MediaToday

Intervista | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Il-mixja lejn iċ-Ċentru

Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP

Din mhix l-ewwel intervista tiegħi ma’ Michael Falzon ‘tal-Labour’, kif isejjaħlu kulħadd biex issir id-distinzjoni mill-Michael Falzon l-ieħor, l-eks Ministru Nazzjonalista.
L-aħħar darba li intervistajtu kien f’Mejju 2003, ġimgħa wara li kien elett deputat mexxej tal-MLP. Konna ltqajna Cafè Cordina fuq mejda fuq in-naħa ta’ wara ħdejn il-kċina. Kien għadu ż-żmien fejn il-Partit Laburista kellu relazzjoni ħażina ħafna mal-media saħansitra kien għad kellu bojkott kontra l-programmi ta’ Where’s Everybody?.
Kien laqatni l-kliem ta’ Falzon dwar il-media. “Lest li jkolli l-aqwa relazzjoni mal-media. Kemm-il darba nkun rappurtat fedelment lest li nitkellem ma’ kulħadd,” kien qalli.
Id-diskors kien frisk u ġdid, ġej minn xi ħadd li ried iġib bidla fil-partit li kien għadu kif tilef it-tieni elezzjoni ġenerali nfila.
Għaddew iktar minn erba’ snin minn dik l-intervista u din il-ġimgħa erġajt iltqajt ma’ Falzon fuq l-istess mejda għand Cordina.
Inbidlu ħafna affarijiet f’dawn l-erba’ snin u anki jekk Falzon jibqa’ disponibbli li jitkellem mal-media, ftit qabel is-sajf li għadda meta kienet faqqgħet kontroversja dwar email anonima li kien irċieva, wera li hu sensittiv ħafna għal ċerti rapporti li kienu ippubblikati, fosthom f’din il-gazzetta.
Saħansitra kien anki ‘sploda’ fil-pubbliku waqt attività tal-partit fir-Rabat.
Falzon ma jaqbilx ma’ l-analiżi tiegħi dwar dak li xi minn daqqiet inħoss hu l-iskumdita tiegħu mal-media. Ma nitkellmux wisq fit-tul fuq dan is-suġġett minkejja li d-Deputat Mexxej għamel numru ta’ libelli kontra l-kollegi tiegħi tal-gazzetta MaltaToday.
L-ewwel mistoqsija li nagħmillu hi ovvja iżda pertinenti. Għalfejn in-nies għandha tivvota lill-MLP fl-elezzjoni li jmiss?
“L-ewwelnett għandna Gvern li ilu hemm għal żmien twil u li l-performance tiegħu fiha ħafna nuqqasijiet.It-tieni, il-Partit Laburista qed juri minn issa li kapaċi u se jkun Gvern aħjar. Il-pjanijiet li ippubblikajna huma xhieda ta’ partit ippreparat.”
It-tweġiba tiegħu stajt nantiċipaha għax hi t-tweġiba li kull esponent tal-MLP jagħti għal din il-mistoqsija. Iżda l-politika irriduċiet ruħha biss għal min jista’ jkun l-aħjar maniġer tal-pajjiż?
“Fid-dinja kollha d-differenzi ideoloġiċi m’għadhomx distinti bħalma kienu fi żminijiet oħra. Il-partiti resqu lejn iċ-ċentru. Madankollu xorta nemmen li għad hemm differenzi fl-ideali u l-valuri li jispiraw l-MLP u l-PN. Il-Partit Laburista għandu ideat iktar xellugin u progressivi iżda jibqa’ fatt li waħda mid-differenzi sostanzjali hi wkoll min jista’ jkun l-aħjar maniġer għall-pajjiż,” jgħidli b’konvinzjoni.
Fl-aħħar baġit m’hemmx dubju li l-PN resaq lejn ix-xellug b’uħud mill-miżuri soċjali li tħabbru. In-nies bir-raġun tistaqsi jekk għadx hemm differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin.
Falzon jitbissem. “Ma tridx tara l-aħħar baġit b’mod iżolat. Hu veru li l-PN resaq lejn ix-xellug b’dan l-aħħar baġit imma trid tara l-istampa kollha matul dawn l-aħħar snin. Pajjiżna hu wieħed mill-iktar intaxxati fl-Ewropa u f’dan il-baġit il-Gvern ipprova jagħti ftit lura minn dak li ħa f’dawn l-aħħar snin. Ma tridx tkun għaref biex tinduna li dan kien baġit karrotta għall-elezzjoni.”
X’kienu dawk il-bidliet li bihom l-MLP resaq lejn iċ-ċentru?
“Aktar milli mixja lejn iċ-ċentru nippreferi nsejħilhom punti ta’ konverġenza li fuqhom iż-żewġ partiti llum jaqblu. Bla dubju hemm il-kwistjoni ta’ l-UE. Illum iż-żewġ partiti jemmnu li jridu jimpenjaw ruħhom bl-aħjar mod possibbli ħalli jieħdu l-aħjar mill-isħubija. Hemm ukoll konverġenza dwar il-VAT u l-ħsieb li nersqu lejn sistema ta’ taxxa bbażata fuq il-konsum,” jgħidli d-Deputat Mexxej.
Il-proposta li s-sahra ma tkunx intaxxata tista’ titqies bħala mossa fid-direzzjoni biex it-taxxa titneħħa minn fuq ix-xogħol u titqiegħed fuq il-konsum. Fi Franza dan hu l-ħsieb aħħari ta’ Sarkozy li neħħa t-taxxa minn fuq is-sahra. Falzon hu iktar kawt u jispjega li l-MLP m’għandu l-ebda intenzjoni li jżarma t-taxxa tad-dħul.
“M’għandniex l-iskop li nimminaw is-sistema ta’ l-income tax. Nifhmu li bħal f’kull sistema oħra jista’ jkun hemm min jipprova jabbuża mill-miżura li qed nipproponu u se niżguraw li dan ma jseħħx.
“Irridu niżguraw li s-sahra biss ma tkunx intaxxata. Ma jridx ikun hemm taxxa fuq id-dħul li jiġi mis-sigħat żejda ta’ xogħol li jagħmel impjegat u mhux fuq id-dħul li jiġi mill-ħidma normali. Hemm diversi metodi ta’ kif tista’ ddaħħal sistema li twaqqaf l-abbuż, pereżempju, li s-sahra mhux taxxabbli tkun ikkwantifikata bħala persentaġġ tal-paga.”
Din hi l-ewwel darba li xi ħadd mill-Partit Laburista qed jitkellem fuq xi forma ta’ kontroll fuq l-abbuż. Falzon jgħid li minkejja li l-partit ma tax data sa meta jrid jimplimenta din il-proposta żgur li mhux se tibqa’ fuq il-karta.
“Żgur li miżura bħal din tkun f’postha sa l-aħħar ta’ l-ewwel leġislatura tagħna.”
Imbagħad jispjega l-għan ta’ din il-proposta li ġabet lil kulħadd jitkellem dwarha.
“L-ewwel għan ta’ din il-proposta hu li tinċentiva lil min jaħdem aktar u t-tieni għan hu li tħalli iktar flus fil-bwiet tan-nies, speċjalment il-kategorija t’isfel u medja li s-soltu taħdem is-sahra. Dan imbagħad iwassal għal impatt pożittiv fuq l-ekonomija u jgħin biex nilħqu l-mira tagħna li jkollna tkabbir ekonomiku ta’ bejn erbgħa u sitta fil-mija fis-sena u kwalità ta’ ħajja aħjar.”
Naqbadlu fuq l-għoli tal-ħajja. Donnu kulħadd jaqbel li żmien il-price orders spiċċa...
Jaqtagħli diskorsi. “Price orders, forget it,” jgħidli donnu jrid jenfasizza li dik il-politika Soċjalista ta’ żminijiet oħra m’għadhiex parti mill-qafas ta’ partit li mexa lejn iċ-ċentru.
Imma Gvern Laburista kif se jikkontrolla l-għoli tal-ħajja li naqqar ħafna mill-kwalità tal-ħajja tan-nies f’dawn l-aħħar tliet snin?
“Il-miżura li nnaqqsu s-soprataxxa bin-nofs se jkollha b’mod immedjat impatt pożittiv għax se tgħin biex torħos il-ħajja għall-familji u se tgħin ukoll lill-industrija tkun iktar kompetittiva.
“Hemm imbagħad l-ispiża marbuta mal-Gvern li wkoll tgħolli l-ħajja. F’dan is-sens irridu naqtgħu l-burokrazija u l-maniġment ħażin għax dawn ukoll jgħollu l-ħajja u jfixklu t-tkabbir ekonomiku. F’dan l-aspett il-Gvern jista’ jkollu sehem dirett billi jnaqqas dawn l-ispejjeż kif wara kollox għamel il-Gvern attwali li raħħas il-permessi għax induna b’dak li ilhom jgħidulu n-nies.
“F’dak li għandu x’jaqsam mal-għoli tal-ħajja marbut ma’ dak li nikkunsmaw hemm il-fenomenu ta’ l-inflazzjoni li tiġi minn barra. F’dak il-każ hemm ftit ħafna x’jista’ jagħmel il-Gvern ħlief li jpatti b’miżuri oħra bħall-kumpens adegwat għall-għoli tal-ħajja. Iżda hemm ukoll l-abbuż. Hemm min juża l-iskuża li l-prezz għoli minn barra meta ma jkunx il-każ. F’dawn il-każi Gvern Laburista se jiżgura li jkun hemm awtorità regolatorja indipendenti li tħares id-drittijiet tal-konsumatur.”
Kwistjoni li żgur tolqot il-kostitwenti ta’ Falzon fl-10 Distrett hi l-kostruzzjoni u l-inkonvenjent li din toħloq għar-residenti. Ħafna jsostnu li l-partiti l-kbar huma fil-but tal-kuntratturi u għalhekk qajla jinteressahom jagħmlu xi ħaġa biex irażżnu din l-industrija.
“L-industrija tal-kostruzzjoni mhux tikkontrollaha trid imma tirregolaha. Żgur ħadd mhu se jwaqqaf l-iżvilupp f’Tas-Sliema imma nemmen li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha biex l-industrija ssir sostenibbli u sensibbli. Mind you, m’aħniex fil-but tal-kuntratturi,” iweġibni.
Nistaqsih għalfejn il-partit m’għandux politika li tindirizza s-sitwazzjoni assurda fejn għandek eluf ta’ appartamenti u djar vojta, il-prezz tal-bini mhux qed jaqa’ u nibqgħu nibnu iktar.
Jargumenta li l-industrija tal-bini hi pern importanti għall-ekonomija tal-pajjiż. Għalija dan hu diskors tas-soltu. Insostni li l-bini hu attraenti bħala investiment għax hu investiment mingħajr riskju xejn. M’hemm l-ebda obbligu fuq min iżomm post vojt biex iżommu f’kundizzjoni tajba u m’hemm l-ebda diżinċentiv biex il-post ma jitħalliex vojt għal xejn b’xejn.
Minflok il-Partit Laburista jippreferi jiġġieled is-sintomu ta’ din is-sitwazzjoni assurda u joffri sussidju lil min se jixtri l-ewwel dar tiegħu anki jekk il-prezz tal-bini se jibqa’ jisplodi ’l fuq b’mod redikolu.
“Dwar il-proprjetà vojta jeħtieġ li jkollna studju serju tal-leġislazzjoni tagħna qabel biss ma nikkunsidraw xi tip ta’ diżinċentivi ħalli dak li jkun ma jħallix post vojt b’kapriċċ. M’għandna l-ebda interess nattakkaw l-industrija tal-kostruzzjoni jew xi industrija oħra. Fl-aħħar mill-aħħar l-aġent ekonomiku f’dan il-pajjiż hu l-privat iktar milli l-Gvern. Madankollu mhux se nabdikaw mir-rwol ta’ regolatur effettiv anki fil-każ ta’ l-industrija tal-bini,” isostni Falzon mingħajr ma jgħidli xejn ġdid.
Nistaqsih jekk hemmx kuntratturi li jiffinanzjaw lill-MLP u b’nofs daħka jgħidli li hu mhux il-kaxxier tal-partit.
Imbagħad ikompli jwieġeb: “Fil-konferenza ġenerali tal-partit dejjem nippreżentaw kontijiet awditjati li jista’ jarahom kulħadd. L-ikbar sors tad-dħul għall-partit huma dawk l-erba’ ġabriet li nagħmlu matul is-sena.”
Ninsisti li minkejja l-informazzjoni li jippubblika l-partit ma nafux min jagħmel id-donazzjonijiet.
“Nassigurak li m’għandna lil ħadd jiġina b’ċekkijiet ta’ eluf kbar tal-liri. Nassigurak ikun ferm iktar faċli għall-partit li jkollu erba’ ċekkijiet bl-eluf kbar milli noqogħdu niġru wara l-ammonti ż-żgħar. Imma aħna partit popolari u d-dħul tagħna ġej minn ħafna nies.
“Jekk għandek f’rasek l-eluf kbar, qed titkellem mal-persuna l-ħażina. Li nista’ ngħidlek żgur hu li bħala partit m’għandna l-ebda problema mmorru lura għar-rakkomandazzjonijiet li kienet għamlet il-Kummissjoni Galdes dwar il-finanzjament tal-partiti. Dakinhar l-MLP kien qabel li ċerti donazzjonijiet ’l fuq minn Lm10,000 ikunu illegali u donazzjonijiet ’l fuq minn Lm5,000 ikun dikjarat is-sors. Il-Partit Nazzjonalista ried li l-ammonti jkunu Lm20,000 u Lm10,000 rispettivament. Naħseb dik indikazzjoni ta’ min jaqla’ l-eluf kbar.
“Min-naħa l-oħra, fuq bażi personali, naqbel ma’ sistema ta’ finanzjament tal-partiti mill-Istat kemm-il darba tkun trasparenti, accountable u fair.”
Ġimgħa wara splużjoni oħra f’kamra tan-nar li ħalliet persuna mejta ma jistax ikun li ma nistaqsix lil Falzon, dilettant ukoll tal-festi u l-logħob tan-nar, x’hemm bżonn isir biex innaqqsu dawn l-inċidenti fatali.
Ninnota ħarsa ta’ diqa f’għajnejh.
“Sfortunatament din hi kwistjoni li tqum meta jkun hemm inċident. M’hemm xejn ħażin li wieħed jiddiskuti mal-partijiet kollha konċernati kif l-affarijiet jistgħu jitranġaw. Hemm lok għal titjib f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtà tal-kmamar tan-nar, l-edukazzjoni tan-nies involuti u l-kontroll fuq materjal impurtat għall-ħdim tan-nar. Ix-xogħol tan-nar hu xogħol ta’ passjoni kbira u nazzarda ngħid li f’Malta jinħadem ftit mill-aħjar nar fid-dinja. Hi ħasra li din in-namra titebba’ b’inċidenti bħal dawn.”
L-elezzjoni li jmiss se tkun l-ewwel test elettorali għal Falzon bħala kandidat. X’se jkun id-destin ta’ Falzon fl-10 Distrett u t-Tieni?
“Dak jiddeċiduh in-nies. S’issa kelli esperjenza kbira ta’ tagħlim u nħoss li l-MLP jista’ jilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ l-elettorat fuq dawn iż-żewġ distretti daqstant differenti. Wara kollox aħna lkoll Maltin u t-titjib fil-kwalità tal-ħajja jagħmel ġid lil kulħadd. L-MLP jista’ jissodisfa l-aspirazzjonijiet ta’ kull settur tas-soċjetà Maltija,” isostni, konxju li ż-żewġ distretti huma għal kollox differenti minn xulxin.
Nistaqsih jekk l-MLP għadux partit tal-ħaddiema.
“Iva, bid-differenza li l-kelma ħaddiem tinkludi lil kulmin b’ħidmietu jikkontribwixxi għalih, il-familja u l-pajjiż.”
Qabel nitlaq nistaqsi lil Falzon jekk l-MLP hux magħqud biex jiffaċċa l-elettorat b’serħan il-moħħ. Iweġibni mill-ewwel mingħajr tlaqliq, b’sentenza li kważi nasal ngħid ilu jirrepetiha f’moħħu.
“Aħna partit wieħed, b’mexxej wieħed, b’għan wieħed li nirbħu l-elezzjoni li ġejja ħalli nkunu gvern aħjar minn ta’ llum.”
Falzon m’għandu l-ebda dubju li Gvern Laburista se jagħmel iktar minn ħames snin bil-kontra ta’ l-aħħar esperjenza ta’ Gvern li dam biss 22 xahar.
“Hawn wisq ħsara biex insewwuha kollha f’ħames snin,” jgħidli b’ċerta konvinzjoni li din id-darba l-affarijiet jistgħu jkunu differenti.

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075