MediaToday

Il-Punt - Albert Bell| 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Ir-realtà tal-vjolenza domestika

F’kull kuntest soċjali nsibu għadd ta’ ideat dwar il-valuri li jinsġu l-kultura. Il-kultura li nsawru b’għemielna u li hi magħġuna mill-wirt soċjo-kulturali li jingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz ta’ proċessi ta’ soċjalizzazzjoni fil-familja, fl-iskejjel u mkejjen soċjali kruċjali oħra.
Ħafna drabi l-perċezzjonijiet tagħna dwar il-karatteristiċi kulturali li jiddominaw fil-kuntest li ngħixu fih jirriflettu miti li għalkemm tassew jista’ jkollhom għeruq ontoloġiċi u sfond storiku, huma minsuġa fil-psike soċjali kollettiv u jistgħu jkunu distakkati mir-realtajiet li nkunu qed ngħixu lkoll.
Pereżempju meta nitkellmu dwar is-soċjetà Maltija niddistingwu s-solidarjetà, il-wens, il-mogħdrija, il-familja u l-ħniena, fost valuri oħrajn, bħala karatteristiċi tipiċi ta’ pajjiżna u tagħna l-Maltin.
Dawn m’humiex miti minsuġa mit-tiben. Għandna ħafna ħwejjeġ f’pajjiżna li jagħtu u joffru xhieda ta’ dawn il-kwalitajiet. Iżda ’l hinn minn dan kollu, nesperjenzaw u ngħixu f’realtà soċjali fejn ħafna drabi niġu wiċċ imbwiċċ ma’ aspetti tat-tessut soċjali tagħna li jikkontradixxu dawn il-miti. Ovvjament il-miti huma ħafna aktar komdi għalina u nibqgħu nirrepetuhom anki biss biex inħossuna aktar komdi dwar min aħna.
In-nuqqas ta’ għarfien li għandna dwar il-fenomenu tal-vjolenza domestika, li sfortunatament huwa parti mir-realtà li jgħixu ħafna fostna f’pajjiżna, speċjalment fost in-nisa u dawk l-aktar vulnerabbli, tikxef bl-aktar mod ċar il-lenti mċajpra li bħala Maltin tul is-snin addottajna biex naraw u niddeskrivu lilna nfusna u s-soċjetà li ngħixu fiha. Għal dawk li bħalissa qed jgħixu sitwazzjoni ta’ abbuż fiżiku, u/jew sesswali, verbali, psikoloġiku u emozzjonali kontinwu u krudili, l-esperenjenza tagħhom fl-intimità ta’ djarhom żgur mhix waħda ta’ kumpassjoni, imħabba jew ħniena. Anzi bil-kontra.
Aktar minn hekk, f’soċjetà fejn il-falliment jew id-diffikultajiet f’relazzjonijiet intimi u fil-familja jġorru tabù liema bħalu, ħafna jibqgħu jsofru l-abbuż f’dawk l-erba’ ħitan li suppost iħarsu s-sigurtà, is-saħħa u s-sanità ta’ kulmin jgħix fihom.
L-attitudni ta’ xi wħud minn dawk li għandhom ikunu fuq quddiem tal-battalja kontra l-vjolenza domestika wkoll sfortunatament mhux dejjem tgħin biex min qed jgħix taħt il-madmad ta’ dak li mhu xejn ħlief eżerċizzju ta’ intimidazzjoni u kontrol fuq ir-rieda u l-volontà ta’ persuna oħra, ifittxu u jsibu l-għajnuna, il-kenn u aktar minn hekk, rimedju effettiv u dejjiemi għas-sitwazzjoni li jinsabu fiha.
Ma rridx ninstema negattiv. Tul dawn l-aħħar snin u taħt leġislaturi differenti sar ħafna biex nibdew nagħrfu u niġġieldu r-realtà tal-vjolenza domestika. It-twaqqif tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika b’att ta’ liġi mill-Parlament Malti fl-2006 jista’ jitqies bħala żvilupp importanti f’dan ir-rigward. Forsi iktar importanti minn hekk, fuq livell ta’ prattika professjonali fil-kamp, għandna diversi eżempji ta’ eċċellenza. Hawnhekk ta’ min isemmi u jrodd ħajr lill-ħaddiema, kemm fis-settur statutorju u f’dak volontarju, li ta’ kuljum u b’ħila u dedikazzjoni assoluta, joffru spalla ta’ appoġġ għal dawk li għandhom bżonn.
Iżda hekk kif illum, il-25 ta’ Novembru, flimkien mal-pajjiżi kollha membri fi ħdan il-Kunsill ta’ l-Ewropa, qed inġeddu u nikkonfermaw l-għażla tagħna lkoll bħala nazzjon favur l-eliminazzjoni tal-vjolenza, f’kull forma, fuq in-nisa rridu naslu għar-realizzazzjoni kruċjali li iva, il-fenomenu tal-vjolenza fuq in-nisa hu realtà f’pajjiżna u li t-trattament barbaru li jsofru għadd ta’ nisa hawn Malta fl-intimità ta’ djarhom hu mostru li ilu u għadu magħna minkejja l-kisbiet kollha ta’ dawn l-aħħar snin. Ikun meta nieħdu l-pass kollettiv bħala soċjetà li ngħarfu, nixtarru u nifhmu l-eżistenza ta’ din il-problema soċjali u dawk il-fatturi soċjo-kulturali relatati magħha li nkunu f’pożizzjoni aktar b’saħħitha biex verament naslu għall-kultura ta’ tolleranza żero tant meħtieġa biex tikkumbatti u taħsad il-problema mill-għeruq.

Albert Bell hu membru
fil-Kummissjoni dwar
il-Vjolenza Domestika

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075