanti. Ovvjament hemm differenza fit-tmexxija ta’ partit u ieħor. Kif ukoll huwa ċar li wieħed irid jagħti kreditu lill-Partit Nazzjonalista li assigura żieda kbira fil-kontenut tas-sistema demokratika tagħna kif iċċertifikat reċentement mill-Economist Intelligence Unit li qegħditna fil-15-il post. Pass mhux traskurabbli, anzi verament prestiġjuż u li jimmerita studju u attenzjoni.
2. L-istabbiltà politika hija zgur neċessità fid-demokrazziji. Meta l-maġġoranzi parlamentari ma jkunux sħaħ jew ikunu mxellfa, daqqa b’nuqqas fin-numri u daqqa minħabba s-sustanza tal-kolla politika li tgħaqqad partit ma’ ieħor, pajjiż inaqqas mir-ritmu ta’ żvilupp. Din hija lezzjoni li toħroġ il-ħin kollu mill-esperjenzi varji ta’ pajjiżi Ewropej oħra. Esperjenzi li wieħed għandu jikkunsidra sabiex jifhem fejn qiegħed u fejn jista’ jispiċċa. Il-kwistjoni tal-għaqdiet parlamentari bejn partiti differenti m’hijiex faċli f’kull poplu. L’hekk imsejħa ‘koalizzjonijiet’ jitolbu ħafna attenzjoni, kemm meta jkunu miftehma qabel l-elezzjoni, kif ukoll (forsi ferm iktar) jekk iseħħu sforz iċ-ċirkostanzi tan-numri wara.
3. Pajjiżi b’formazzjonijiet politiċi varji jsibu ruħhom f’ambigwità kbira meta ma jirnexxilhomx isibu koalizzjonijiet stabbli. Jew ma jsibux in-numri biex jgħaqqdu l-maġġoranzi parlamentari, inkella ma jsibux il-qbil neċessarju fuq il-programm politiku li għandhom jidħlu għalih. Qed naraw kuljum il-problemi varji li l-Gvern Taljan ta’ Romano Prodi jgħaddi minnu fejn il-fatt li għandu wisq ideat varji – minn xellug estrem għal wieħed iktar moderat u fiċ-ċentru. Mhux faċli għalih żgur li għandu diversi programmi xi jwettaq li però, meta jiġi għall-ħidma jsib wisq karattri minn fuq il-palk ta’ l-opri. Hemm twelid kbir wisq ta’ “prime donne”. Anzi agħar, is-sistema tħajjar iktar li jieħdu s-saħħa. Flok jonqsu l-partiti anzi hemm abbundanzi tagħhom. Hemm verament bżonn ta’ bidla f’dak il-pajjiż, fis-sistema elettorali tiegħu, li nittama li sseħħ għall-elezzjoni li ġejja u li minnha jistgħu jieħdu s-saħħa mexxejja oħra iżgħar. Dan nittama li nittrattah iktar fit-tul f’artiklu ieħor. Jibqa’ l-fatt, tajjeb jew ħażin, li l-koalizzjonijet huma kumplikati wisq.
4. Forsi għalina qiegħed ’il bogħod, imma l-problemi politiċi li qed jaħkmu l-Belġju wara l-aħħar elezzjoni ġenerali tal-10 ta’ Ġunju 2007 jitolbu attenzjoni. Ir-riżultat ġab pożizzjoni fejn, f’daqqa waħda, l-ebda formazzjoni jew koalizzjoni politika ma tista’ twassal għal gvern li għandu warajh maġġoranza parlamentari. Dan għax fir-reġjun Fjamming żiedu l-voti u s-siġġijiet id-Demokristjani li kienu fl-oppożizzjoni mentri fil-parti Franċiża żiedu l-Liberali li kienu fil-gvern. Mhux biss, imma problemi li kienu ilhom ċertu żmien ibaqbqu mingħajr ma jtajru l-għatu, issa fin-nuqqas ta’ gvern, qed jgħollu rashom. Il-qasma tradizzjonali tal-pajjiż bejn dawk li huma Fjammingi u dawk Franċiżi ħarġet iktar fil-beraħ, b’akkużi reċiproċi u b’sinjali ċari ta’ metodi li fihom parti jew oħra tuża mezzi strambi biex tifforma identità fuq l-oħra. L-użu ta’ liema lingwa, ta’ liema linja tiġi mgħallma fi skola u oħra jew f’librerija ma tantx jindikaw ħidma favur il-ġid komuni, anzi waħda ta’ intolleranza kbira.
5. Fortunatament għal dak il-pajjiż, l-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu huma tant tajba li dan il-proċess ma ġabx konsegwenzi li wieħed żgur li kien isib f’popli oħra. Il-kaos u l-konfużjoni li pajjiż jaf isib ruħu fihom fin-nuqqas ta’ gvern, hemm m’humiex iseħħu. Hemm saħħa u struttura interna li qegħda ssarraf f’perjodu twil ta’ moratorju politiku sakemm ikun hemm koalizzjoni jew elezzjoni ġenerali oħra. Wieħed għandu jammira l-mod ċar li permezz tiegħu kollox baqa’ għaddej. Ma hemmx twaqqif fl-ekonomija. Anqas ma hemm biżgħat ta’ xi forzi anti-demokratiċi, imma l-verità hija li anki jekk wieħed jammira dan kollu, xorta pajjiż ma jistax ikun sħiħ jekk ma jkollux tmexxija politika stabbli u tajba.
6. Il-pożizzjoni politika Belġjana titlob mingħandna attenzjoni partikolari. Aħna niddependu minnha wkoll. Għax għalkemm hija forsi tidher ’l bogħod mix-xenarji nazzjonali, hemm ħafna lezzjonijiet x’nieħdu. Għalkemm ikklassifikati warajna (l-20 post) id-demokrazija Belġjana hi soda. Però trid riforma sew fi ħdan is-sistema politika. Nemmen li l-istat preżenti ser jintuza sabiex jingħalqu numru ta’ kapitoli li ma għandhomx jibqgħu f’soċjetà moderna, kif ukoll biex jassigura sistema elettorali li trendi koalizzjonijiet u maġġoranzi stabbli. Hemm prezz “politiku” li jitħallas meta wieħed jibni ċerti mekkaniżmi elettorali li jassiguraw li dawk il-partiti li jġibu ċertu numru ta’ voti jew perċentaġġ mill-voti jkollhom rappreżentanza, ma hemmx dubju. Imma lkoll għandna nippreferu li jkollna ordni soċjali u politika stabbli milli possibbiltà ta’ kaos u diffikultajiet li joħorġu minn nuqqas ta’ għaqda politika li jagħtu riżultati elettorali.

 

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075