MediaToday

Editorjal | 25 ta’ Novembru 2007 • Nr 56

Vittmi ‘tad-dmir’

Id-dmir tal-mara hu li tieħu ħsieb it-tfal. Id-dmir tagħha hu li tissodisfa lir-raġel f’kollox u tkun sottomessa għar-rieda tiegħu. Id-dmir tagħha hu li tiżgura li kull filgħaxija jkun hemm il-borma lesta. Id-dmir tal-mara hu li żżomm il-familja magħquda... anki jekk dan ifisser li tiskot quddiem is-swat psikoloġiku u fiżiku.
Il-lista tad-dmirijiet imposti fuq in-nisa mis-soċjetà hi ferm itwal minn hekk. Huma dmirijiet imfassla minn soċjetà li għadha ma tapprezzax biżżejjed ir-rwol sħiħ tal-mara fil-ħajja ta’ kuljum. Huma dmirijiet ġejjin minn tradizzjonijiet ta’ żmien ieħor li sfortunatament għadhom jixxettlu fostna.
Huma tradizzjonijiet megħjuna wkoll minn kultura reliġjuża li tpoġġi l-għaqda tal-familja fuq kollox anki jekk dan ikun ifisser it-tkissir ta’ l-individwi f’dik l-istess familja.
Mhumiex ftit in-nisa fostna li huma vittmi ‘tad-dmir’. Mhumiex ftit dawk li jgħixu f’dar li iktar tixbah lil ħabs. Mhumiex ftit dawk li jgħixu fil-biża’ ta’ żwieġhom. Mhumiex ftit dawk li ma jafux jekk l-aħħar xebgħa li se jaqilgħu hix dik li se tibgħathom għand Alla.
Illum niċċelebraw il-Jum Dinji Kontra l-Vjolenza Domestika biex ma ninsewx li f’Malta tal-2007 għad hemm nisa li jsofru vjolenza fiżika u psikoloġika f’darhom stess.
Skomda kemm hi skomda din ir-realtà jeħtieġ niffaċċawha.
Mhuwiex faċli għall-vittma li ssofri vjolenza domestika li toħroġ mill-gaġġa li tkun fiha. In-nuqqas ta’ stima, il-mistħija, is-sens kbir ta’ ħtija, id-dipendenza finanzjarja fuq ir-raġel, it-trobbija tat-tfal u l-pressjoni familjari huma wħud mir-raġunijiet li jżommu lill-persuna maqbuda fil-morsa.
Dawn il-vittmi għandhom bżonn lil min jifhimhom. Imma mhux biss. Jeħtieġ li s-soċjetà tgħaddi messaġġ ċar li mhux se taċċetta sitwazzjoni fejn nisa, tfal u kultant irġiel, jibqgħu jsofru l-vjolenza fis-skiet ta’ djarhom.
Dan il-messaġġ irid jitwassal b’azzjoni konkreta, b’atti leġislattivi u bi strutturi li jiżguraw li l-vittma ma tispiċċax vittma wkoll ta’ l-inkompetenza burokratika.
F’dan il-kuntest kulħadd, inkluża l-media, għandha d-dmir li taġixxi biex din il-pjaga ma tibqax tnixxi d-demm.

Il-kelma tat-tfal
Waħda mill-proposti li ħarġu biha t-tfal li ħadu sehem fil-proġett eko-skola kienet indirizzata lejn il-partiti politiċi biex dawn ma jibqgħux jibagħtu bisibilju ittri u fuljetti fid-djar li ħafna drabi jispiċċaw mormija għax ma jkollhomx valur.
B’kuxjenza ambjentali t-tfal irraġunaw li dawk il-karti kollha, li qajla jkollhom xi valur informattiv u li ftit huma n-nies li jiefqu jaqrawhom, qed iwasslu għall-qerda ta’ iktar siġar bla bżonn. Għandhom raġun.
Wara kollox anki fuq livell purament ta’ marketing kważi lanqas sar jagħmel sens li l-kandidati jimpustaw il-fuljetti fil-kaxxi ta’ l-ittri għax saru jintilfu mal-patafjun fuljetti kummerċjali u magażins li ta’ kull ġimgħa jirċievu l-familji.
Użu iktar meqjus tal-fuljetti ma jagħmilx ħażin. Iżda jkun iktar ta’ ġid jekk il-kandidati jesploraw mezzi iktar moderni bħall-internet biex iwasslu l-messaġġ tagħhom u jqarrbu iktar lin-nies lejn esperjenza interattiva.
Iżda lil hinn minn din il-proposta partikolari kien inkoraġġanti tara u tisma’ lit-tfal jitkellmu b’ċerta passjoni dwar l-ambjent ta’ madwarhom. Dawn it-tfal mhumiex il-futur tagħna. Huma l-preżent. Ħafna drabi nippruvaw inpoġġu lit-tfal fil-kaxxa tal-futur għax forsi hu iktar konvenjenti għalina u b’hekk inkunu nistgħu ninjoraw it-talbiet tagħhom illum.
L-aspirazzjonijiet, il-ħtiġijiet u l-inkwiet tagħhom jirriflettu l-qagħda tagħhom illum u mhux ta’ għada. Forsi hemm bżonn nieqfu għal ftit mill-priedki u minflok nisimgħuhom iktar. L-innoċenza tagħhom taf tkun xewka pertinenti għall-kuxjenza ta’ l-adulti.

Intervista
Il-mixja lejn iċ-Ċentru
Kurt Sansone jintervista lil Michael Falzon, Deputat Mexxej MLP


Editorijal

Vittmi ‘tad-dmir'


Il Punt
Ir-realtà tal-vjolenza domestika
Albert Bell

TONI u PEPPI
It-tfal: nisimgħuhom jew niggustawhom?


Emmanuel Micallef
Nisa terrorizzati


Carmelo Mifsud Bonnici

Il-pożizzjoni Belġjana llum



X'kien Jgħid
Il-fattur ‘Josie'



Wenzu Mintoff

Trash TV


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075