L-MUT tinsisti li kien hemm ksur tal-proċedura
Julia Farrugia
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi jiddefendi lill-Ministru Louis Galea li din il-ġimgħa fi stqarrija ġġustifika mossa li biha kien irtirat transfer tal-kuġina tal-Ministru u li minflokha ġie trasferit ħaddiem ieħor li għandu ferm aktar anzjanità fil-mistier minnha.
Illum hi nfurmata li aktar minn ġimgħa ilu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi rċieva email li biha kien diġà mgħarraf bl-inġustizzja li saret ma’ ħaddiem li kien trasferit inġustament biex tkun akkomodata Michelle Mangion, il-kuġina tal-Ministru Louis Galea u oħt l-eks deputat Laburista Louis Buhagiar.
Mistoqsi minn din il-gazzetta dwar dan il-każ Gonzi għall-ewwel wieġeb li “m’għandu xejn xi jżid ma’ l-istqarrija 1671 maħruġa nhar it-Tnejn mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni.”
L-istqarrija tal-Ministeru ta’ Louis Galea fost l-oħrajn tiġġustifika l-bidla t-twaqqif tat-transfer tal-kuġina tal-Ministru u ingħad li “ġiet applikata l-prattika li mill-ICT Centre imur għalliem kwalifikat fis-suġġett u fuq il-bażi ta’ ‘last in first out’.
Ġimgħa ilu l-MUT pubblikament iddikjarat li din il-mossa kienet “ksur sfaċċat tal-proċedura.” L-union insistiet li t-transfers temporanji jew mhumiex għandhom jingħataw lil min ikun ilu l-inqas żmien iservi bħala għalliem.
Illum għandha tagħrif f’idejha li jikkonferma li Mangion ingħatat il-warrant permanenti 10 xhur biss qabel dan il-każ, f’Diċembru, 2006.
Ikkuntattjata minn din il-gazzetta Mangion bdiet tinsisti għal darba, tnejn, tlieta li trid taf min huma s-sorsi ta’ l-istorja tagħna anke jekk dan imur kontra kull etika ġurnalistika.
Skond Mangion l-istorja ħarġet fil-beraħ “biex xi ħadd iħammeġ lilha u lil kuġin tagħha l-Ministru Louis Galea.”
Mitluba tammetti jekk hux veru li hi ngħatat l-warrant f’Diċembru li għadda, l-għalliema qalet li “ma tiftakarx meta ngħatat il-warrant. Fil-każ l-aħjar tikkonferma ma’ l-Operations.”
Mistoqsija jekk tal-inqas tiftakarx jekk ħaditx il-warrant xi sitt snin ilu jew inkella “ftit xhur ilu biss” il-mara baqgħet tinsisti li “ma tafx għaliex biex jinħareġ il-warrant jgħaddi minn taħt ħafna bordijiet”.
Teknikament il-kuġina tal-Ministru Louis Galea kellha tingħata hi t-trasferiment temporanju lejn skola oħra għaliex hi għandha l-inqas anzjanità. Imma minflokha ċċaqlaq għalliem li ilu bil-warrant sebgħa snin sa minn Settembru ta’ l-2000.
Mitlub minn din il-gazzetta biex jikkummenta dwar dan l-aħħar żvilupp il-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal fost l-oħrajn li “il-kwistjoni ta’ min għandu l-aktar anzjanità m’hix relevanti f’dan il-każ għax hawn tapplika l-proċedura tal-last-in-first-out.”
It-tweġiba xejn mhu qed tinżel tajjeb ma’ l-Union ta’ l-Għalliema li meta ffaċċjata għal darb’oħra minn Illum ħaditha qatta bla ħabel kontra d-deċiżjoni tal-Gvern.
John Bencini, President ta’ l-MUT sostna li “għal darb’oħra aħna nibqgħu ninsistu li l-ispjegazjoni li qed jagħti l-Ministeru hi kollha żbaljata. Għalxejn instructor ikun ilu jagħmel dan ix-xogħol għal 15-il sena. Li jgħodd hu meta l-persuna tingħata l-warrant ta’ għalliem.”
L-Union qed tkompli tinsisti li l-għalliem li spiċċa trasferit inġustament minnflok il-kuġina tal-Ministru Louis Galea qatt ma kellu jiċċaqlaq miċ-Ċentru ta’ l-ICT f’Belt is-Sebħ għaliex l-anzjanità tiegħu qiegħda hemm u ilu għalliem sa mis-sena 2000.
John Bencini jkompli jtenni l-pożizzjoni ta’ l-Union: “Nerġa’ nirrepeti bla tlaqlieq dan it-transfer kien irtirat b’mod kompletament żbaljat u ħażin. It-transfer fih ksur tal-proċedura. Il-proċedura nkisret bil-kbir.”