MediaToday

Emmanuel Micallef | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Nisa terrorizzati

Biex jien ġej illum? Xejn speċjali. Iżda llum qed infakkru l-Jum kontra l-vjolenza fuq il-mara. Jew aħjar il-jum favur l-eliminazzjoni ta’ din il-vjolenza. Hemm diversi tipi ta’ vjolenza fuq in-nisa iżda l-aktar waħda komuni hija l-Vjolenza Domestika. Tistgħaġbux jekk tisimgħu li waħda minn kull ħames nisa fl-Ewropa jgħaddu minn din l-esperjenza.
Tiskantawx lanqas jekk tisimgħu li iktar imutu jew isofru ġrieħi permanenti nisa vittmi tal-vjolenza domestika milli jmutu bil-kanċer jew b’inċidenti tat-traffiku. Din it-tip ta’ vjolenza fid-dar hija fost l-agħar forom għaliex mhux biss tikkaġuna danni mentali, fiżiċi u sesswali iżda hija wkoll l-inqas viżibbli.
Għalhekk meta nikkwotaw ċifri ta’ kemm verament hija gravi s-sitwazzjoni ta’ dan l-att kriminali rridu nżommu f’moħħna li l-qagħda tista’ tkun ferm agħar milli nimmaġinaw. Dan jgħodd ukoll għal pajjiżna.
Kultant nisimgħu b’xi mara li tagħmel kuraġġ u titkellem fil-beraħ dwar il-martirju, it-terrur u l-atti vjolenti li tkun għaddiet minnhom għal snin sħaħ ġewwa darha iżda hemm ħafna u ħafna nisa oħra li huma vittmi ta’ din il-vjolenza li jżommu ħalqhom magħluq u jilbsu l-maskra meta joħorġu mill-għatba tal-bieb ta’ barra.
Hemm diversi teoriji li jippruvaw jispjegaw l-oriġini ta’ dan il-fenomenu. Il-mentalità li ddominat is-soċjetà matul iż-żminijiet fejn ir-raġel kien meqjus li għandu xi dritt sagrosant li jaqdi funzjoni ta’ dominanza fil-waqt li l-mara hija kunsidrata bħala l-persuna li trid tbaxxi rasha u tassumi r-rwol ta’ sottomissjoni quddiem ir-raġel. F’din ir-relazzjoni ta’ dominanza versus sottomissjoni, fejn allura r-raġel irid jipproteġi l-poter tiegħu u l-mara trid toqgħod għalih, wasslet ukoll għall-vjolenza fuq in-nisa. Dan mhux neċessarjament hu każ ta’ estremiżmu għaliex kieku kif ħafna rġiel vjolenti ma jirrikonoxxux l-imġiba tagħhom bħala vjolenza? Sfortunatament ukoll l-istrutturi soċjali tagħna, bħalma huma l-istituzzjonijiet tal-familja, l-Knisja u s-sistema edukattiv, komplew jgħinu biex dan il-fenomenu jsib għalqa fertili biex jiżviluppa.
L-atti vjolenti fihom nfushom jixhdu l-aċċettazzjoni ta’ inugwaljanza li teżisti bejn ir-raġel u l-mara minħabba din il-mentalità. Għalhekk mhux konvinċenti biżżejjed min jipprova “jiġġustifika” l-għemil vjolenti fuq in-nisa billi jgħid li r-raġel ma jkunx jaf x’inhu jagħmel jew li dan jaqbeż il-limitu għaliex ikun taħt l-influwenza tax-xorb alkoħoliku! Din il-kilba ta’ dominanza ta’ l-irġiel fuq in-nisa hija frott kultura u tradizzjoni f’xi pajjiżi bil-wisq iktar minn oħrajn.
L-istatistika turi li mara iktar hija suġġetta li tkun attakkata, imsawta u saħansitra maqtula mis-sieħeb jew l-eks sieħeb tagħha milli minn persuna oħra. Madwar 20 fil-mija u iktar ta’ nisa, jiddependi mill-pajjiż, huma vittmi tal-vjolenza fid-dar. Din il-vjolenza mhix diskriminatorja, fis-sens li ssibha f’familji sinjuri, f’familji fqar, edukati u mhumiex, u ta’ kull età.
F’dan l-aħħar snin ġew rappurtati iktar każi ta’ vjolenza domestika iżda dan ma jfissirx li żdiedu l-każi fir-realtà. Jista’ jkun li biż-żieda fil-kuxjenza, bit-twaqqif ta’ istituzzjonijiet li jagħtu l-għajnuna u bl-introduzzjonijiet ta’ liġijiet fejn jipproteġu lill-vittmi, instab il-mezz kif dawn il-każi joħorġu fil-beraħ mil-limbu li kienu misturin fih. L-iktar li nisimgħu huma l-każi ta’ nisa msawta kultant brutalment. Iżda daqstant ieħor jagħmlu ħsara, ħafna drabi irreparabbli, il-vjolenza psikoloġika (theddid, umiljazzjoni, ċaħdiet minn ħtiġijiet ekonomiċi bażiċi u fastidju ripetut), il-vjolenza sesswali (ċaħda tal-attività sesswali bħala kastig, atti sesswali vjolenti, relazzjoni sesswali imposta, stupru) u ’l hekk imsejħa vjolenza strutturali (ċaħda lill-mara milli tmur taħdem, milli tiftaħ kont tal-bank f’isimha, milli teżerċita d-drittijiet tagħha sempliċiment għax hija mara).
Kien hemm żmien fejn il-vjolenza domestika kienet meqjusa bħala “affari privata”, fejn l-Istat u s-sistema ġudizzjarja ma kellhomx jindaħlu. Dan iż-żmien għadda u llum l-istorja hija ferm differenti għaliex dan il-fenomenu issa huwa meqjus bħala att kriminali u li jmur kontra d-drittijiet tal-bniedem. Minn daqshekk f’pajjiżna imxejna ’l quddiem ukoll.
Daħħalna liġijiet li jipproteġu lill-vittmi tal-vjolenza domestika u anke waqqfna Kummissjoni dedikata għal dan il-għan. Forsi jonqosna nitgħallmu nużaw iktar il-faċilitajiet kollha li għandna biex nibqgħu niġġieldu dan il-kankru tas-soċjeta’ tagħna. Mhux faċli li ngħidu li s-soluzzjoni għall-vittmi hija li jitilqu mid-dar biex jinħelsu darba għal dejjem mill-istat ta’ swat, miżerja, biża’ u terrur kontinwu. Għall-vittmi huwa daqstant diffiċli li jitkellmu dwar il-problema aħseb u ara biex ifittxu l-għajnuna.
Għalhekk kull wieħed u waħda minna għandna fuq spallejna responsabbiltà xi nġorru. Irridu nwaqqfu din il-vjolenza milli tkompli tinfirex u tmermirna minn ġewwa!
U ma rridux ninsew ukoll li bħan-nisa msawta, għandna wkoll irġiel u tfal...

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075