MediaToday

Toni u Peppi | 11 ta’ Novembru 2007 • Nr 54

Taqbel ma’ għomor il-ħabs?

TONI

Terz tal-pajjiżi fid-dinja għandhom il-piena kapitali. Iż-żewġ terzi l-oħra ilhom li neħħew din il-piena. B’danakollu fil-pajjiżi kollha fid-dinja jipprovdu għall-piena ta’ għomor tal-ħabs, ovvjament b’differenzi ta’ kif din tiġi applikata.
Jiena dejjem kont kontra l-piena kapitali għax dejjem emmint li meta toqtol lil min għamel reati gravi tkun qiegħed tagħmillu pjaċir. Il-bniedem kien imwieled biex ikun ħieles, li jkollu l-libertà tal-moviment u li jiddeċiedi dak li jrid, dejjem fil-qafas ta’ dak li hu legali.
Għalhekk, fil-fehma tiegħi, l-agħar kastig li wieħed jista’ jagħti hu li bniedem tħallih ħaj u tneħħilu l-libertà. Poġġih fl-aktar villa lussuża li tista’ timmaġina fejn ma jkun jonqsu xejn, jekk jibqa’ għal għomru konfinat fiha qisek qtiltu. Apparti dan, f’każ ta’ piena ta’ ħabs għal għomor jekk jirriżulta li kien hemm żball dejjem jista’ jinħeles u dak li jkun ifittex għad-danni. Qiegħed ngħid dan għaliex is-sistema ta’ ġustizzja tal-bniedem faċilment jista’ jkun suġġett ta’ l-iżbalji.
Biżżejjed insemmi li fl-Istati Uniti kien hemm 120 każ fejn kundanna għall-mewt tħassret għax wara li tkun ingħatat is-sentenza jitilgħu provi fil-wiċċ li juru biċ-ċar li l-ikkundannat kien innoċenti. Li ma kienx għall-fatt u damu jistennew biex jiġu esegwiti s-sentenzi, kienu jinqatlu.
Jien nemmen li aħna għandna niddistingwu bejn reati u reati. Skond l-Artiklu 211 tal-Kodici Kriminali Malti l-piena ta’ għomor il-ħabs hija riservata għal min jinsab ħati ta’ omiċidju volontarju. F’pajjiżi bħaċ-Ċina l-piena ta’ għomor il-ħabs ingħatat anke għal min seraq gallinar tiġieġ. Għalhekk l-argument għandu jkun li jrid ikun hemm proporzjonilità bejn ir-reat u l-piena ta’ għomor il-ħabs.
L-argumenti jqumu jekk għomor ifissirx għomor — għax kull pajjiż għandu definizzjoni għalih. Fil-Bosnia Herzegovina għomor il-ħabs tfisser 20 sena ħabs, mentri fl-Awstrija wara 15-il sena jista’ jiġi applikat il-prinċipju tal-parole. F’Malta għomor il-ħabs ifisser għomor il-ħabs fil-konfront ta’ kull persuna li tikkommetti reat u tinstab ħatja tiegħu għal din il-piena. Din il-piena tingħata mingħajr distinzjoni ta’ età jew saħħa tal-persuna
Wieħed ma jridx iħares biss lejn l-interessi tal-persuna miġjuba ħatja, imma jrid ukoll jagħti kas ta’ l-interessi tas-soċjetà. Altru li jkollok persuna qatlet ieħor f’saħna ta’ demm, u altru jkollok qtil biered u kkalkulat u maħsub minn qabel. Altru adult qatel adult u adult qatel minuri, jew bil-kuntrarju.
Fil-fehma tiegħi illum hemm reati ħafna aktar gravi minn omiċidju għax jagħmlu aktar ħsara daqs, jekk mhux aktar ukoll, ħsara minn wieħed li jkun qatel liz-zija xiħa biex jiritha. Nemmen li għandna nagħmlu distinzjoni fil-każ ta’ minuri meta jwettaq reat punibbli piena ta’ għomor il-ħabs.
Aħna nagħmluha, iżda hemm pajjiżi oħrajn li ma jagħmluhiex. Emmen jekk trid, fil-kumpannija ta’ dawn il-pajjiżi bħat-Tanżanija nsibu l-Istati Uniti. Hemm diversi metodi fejn nistgħu ntaffu mill-inumanità tal-piena għall-għomor il-ħabs, b’mod speċjali meta niftakru li piena ta’ din ix-xorta tolqot fil-laħam il-ħaj lill-familja ta’ l-ikkundannat.
Id-dinjità ta’ persuna tistħoqqilha li meta persuna tkun żbaljat għall-ewwel darba għandha tingħata ċans ieħor li ssib ruħha fis-soċjetà u mal-familja tagħha. Is-sistema tal-parole hija mezz kif jista’ jintlaħaq dan il-għan.
Fl-Awstrija wara 15-il sena dak li jkun jista’ japplika għall-parole u jkun ifisser li jekk l-individwu juri li hu imħejji biex jidħol fis-soċjetà jaħtaf dan iċ-ċans, b’ċerti kawteli, naturalment.
Issa anke f’Malta hawn min qed jagħmel din il-proposta. Jien naqbel iżda b’ċerti riżervi - mhux għal dawk li jkunu wettqu r-reati tat-traffikar tad-droga meta jkun hemm ukoll il-każ ta’ omiċidju volontarju.
Iżda rrid ngħid li s-sistema tagħna fiha ċerti salvagwardji li ftit jafu bihom. Għalkemm għomor il-ħabs tfisser għomor il-ħabs, m’hemm xejn li jżomm lill-imħallef milli jtaffi xi ftit minn din il-piena. Artiklu 493 tal-Kodiċi Kriminali Malti jipprovdi l-imħallef wara din il-kundanna jista’ jagħmel rakkomandazzjoni lill-President tar-Repubblika – fil-fehma tiegħi għandu jgħaddi ż-żmien qabel priġunier għandu jinħeles mill-ħabs. Din l-ittra trid issir fi żmien 24 siegħa mis-sentenza. Kopja tagħha tingħata lill-ikkundannat u l-oħra tinżamm magħluqa fir-Reġistru tal-Qorti Kriminali.
Apparti dan Artiklu 93 tal-Kostituzzjoni jagħti wkoll lok li priġunier jista’ jkollu l-maħfra tal-President tar-Repubblika. Dan ġara fil-każ ta’ nies li xjaħu, morda b’mod terminali jew ċirkostanzi eċċezzjonali. Jiġifieri s-sistema tagħna hi krudili, però tipprovdi wkoll għall-possibilità li tiġi inumanizzata. Tiddependi mir-reati u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ.
Jien nemmen f’pieni ta’ għomor il-ħabs iżda xorta ngħid li dejjem għandna nilħqu bilanċ bejn l-interessi ta’ l-individwu u dawk tas-soċjetà.

PEPPI

Għalija ħabs għal għomrok hi krudeltà li ma nispjegahiex. U bir-rispett kollu lejn l- Imħallfin, ma nistax nikkonċepixxi kif imħallef jista’ jaqra sentenza li tikkundanna persuna għal għomorha l-ħabs.
L-Imħallef jista’ jgħid li hu qed isegwi l-Liġi iżda jekk hu hekk ma nifhimx kif persuna jista’ jaċċetta li jkun jew tkun imħallef. Li taqfel persuna u joħroġ minn hemm ġew mejjet? Għal dejjem? Ma nemminx...
Ma nistax naqbel ma’ piena ta’ għomor il-ħabs għax ma nifhimx kif ngħidu li l-ħabs hu post ta’ riforma u fl-istess nifs irridu naqflu persuna fil-ħabs għal dejjem.
Allura għalfejn se nirriformawh? Mhux biex joħroġ fis-soċjetà? Allura kif jirriforma u jibqa hemm ġew maqful għal dejjem? Meta nibagħtu lin-nies għomorhom il-ħabs inkunu qed nammettu li l-ħabs hu vendetta, kastig, mhux post ta’ riforma. Ma ndaħħkux iżjed nies u nsejħulha Faċilità Korrettiva Kordin.
Jiena ngħidlu ħabs b’vendikazzjoni.
Għaliex mhux kastig? Għax min iwettaq delitt jew twieled dispost li jkun kriminali jew trabba biex ikun hekk. S’issa jien ma wettaqtx delitti ikkastigasti bil-ħabs għax kont fortunat u f’ġismi ma jidhirx li għandi dispożizzjoni li nkun kriminali. Ma wettaqtx delitt għax twelidt f’familja li tatni kenn mill-aħjar li kienet taf. Li mid-dehra s’issa, din
it-trobbija, kellha suċċess.
Imma min jitwieled b’genes disposti għall-kriminalita għandu x’tort? Jekk it-tifel trabba fis-swat u fl-aggressjoni, jekk l-iskola kienu jagħmluh żibel, jekk is-surmast qallu li hu ġidra... X’tort għandu jekk dan il-ġuvni jibda karriera fil-kriminalità?
Minix ngħid li min jagħmel il-ħsara lis-soċjetà għandu jitħalla jiġri fit-toroq qisu mhu qed jiġri xejn. Għax dan ikun ta’ periklu għalih u
għas-soċjetà.
Iżda mhux tagħlqu f’ħabs li fih tkun umiljat u degradat. Għandu jkun hawn postijiet li fihom jgħixu gruppi żgħar ta’ persuni jiskontaw sentenzi ta’ ħabs. Il-post għandu jkun miftuħ u jekk ikun hemm l-imħabba ma jaħrab ħadd.
Naf. Hawn ħafna qed jaħsbuni qed noħlom. Jew qed nispissja. Iżda dan l-aħħar għixt għal xi jiem ġo ħabs ma’ persuni jiskontaw sentenzi ta’ ħabs, li jgħixu flimkien ma’ nies li jħobbuhom. Dan il-ħabs m’għandux bibien imsakkrin. Il-bibien miftuħa u ma jaħrab ħadd.
Fl-10 snin li ilu jeżisti dan il-ħabs bil-bibien miftuħa, ma ħarab ħadd. Dan il-ħabs jismu Sant’Anna u hu mmexxi mill-Caritas. Ħabs immexxi b’imħabba. Il-persuni f’dan il-ħabs għandhom għal xiex iħarsu ’l quddiem biex jibdew ħajja ġdida. Tafu x’jitgħallmu f’dan il-ħabs? Kif iħobbu lilhom infushom u b’hekk ikunu jistgħu iħobbu lill-oħrajn. Ma joħorġux minn hemm inkazzati għas-soċjetà mħeġġa li jpattuha lill-istess soċjetà li permezz ta’ l-imħallef, f’isimna, spiċċaw maqfulin f’ħabs ta’ vendetta. X’differenza minn Sant’Anna...
Kif jista’ xi ħadd jgħaddi għomru l-ħabs iħares ’il quddiem biex joħroġ? Jekk jaf li jagħmel x’jagħmel hemm ġew se jibqa’. Jaf li għalxejn jipprova għax mejjet irrid joħroġ minn hemm ġew.
Allura mhux ovvja li se jkun indannat? Mhux bilfors li jekk issib ċans jaħrab meta jaf li sentenza agħar minn dik li jkun weħel, ma jistax jieħu?
Il-piena ta’ għomor il-ħabs hi kontra d-drittijiet umani tal-bniedem u ma nifhimx kif l-Unjoni Ewropea tittollera li pajjiżi membri għadhom jistgħu jwaħħlu ħabs għal għomorhom.

Intervista

Li hu tajjeb għan-negozju, tajjeb għal Malta
Kurt Sansone jintervista lil Josie Muscat


Editorijal

It-Tarzna: tmiem jew bidu ġdid


Il Punt
Pajjiż li jaqra, pajjiż b'saħħtu
Sergio Grech

TONI u PEPPI
Taqbel ma' għomor il-ħabs?


Emmanuel Micallef
Il-qasma: tolleranza zero


Carmelo Mifsud Bonnici

Quintus Fabius jew Titus Flavius



X'kien Jgħid
Żelqa fin-niexef



Wenzu Mintoff

Il-kbir għadu ġej


Download the front page of ILLUM in PDF format




 

 

 


 

Copyright © MediaToday Co. Ltd, Vjal ir-Rihan, San Gwann SGN SGN 9016 Malta, Europe Tel. ++356 21382741, Fax: ++356 21385075