MediaToday

Wenzu Mintoff | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Il-kbir għadu ġej

Mela l-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Laurie Gonzi fettillu joħroġ bi frażi oħra memorabbli li ‘l-kbir għadu ġej’. It-tifel ta’ l-irpużat ta’ San Anton li kien wieħed mid-djakni li jikkonċelebra fil-Liturġija Nazzjonalista ta’ kull nhar ta’ Ħadd, mill-ewwel ħa l-imbekkata.
Dan tant beda jara kbir li tgħidx kemm ftaħar bil-‘kwantità kbira’ ta’ nies li kellhom quddiemhom, meta fil-fatt kienu forsi 30 ruħ kollox ġo toqba ta’ uffiċċju li l-PN għandu fil-Mosta. Jiena ma nafx fiex eżattament se jkun jikkonsisti dan ‘il-kbir li għadu ġej’ ta’ Laurie Gonzi. Imma naħseb li fi kwazi 20 sena ta’ Gvern Nazzjonalista, li kellna naraw rajnieh u rajna aktar minn biżżejjed, kbir kemm hu kbir dak li suppost għadu ġej.
Forsi Dr Gonzi qed jirreferi għat-tronku kollu skaldi li rridu nħabbtu wiċċna miegħu wara l-elezzjoni biex inpattu għad-dnubiet kbar u żgħar li qed isiru minn issa sa l-elezzjoni? Semmiegħ tal-programm tiegħi fuq ir-radju għamel battuta ħelwa fuq din il-famuża frażi li jħobb juża l-‘Elvis ta’ Malta’, il-kantant Freddie Portelli.
Jekk Dr Gonzi qed jgħidilna ‘il-kbir għadu ġej’, aħna għandna nwiġbuh bi kliem Freddie Portelli stess, ‘Mur ħallini u itlaq ’l hemm għax dejjaqtni ma tafx kemm, mur u ħallini, jaqbillek titlaq ’l hemm’.
Kulma jmur il-profil tal-kampanja elettorali li ġa ninsabu fiha qed jieħu sura iktar definita. Bil-fatt li l-Prim Ministru Gonzi ddeċieda li ma jiddeċidix id-data ta’ l-Elezzjoni Ġenerali, spiċċa iddeċieda li din ssir is-sena d-dieħla, kif kien previst wara kollox.
Għax l-effetti tal-ħmira ta’ dan il-baġit, tajjeb jew ħażin, iridu jibdew jinħassu fil-bwiet tan-nies qabel ma’ n-nies jitkellmu bil-vot tagħhom. Jistgħu jittellgħu kemm jittellgħu kartelluni, jintbagħtu fuljetti u libretti fid-djar tagħna, u jsiru riklami fuq il-mezzi tax-xandir mimlija propaganda rħisa, fl-aħħar mill-aħħar in-nies bħal San Tumas. Irridu jaraw b’għajnejhom u jmissu b’idejhom biex forsi jibdew jemmnu.
Kampanja ta’ propaganda rħisa, il-kelma ġġib hekk. Għax għalkemm lin-Nazzjonalisti din il-kampanja qed tiġihom b’xejn, lill-poplu qed tiġih tiswa ħafna flus għax hi iffinanzjata mit-taxxi tagħna, naqblu jew ma naqblux mal-Gvern tal-ġurnata. Riklami li sfortunatament qed jidhru wkoll fuq il-mezzi tax-xandir Laburista, li meta taċċetta din ix-xorta ta’ reklamar, impliċitament qed tilleġġittima eżerċizzju illeċitu fl-isparpaljar ta’ flus il-poplu fi propaganda partiġġana li qed iħallas għaliha l-Istat flok il-Partit Nazzjonalista.

PBS News
Dan il-pajjiż għandu l-parafernalja u r-remiżolji kollha ta’ sistema li suppost hi demokratika. Imma meta niġu għas-sustanza għal ‘crunch of the matter’, tirrealizza kemm il-Gvern għadu jista’ jabbuża mill-pożizzjoni dominati tiegħu meta jiswilu l-aktar, speċjalment lejlet l-elezzjoni f’kampanja elettorali.
Illum il-ġurnata l-Kamra ta’ l-Aħbarjiet tal-PBS, immexxija minn Sylvana Cristina li minkejja li tilgħab il-logħba li żżomm profil baxx kemm jista’ jkun biex ħadd ma jwaħħal fiha, fl-aħħar mill-aħħar il-ħniżrijiet li qegħdin isiru xorta hi taħti għalihom.
Il-Ħamis li għadda l-bulettin ta’ l-ahbarijiet tat-8pm fetaħ b’servizz li kien twil iktar minn ħames minuti dwar il-famuż pont ta’ Manuel Dimech. Tisma’ dan is-servizz, tieħu l-impressjoni li kienu qed jitkellmu fuq il-Golden Bridge ta’ San Francisco jew fuq il-Brooklyn Bridge ta’ New York u mhux fuq biċċa pont li mhux żgur fih 50 metru kollox.
Assolutamament ma kien hemm l-ebda valur ta’ l-aħbar f’dak li ntqal, imma kien sempliċement eżerċizzju sfaċċat fid-damage control biex il-Gvern ifittex kull skuża possibbli biex jiġġustifika għalfejn xogħol li suppost ikun lest sa tmiem dan ix-xahar li qegħdin fih, se jittawwal sa Mejju tas-sena d-dieħla.
L-iktar skuża banali li smajt fuq id-dewmien biex jitlesta x-xogħol fuq dan il-pont famuż, minbarra li għal xi żmien kienu jiltaqgħu taħtu Żeppi l-Ħafi u Edward sive Eddie, kienet dik ta’ Gonzi meta qal li l-konkrit tiegħu tant kien iebes li kellu jiġi ordnat xi apparat speċjalizzat minn barra biex ikun jista’ jitkisser. Bħal dak li qallu mhux għalhekk isiru t-testijiet u s-surveys qabel ma jingħatha tender biex skoll bħal dan ikun magħruf minn qabel ma jingħatha l-kuntratt.

‘Zimbabweplus’
L-abbuż tal-Partit Nazzjonalista mill-mezzi ta’ l-Istat għall-finijiet partiġġani hu wieħed rampanti. It-Tnejn li għadda rajna edizzjoni oħra tal-programm ‘Zimbabweplus’ fejn mill-ġdid rajna kif dan il-programm ħafna drabi qed iservi ta’ krozzi għall-Pe Enne u ta’ pixxikalda fejn jidħol biss il-Partit Laburista.
Il-preżentatur, għall-iskopijiet ta’ moħħu, għażel li jaqbad biss ma’ żewġ proposti mill-ħafna li għamel Alfred Sant fit-twegiba tiegħu għall-baġit u li jagħmel minn kollox biex jipprova jtertaqhom.
Tajjeb li fuq l-istazzjon nazzjonali jiġu diskussi l-proposti tal-MLP dwar il-festi pubbliċi li jaħbtu fi tmiem il-ġimgħa u fuq it-tneħħija tat-taxxa minn fuq is-sahra. Imma fl-istess ħin nistenna wkoll li d-diskussjoni tinkludi wkoll il-proposti li n-Nazzjonalisti ikkupjaw minn fuq il-Pjan ta’ Bidu Ġdid Laburista.
Il-ħafna proposti tal-Gvern Nazzjonalista li sena wara sena ilhom jirrolljaw minn baġit għall-ieħor. Il-proposti tal-PN għall-Port il-Kbir li jinkludu dik tal-Baċir Nru 1 li kienet feġġet għall-ewwel darba madwar 12-il sena ilu.
Kif tal-PN iċ-Children’s Allowance l-ewwel ħaduhomlok u issa għax waslet l-elezzjoni qed jagħtuk lura biċċa milli ħadulek u kif skond l-eks President tal-Kamra tal-Kummerċ Reginald Fava, wara Marzu li ġej, il-prezzijiet f’Malta mistennija jisplodu.
Mhemmx għalfejn ngħidu li minn dan kollu fil-programm ‘Zimbabweplus’ ma kien hemm assolutament xejn.

Down Under
Fil-pajjiżi ċivilizzati, tneħħi pajjiżi bħal Zimbabwe, teżisti regolamentazzjoni stretta sa l-inqas dettall ta’ x’għandu jiġri f’kampanja elettorali speċjalment fejn jidħol ix-xandir pubbliku biex jiġi żgurat li tingħatha opportunità ugwali lil kull partit politiku li qed jikkontesta.
Imma fejn jidħol Peppi mhemmx rispetti, tant li nhar il-Ġimgħa li għaddiet ta’ kunduttur li hu, tella’ programm minn dawk li jdawrulek l-istonku dwar iż-żjara ta’ Dr Gonzi fl-Awstralja. Żjara li ilha li seħħet iktar minn 3 xhur ilu u għal ġieħna jiftaħru li dan hu l-aqwa programm ta’ ġrajjiet kurrenti.
Meta Alfred Sant għamel żjara simili fl-Awstralja, Peppi l-kunduttur ma bagħatx il-krù tiegħu jsegwuha u jieħdu ’l fuq minn 60 siegħa ta’ filmati bħalma għamlu ma’ Laurie Gonzi. Forsi għax fil-każ ta’ Sant, ma ħallsulhomx tal-vjaġġ u ta’ l-alloġġ bħalma ġara fil-każ taż-żjara ta’ Gonzi meta kollox kien imħallas mill-Kaxxa ta’ Malta.

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075