MediaToday

X'Kien jgħid? | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Żelqa fin-niexef

Issa hu żgur li l-elezzjoni fadlilha mill-anqas tliet xhur oħra, jekk mhux aktar. Dan hu perjodu meta kull pass falz li jieħu partit politiku, jew ieħor, jista’ ikollu konsegwenzi negattivi, ħafna drabi b’mod li jkun sproporzjonat ma’ dak li jkun ġara fil-fatt.
Hu għalhekk li x’jagħmlu u x’jgħidu Lorenzo u sħabu f’dan iż-żmien jassumi importanza ferm akbar mis-soltu.
Ħmistax ilu, l-ewwel ħarġa tal-gazzetta Stricklandjana ta’ nhar ta’ Ħadd b’dehra ġdida u b’editur ġdid, welldet kontroversja ġdida wkoll, kontroversja li fiha kienu involuti s-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, u l-awtoritajiet tal-Bank Ċentrali.
L-istorja bdiet minn rapport fl-ewwel paġna tal-gazzetta li nkiteb mill-istess viċi-editur tal-gazzetta, artiklu li fih intqal ladarba Malta tidħol fiż-żona ewro, ma jkollhiex għalfejn iżżomm livell għoli tar-riservi bħalma għandha llum; u allura se jkun hemm flus li jkunu jistgħu jiġu wżati biex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż. Saħansitra issemmiet iċ-ċifra ta’ sitt miljuni fis-sena li jkunu jistgħu jintużaw mill-gvern għal dak l-iskop.
Dan ir-rapport m’għoġob xejn lill-awtoritajiet tal-Bank Ċentrali li mill-ewwel ħarġu stqarrija mimlija għadab biex iweġbuh: qalu li r-rapport kien spekulazzjoni bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata ta’ l-effett tad-dħul ta’ Malta fiż-żona ewro fuq il-kontijiet tal-Bank Ċentrali. Mhux biss merew ir-rapport, iżda tkażaw ukoll kif il-ġurnalista ma ndenjax jitlob l-opinjoni tal-Bank Ċentrali qabel ma ppubblika l-artiklu tiegħu.
Ħsibt li din l-istorja kienet xi żball oħxon tal-ġurnalista… sakemm nhar il-Ħadd l-istess ġurnalista kiteb rapport ieħor li fih sostna li Tonio Fenech kien jaqbel mar-rapport li dwaru l-Bank Ċentrali kien oġġezzjona. Anki jekk dan ma ntqalx b’mod espliċitu, kien ovvju li l-istorja oriġinali ma kienx ivvintaha l-ġurnalist minn żniedu… iżda kienet ispirata minn wara l-kwinti mill-istess Tonio Fenech!
Lino Spiteri ħa spunt minn din l-istorja biex jikteb li dan in-nuqqas ta’ qbil qatt ma kellu joħroġ fil-beraħ u sussegwentement l-istazzjonijiet tar-radju u tat-televiżjoni tal-Partit Laburista qabdu ma’ din l-istorja biex ipinġu sitwazzjoni ta’ diżgwid intern fl-amministrazzjoni.
Kulma ntqal – bl-ispirazzjoni ta’ Tonio Fenech - kien li wara d-dħul ta’ l-ewro, parti mir-riżervi barranin ta’ Malta li huma investiti fis-sod iżda b’interess baxx ikunu jistgħu jiġu investiti b’rati ta’ interess ogħla, anki jekk dan ikun ifisser b’riskju ogħla. Għax ir-riżervi li jibqgħu għand il-Bank Ċentrali mhux se jkunu vitali biex jappoġġaw il-munita li tintuża fil-pajjiż, bħalma hu l-każ bħalissa meta l-munita tagħna hi l-lira Maltija li tistrieħ biss fuq ir-riżervi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Iżda meta l-Bank Ċentrali joħroġ bi stqarrija daqstant feroċi biex jikkontradixxi l-proposta - kif fil-fatt ħareġ - allura wieħed jikkonkludi li Tonio Fenech kien tassew ħa l-proverbjali żelqa fin-niexef.
Anki jekk l-argument bejn it-tnejn hu wieħed ta’ natura teknika, din hi t-tip ta’ żelqa li Lorenzo ma jistax jaffordja li jkollu minn issa sa qabel l-elezzjoni, illi issa hu ċar li se ssir bejn Marzu u April - kif, wara kollox, dejjem ħsibt jien.
X’seta’ rebaħ il-gvern, jew il-partit immexxi minn Lorenzo, li kieku r-rapport oriġinali ma kienx ikkritikat mill-Bank Ċentrali?
Ftit li xejn, anzi xejn. Iżda bl-istqarrija xejn kumplimentuża tal-Bank Ċentrali, l-amministrazzjoni ta’ Lorenzo dehret bħala waħda mhux kumpatta; b’differenzi li wasslu għal reazzjoni goffa kontra, għalkemm b’mod indirett, l-pożizzjoni tas-Segretarju Parlamentari.
Hu fatt – kif kiteb Lino Spiteri nhar it-Tnejn fil-gazzetta Stricklandjana – li fejn hemm il-bnedmin, ikun hemm in-nuqqas ta’ qbil u li hu impossibli li qatt ma jkun hemm differenzi bejn il-veduti tal-Ministeru tal-Finanzi u tal-Bank Ċentrali; iżda dawn id-differenzi s-soltu jkunu riżolti minn wara l-kwinti u ma jaslux fil-punt li ż-żewġ naħat jasserixxu l-pożizzjoni tagħhom pubblikament, kif donnu li ġara f’dan il-każ.
U hawn hu l-bużillis li tfaċċa f’daqqa waħda ma’ wiċċ Lorenzo, tista tgħid, mix-xejn. Din wasslet biex nhar it-Tlieta saret laqgħa ta’ livell għoli dwar din il-kwistjoni.
Fi żmien meta l-baġit tassew ġeneruż kien qed iservi biex ħafna aktar jibdew iħarsu lejn il-gven ta’ Lorenzo b’mod pożittiv u meta id-dottor Sant kellu jbiddel id-diska u minflok jirrakkonta dwar dwejjaq u dlamijiet, beda jwiegħed l-ilma jiżfen anki jekk assolutament bla ebda kont, ix-xitan deffes denbu u dendel it-tuffieħa tat-tentazzjoni quddiem Tonio Fenech. U Tonio Fenech ħatafha.
Imma dan x’fettillu?

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075